Jeanine Gramick

Page 1

LGBT Christian Group Gender, Sexuality and Spirituality Carmelite Priory, Mdina 16th June 2014

Jeanine Gramick : New Ways Ministry

Parrhesia

Letter to a Priest hija ittra li Simone Weil kitbet lil wieħed qassis Franċiż li kien jgħix New York fil-1942. Fl-ittra tesprimi sensiela ta’ mistoqsijiet u konflitti dwar il-fidi kattolika. L-ittra tesprimi t-turment li xi ħadd bħal Simone Weil jista’ jkollu meta, kif tgħid hi stess, tħossha hekk miġbuda lejn il-fidi kattolika imma fl-istess ħin donnha trid tibqa’ fuq l-għatba tal-Knisja. L-ittra tiftaħ hekk : “Meta naqra l-katekiżmu tal-konċilju ta’ Trentu, nifhem kemm m’għandi xejn komuni ma’ din ir-reliġjon. Meta naqra t-Testment il-Ġdid, il-mistiċi, illiturġija, meta nosserva mill-qrib iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, inħoss konvinzjoni interna li din hi l-fidi tiegħi”1. Dan jista’ jkun it-turment intern li ħafna nies, tul l-istorja twila tal-Kristjaneżmu u llum, ġarrew u għadhom iġorru quddiem Knisja li minkejja l-kliem ta’ Ġesu’ sikwit tibqa’ tipprova tpoġġi l-inbid il-ġdid f’damiġġjani qodma, jew agħar minn hekk, ma jgħaddilix minn rasha li jista’ jkun hemm inbid ġdid jew li jista’ jkun li d-damiġġjani qdiemu. Sr Jeanine Gramick li tlabtuni nitkellem dwarha llum, għalija tirrapresenta dan it-turment fil-Knisja, din it-tensjoni ta’ min fehem li l-Knisja ma tistax tittratta n-nies bid-duttrina u l-anqas ma tista’ ssolvi l-problemi l-iktar profondi tal-umanita’ bil-prinċipji, tajbin kemm huma tajbin. L-organizzazzjoni New Ways Ministry tesprimi propju dan l-isforz u t-tfittxija ta’ toroq ġodda ta’ ministeru, ta’ approaches ġodda quddiem realtajiet ġodda.

1

Simone Weil, Letter to a Priest, London : Routledge Classics 2002.

1


Fit-titlu ta’ din il-Paper, daħħalt il-kelma Parrhesia li tfisser titkellem b’qawwa, b’kuraġġ, anke bla biża’. ‘Fearless speech’, kiteb xi ħadd. Tista’ tiftihem f’sens ta’ sfida, ngħid li rrid, ma nibżax minnek; imma tista’ tifhimha fis-sens ta’ San Pawl meta jikteb fl-ittra lir-Rumani li aħna rċevejna Spirtu mhux ta’ biża’ imma Spirtu ta’ qawwa. Hija dik il-qawwa li l-Ispirtu jnissel fina u li tagħtina ħafna liberta’ tal-kelma. Thomas Merton jikteb li “a religion is most authentic when its primary function is to mentor a person’s spiritual liberty”2. Il-filosfu Franċiż Michel Foucault fil-1983 ta sitt lectures fuq innozzjoni ta’ Parrhesia li hu ittraduċa bħala “frankness in speaking the truth” 3. Foucault japplika n-nozzjoni ta’ Parrhesia għal ħafna aspetti tal-ħajja u mhemmx dubju li aħna nistgħu insibu ħafna applikazzjoni tagħha għall-ħajja tagħna fil-Knisja. L-iskop li qed nitkellem fuq parrhesia u napplikaha għal Jeanine Gramick hu propju għaliex jeħtieġ niskopru mill-ġdid il-qawwa u lkuraġġ tal-Ispirtu fid-diversifikazzjoni tal-ministeri fi ħdan il-Knisja llum u filgwida li l-Knisja qiegħdha biex toffri f’sitwazzjonijiet differenti, anke lil hinn mill-istess konfini tagħha, lil min jixtieq f’ħajtu jkun awtentiku. Irridu per eżempju nixtarru iktar ir-relazzjoni tagħna stess fuq livell personali mal-verita’ li suppost nippriedkaw u li mhijiex verita’ impersonali ta’ duttrini biss, imma Verita’ ħajja. Hija din ir-relazzjoni mal-Verita’ ħajja li lilna tagħtina l-qawwa biex nitkellmu u biex fina l-kelma t’Alla ma tkunx marbuta u biex ikollna anke l-liberta’ li mmorru lil hinn minn kunċett ta’ ubbidjenza li jista’ jwassal biex nfarfru mir-responsabbilta’ personali tagħna. Huwa interessanti li fis-snin wara l-Konċilju Vatikan II, fost teoloġi kbar li kienu qed jimplimentaw il-Konċilju, kellna żewġ impostazzjonijiet differenti rappresentati fuq naħa minn Hans Urs von Balthasar, u fuq in-naħa l-oħra minn Karl Rahner. Tal-ewwel kien donnu iżjed jemmen li l-verita’ qiegħdha fi ħdan il-Knisja u allura l-missjoni tal-Knisja hi li twassal din il-verita’ hemm barra. Tat-tieni kien iżjed isostni li l-verita’ qiegħdha hemm barra u l-missjoni u x-xogħol tal-Knisja hu qabel kollox li tagħmel dixxerniment biex din il-verita’ tiskopriha. Ma rridux ninsew li Alla hu ferm ikbar mir-reliġjon. Sa mill-oriġini tiegħu, il-Kristjaneżmu dejjem żviluppa l-ħsieb li kien jagħġen listess duttrina. Il-kultura dejjem kienet dik li xprunat il-fidi biex tittraduċi ruħħa b’mod li tkun tiftiehem u li tmiss lin-nies. L-ewwel Appostli sa mill-bidunett iffaċċjaw kwistjonijiet jaħarqu li firduhom fuq posizzjonijiet differenti. Il2 3

Thomas Merton, Conjectures of a Guilty Bystander, New York: Doubleday & Company, 1966, 77 Michel Foucault, Fearless Speech, Joseph Pearson, editor, Los Angeles: Semiotext, 2001.

2


kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni hija l-eżempju klassiku. Miegħu insemmu l-ftuħ lejn il-Ġentili. Diġa fl-Atti tal-Appostli għandha brand ta’ Kristjaneżmu magħluq u ieħor miftuħ. Pawlu fl-Ittri tiegħu hu differenti mill-Vanġeli, propju għax kien qed jindirizza kultura oħra li kienet teħtieġ lingwaġġ differenti. U hekk kompliet l-istorja tista’ tgħid għal millennju sħiħ, bi Kristjaneżmu li kien pluralistiku fi ħdanu anke fejn jirrigwarda l-viżjoni fundamentali tal-bniedem. Il-Padri talPunent ma kienux jaħsbuha bħal dawk tal-Lvant, Sant’Irinew ma jaħsibiex bħal Santu Wistin fejn jirrigwarda il-ħażen, id-dnub, u l-grazzja. Fejn jirrigwarda per eżempju dawk li ngħidulhom il-passjonijiet fil-bniedem, hemm Santi Padri b’attitudni negattiva - dawn jeħtieġ ikunu eliminati, Klement ta’ Lixandra waqt li oħrajn bħal Gregorju ta’ Nyssa li kien jemmen li l-passjonijiet iridu jkunu edukati. Biż-żmien pero’, il-Kristjaneżmu sar Knisja u l-Knisja żviluppat ferm iktar l-elementi tagħha ta’ istituzzjoni u struttura li trid tiddefendi l-konfini tagħha. Dan ġab miegħu dejjem iżjed il-ħtieġa ta’ uniformita’ f’kollox : duttrina, drawwiet, liġijiet, liturġija. U hekk il-Knisja tat-tieni millennju kienet tista’ tgħid dejjem f’konflitt mas-soċjeta’ u mal-kultura li kienu jevolvu. Fid-dixxerniment tagħna dwar kwistjonijiet li jnisslu fina turment li semmejt filbidu, parrhesia naraha ħafna importanti. Bejn iż-żewġ attitudnijiet li jistgħu anke jkunu estremi, cioe’ li inti tippresenta d-duttrina mingħajr ebda medjazzjoni u bħala liġi jew li inti tinjora d-duttrina u tiftaħ biex takkomoda, jista’ jkun hemm toroq oħra. Bħal ta’ Jeanine Gramick, l-istorja talKristjaneżmu hi miżgħuda b’eżempji ta’ nies li m’għandnix dubju mill-fedelta’ tagħhom lejn il-Knisja imma li safrattant kellhom il-qawwa u l-liberta’ li jsemmgħu leħinhom b’ħafna awtorita’ u b’ħafna mħabba minn ħdan il-Knisja. San Bernard ma kienx sforz l-arroganza li ndirizza lill-Papa Ewġenju III b’dan it-ton : “You have been more the successor of Constantine than the successor of Peter”. L-istess ma kinetx nuqqas ta’ rispett lejn l-awtorita’ meta Santa Katerina ta’ Siena kitbet lill-Papa Gregorju XI : “If you would open the eyes of your intelligence, you would see, Holy father, that it is more necessary for you to win back souls than to recover your earthly possessions” 4. Fid-Disputa famuża u qalila bejn il-Ġiżwiti u d-Dumnikani fuq il-grazzja li kienet ippolariżżat il-Knisja u li kienet kawża ta’ skandlu għall-firdiet u ddiżgwid li kienet qed tiġġenera, Bellarminu kien kiteb ittra lill-Papa Klement VIII biex iħeġġu biex joħroġ lill-Knisja minn din il-kwistjoni u jġib il-paċi. Jiktiblu hekk : “You say that the question appertains to the faith, but if that be 4

J. Foster, Setback and Recovery, London 1985, 164

3


so it is everybody’s concern. Therefore it should be discussed in the full light of day, and not secretly, with a mere handful of advisers”. Iżjed reċenti, ilKardinal Suenens, wara li f’Marzu 1968 kellu udjenza mal-Papa Pawlu VI filqalba tad-dibattitu dwar l-Humanae Vitae, fid-19 ta’ Marzu 1968 eżatt wara li rritorna l-Belġju kiteb ittra lill-Papa fejn jgħidlu : “The good of the Church would be dramatically endangered, in my opinion, if the Holy father were seen to take upon himself the role of the sole defender and guardian of the faith and of moral standards – if he were to stand before the world alone, cut off from the college of bishops, from the clergy, and from the faithful”. Fin-Notifikazzjoni ta’ Mejju 1999 mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Sr Jeanine Gramick kienet akkużata : “of being engaged in pastoral activities directed toward homosexual persons” u “of founding the organization New Ways Ministry to promote justice and reconciliation between lesbian and gay Catholics and the wider Catholic community”. Walter Brueggemann, Scholar bibliku fuq l-Antik Testment, fil-ktieb tiegħu Theology of the Old Testament 5, jikteb dwar żewġ tradizzjonijiet paralleli, “the justice tradition and the holiness tradition” u juri kif Ġesu’ kien ic-champion tal-justice tradition waqt li lavversarji u l-kritiċi tiegħu kienu fuq in-naħa tal-holiness tradition. F’ċertu sens dak li jikkritika anke Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium meta jitkellem dwar il-periklu li l-Ewkaristija nirriduċuha sagrament tal-puri. Il-lifestyle ta’ Ġesu’ kien kompletament favur it-tradizzjoni tal-ġustizzja u mhux tal-purita’, kif isostni Richard Hays f’The Moral Vision of the New Testament6. L-isfidi kbar ta’ natura teoloġika u pastorali li relazzjonijiet ġodda jippresentaw lill-Knisja u lilna fil-ħajja ta’ kuljum, jitolbu minna mhux biss fedelta’ sħiħa lejn il-Knisja imma anke qawwa u għerf biex nagħrfu li anke d-duttrina tiżviluppa. Anke jekk jidhru sfidi li minn punt di vista ta’ liġi u duttrina mhemmx soluzzjoni għalihom, imma hemm punti di vista oħra li aħna bħala Knisja irridu nibqgħu nesploraw. Sikwit nikkwotaw lil Sant’Irinew meta qal li l-glorja t’Alla hi li l-bniedem jgħix. X’tista’ tfisser li l-bniedem jgħix? Wieħed mid-dibattiti interessanti anke fit-Teoloġija dan l-aħħar, u li jien nixieq hawnhekk norbot ħafna miegħu, huwa l-kunċett ta’ awtentiċita’ jew il-ħajja awtentika. Ix-xewqa għal awtentiċita’ tinvolvi żewġ komponenti :

5 6

W. Brueggemann, Theology of the Old Testament, Minneapolis : Fortress Press 1997 R.B.Hays, The Moral Vision of the New Testament, London : Continuum 1996

4


Li inti tinħeles minn dak li jikkundizzjonak u tiltaqa’ tassew miegħek innifsek. Hija dik li normalment ngħidulha ‘Idħol fik innifsek’, appuntu kun awtentiku, skopri min int fil-verita’.

Li tkun koerenti miegħek innifsek, ma tkunx falz, ma tilbisx maskri biex taġixxi f’modi differenti skont iċ-ċirkustanzi. 

Jien nemmen li l-Knisja l-ewwel u qabel kollox xogħolha hu li tgħin lillbniedem ikun iktar awtentiku, takkumpanjah biex isib lilu nnifsu, twasslu biex ikun tassew in touch miegħu innifsu. In-nies tajjeb inkunu nafu fejn nixtiequ jew fejn suppost inwassluhom. Imma tajjeb ukoll nifhmu n-nies fejn qegħdin, għaliex jaħsbuha b’ċertu mod u mhux mod ieħor, x’jistennew u x’jittamaw mirReliġjon f’ħajjithom. Iż-żewġ xogħlijiet klassiċi tal-ispiritwalita’ nisranija, isSumma Theologiae ta’ San Tumas u d-Divina Commedia ta’ Dante it-tnejn jaraw il-ħajja ta’ fidi bħala vjaġġ lejn il-kuntentizza u Alla. Aħna fil-fatt neżistu bħala Knisja biex nakkumpanjaw in-nies f’dan il-vjaġġ. U llum dan m’għadux faċli daqskemm kien qabel għaliex il-Kristjaneżmu bħala għajn ta’ regoli morali qiegħed fi kriżi. Għalhekk il-kwistjonijiet u l-isfidi li qegħdin niddiskutu jitolbu ħafna dixxerniment, iktar milli sempliċement li nirriaffermaw ir-regoli. Dixxerniment li jsir mhux mingħajr ir-regoli, imma li jmur lil hinn mir-regoli. Għax il-missjoni tagħna bħala Knisja, għalkemm tinkludi, imma ma teżawrix ruħha sempliċement billi ngħidu din ħażina, din tajba. Irid ikollna l-għerf, is-sapientia, l-għerf pastorali, biex qabel nirrepetu dduttrina nidħlu fil-qalb tal-bniedem u nippruvaw nifhmu l-bniedem fejn hu, x’jixtieq, x’inhu jfittex, x’ideja għandu tat-tajjeb. Dawn il-problemi m’għandhomx biss abjad u iswed. Interessanti fil-fatt li anke l-istess kodiċi tad-Drittu Kanoniku tal-Knisja, propju fl-aħħar kanoni jagħlaq bil-ħtieġa li wieħed iżomm f’moħħu li s-salvazzjoni tal-erwieħ fil-Knisja għandha tkun dejjem is-suprema lex7. Ma naħsibx li xi ħadd qed jistenna li għandna t-tweġibiet ċari. Għidtuha intom stess fl-istedina : “Participants should be aware that this series will not pretend to offer ready-made answers to particular concerns and challenges but simply to offer a healthy space for reflection which draws from Christian tradition”. U jien nemmen ħafna li ttradizzjoni nisranija, jekk narawha fil-kumplessita’ tagħha, hija tradizzjoni milliktar rikka. Dnub li aħna stess sikwit qed nippresentawha bħala staġnata.

7

Codex Juris Canonicis 1752

5


Li tfittex it-tajjeb mhuwiex primarjament dwar regoli u kmandamenti. Hemm viżjonijiet oħra tal-bniedem – x’jikkompletaħ, x’jagħmlu sħiħ u awtentiku – li ma jirriduċix kollox għal liġi morali kif fhimniha speċjalment fil-Punent f’dawn l-aħħar sekli. Pastoralment inkunu nagħmlu short circuit meta l-issues insolvuhom bi tweġiba dottrinali li hi liġi, fullstop. Fil-viżjoni vera u propja ta’ pastorali li nistgħu nerġgħu niskopru, per eżempju, dak li kien ċentrali fil-vjaġġ tal-bniedem lejn Alla u lejn il-kuntentizza ma kienux il-kmandamenti imma lvirtujiet. Il-bniedem virtuż hu l-bniedem b’saħħtu, qawwi, għaref, għaqli, imħejji. San Tumas qabel jitratta l-virtujiet teologali jelabora fuq il-virtujiet kardinali. X’jagħmlek bniedem jiġi qabel x’jagħmlek nisrani. Il-virtujiet kardinali jibnu l-bniedem biex ikollu l-qawwa jersaq lejn l-idejal. Għalhekk Ġesu’ qal tpoġġux l-inbid il-ġdid f’damiġġjani qodma. U aħna, mhux propju din il-problema li għandna quddiemna f’ħafna minn dawn l-issues u li sfortunatament nibqgħu nipperpetwaw! L-idejal qlibnieh f’liġi u l-liġi ma tħallilekx ftuħ. Sikwit f’ħafna każi nibdew bil-fullstop, nibdew minn fejn suppost naspiraw li naslu. Sikwit nirraġunaw li mod ieħor ma tasalx, għax mhux faċli tifforma n-nies, u allura nippresentaw il-liġi. Imma li takkumpanja, tifforma, hi triq ferm itwal, għax titlob għerf, paċenzja, u żmien. Imma hija triq li bħala Knisja jeħtieġ nibqgħu nesploraw. Biex takkumpanja trid tkun sod, trid ukoll tkun ċar, u jrid ikollok iż-żmien u fuq kollox il-paċenzja. It-triq tal-liġi hi ċara imma taqta barra kull possibilta’ u allura teskludi. Il-Knisja per eżempju, fejn jidħol iż-żwieġ ippromoviet viżjoni konjugali li tradizzjonalment topera fl-ambitu tal-metafiżika : x’inhi n-natura tal-affarijiet u allura x’inhu tajjeb u ħażin skont kriterji ċari u stabbiliti. Minn naħa l-oħra, illum il-metafiżika ġiet sostitwita mill-identita’ tal-individwu (self-identity), mill-espressjoni tal-istess natura tagħna li hija proċess twil li jieħu ż-żmien : Be yourself. Anke l-etika ġiet sostitwita mill-kwistjoni tal-ugwaljanza li hija parti integrali mill-ġlieda tal-umanita’ għal dinjita’ iktar rispettata. L-importanza li nkunu ndaqs fejn jidħlu dinjita’ u drittijiet. F’ċertu sens dan jerġa jeħodni għallviżjoni tal-bniedem kif espressa fis-Santi Padri tal-Lvant u l-Punent fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu. Li tkun tajjeb, din hija ċarissima diġa fil-Vanġelu, mhijiex sempliċement li tosserva l-liġi, imma hija iktar dwar it-taqbida ma deċiżjonijiet dwar x’jgħinek tikber tassew. Gregorju ta’ Nyssa jgħid : “Believing harder will not make one stop being an imperfect human being”. Suppost ilna li ssuperajna l-mentalita’ li tiffoka fuq l-azzjonijiet tal-individwu. Imma qisu hemm tendenzi jew xewqat li 6


nerġgħu lura. “Nurikom triq li tgħaddihom ilkoll”, jgħid San Pawl, meta jintroduċi l-innu tal-imħabba. X’inhi din it-triq li tgħaddihom ilkoll, li tissupera kollox? Għalxiex qed jistedinna naspiraw San Pawl? Spiċċa ż-żmien li lkonfini tal-Knisja niddefinuhom b’mod ċar u tond. Il-Papa Benedittu nnifsu, filKtieb tiegħu Light of the World, jikkwota lil Santu Wistin fejn jgħid : “There are many outside who seem to be inside, and there are many inside who seem to be outside”. David Tracy, teologu ta’ żmienna, jitkellem dwar ‘uneasy alliance’ meta jirreferi għall-konversazzjoni tat-teoloġija llum mal-kultura moderna u post-moderna. Imma jisħaq fuq l-armonija meħtieġa f’kull reliġjon bejn l-aspett reliġjuż (jew mistiku), dak intellettwali (jew profetiku), u dak istituzzjonali. Meta element wieħed minn dawn it-tlieta jieħu preċedenza b’detriment għalloħrajn, allura l-armonija tintilef. Issa fit-teoloġija tal-aħħar 50 sena żviluppat qasma kbira bejn dawk li jissejħu ‘correlation theologians’, li jaraw konnessjoni u kważi kontinwita’ bejn itteoloġija u l-fermenti kulturali u intellettwali ta’ żmienna, u dawk li donnhom iridu jippreservaw f’bozza it-tradizzjoni nisranija biex ma tintmessx mill-forzi tal-kultura. Imma li aħna ninfetħu u nesponu lilna nfusna b’dak kollu li nemmnu għad-dinja madwarna hi kundizzjoni sagrosanta għal konversazzjoni awtentika ma’ żmienna. Wara kollox, l-iktar mumenti saljenti fil-missjoni ta’ Ġesu’ kif trasmessa fil-Vanġeli huma kollha mumenti ta’ konversazzjoni – ma’ Nikodemu, is-Samaritana, Zakkew, Xmun, eċċ. Normalment aħna nitkellmu minn Knisja li għandha l-aħbar it-tajba xi twassal lin-nies. Jagħmel tajjeb ukoll li l-Knisja, ladarba hija istituzzjoni b’dak kollu li jimplika, tirċievi hi ukoll laħbar it-tajba ta’ dak li l-kultura post-moderna qed tgħid u tagħmel. John Caputo, filosfu, fil-ktieb tiegħu What would Jesus deconstruct? jieħu bħala case study Diary of a City Priest (1993) ta’ John McNamee, qassis kattoliku Irlandiż, kappillan f’North Philadelphia fil-Knisja ta’ San Malakija. Ilktieb jirrakonta sena mill-ħajja ta’ dan il-kappillan f’żona fost l-iżjed ghettos perikolużi fl-Amerika. L-esperjenza ta’ John McNamee hija interessanti u illuminanti. Jikteb : “I rage against the impossibility of my life. The rage is always there just below the surface, even when things seem smooth and I feel in control”8. Mhuwiex irrabjat man-nies, imma miegħu innifsu ta’ kemm m’għandux paċenzja, irrabjat għax ħajtu impossibbli, għax mitlub jagħmel dak li ma jistax isir u għax dawn in-nies hu mitlub minnhom dak li ma jistgħux jagħtu. Dan hu djarju fejn iċ-ċertezzi mentali jinnawfragaw u fejn l-ikbar qaddis 8

John McNamee, Diary of a City Priest, Wisconsin : Sheed & Ward 2003, 115

7


hu Tumas li jiddubita, li sabha hekk bi tqila biex jemmen l-istorja impossibbli tal-qawmien9. F’dan kollu hu jqis lilu nnifsu raġel obsolet, b’formazzjoni klassika, b’imħabba għall-kant Gregorjan, li jaqra lil San Ġwann tas-Salib, lil Simone Weil, u liż-żewġ Tereżiet, ta’ Avila u ta’ Lisieux, imma li qiegħed jaħdem f’ambjent u ma’ nies li dan kollu hu aljen għalihom. McNamee qisu kiteb verżjoni kontemporanja tal-Confessions ta’ Santu Wistin fejn jesprimi b’onesta’ radikali imma mill-qalb id-dubji li jsawwru l-fidi tiegħu. Hu jħossu maqsum bejn żewġ knejjes, dik il-kbira, kif isejħilha hu, l-istituzzjoni bil-ġerarkija, bil-parroċċa kif nafuha, b’uffiċċju bl-aħħar teknoloġija u effiċjenti, u l-oħra fejn jgħix u jaħdem hu. Kif jikteb Caputo, McNamee hu qassis fidil lejn iċ-ċelibat, jgħid ir-rużarju, devot tal-qaddisin, u jħobb jitlob filpresenza ewkaristika. Dak li jiddistanzjaħ minn nies ‘tal-Knisja l-kbira’ mhuwiex li huma għandhom il-fidi ortodossa u hu le. Imma l-ospitalita’ li hu jipprattika minħabba l-ambjent li fih jaħdem. Il-Knisja wara kollox irridu iżjed niskopruha bħala l-ispazju fejn il-verita’ tista’ sseħħ (facere veritatem) iktar milli sempliċement l-istituzzjoni li tgħallem il-verita’. Il-Vanġelu mhuwiex sett ta’ duttrini għax, kif qal tajjeb Kierkegaard, li kieku l-Vanġelu kien teorija, kien ikun teorija assurda. In-New Ways Ministry ta‘ Jeanine Gramick għalija toffri mhux biss tweġibiet imma anke l-ispazju li l-Knisja kollha jeħtieġ toffri quddiem dik li llum hija “a very significant adaptive challenge” 10 li tesiġi millKnisja toroq ġodda u approaches ġodda.

Rev Rene’ Camilleri

9

Ibid. 135 M. Frost & A. Hirsch, The Shape of Things to Come. Innovation and Mission for the 21st Century Church, Hendrickson Publishers 2003 10

8


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.