Ir-Riforma tal-Liġijiet dwar id-Drogi tal-Abbuż

Page 1


Is-suġġerimenti tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) f’isem l-istudenti tal-Junior College, l-Università ta’ Malta, u diversi għaqdiet li attendew il-laqgħa ta’ konsultazzjoni nhar it-13 ta’ Settembru 2014. Is-suġġerimenti ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-KSU u ta’ ebda għaqda oħra sakemm mhux speċifikat li tittieħed vot fil-Kummissjoni għallPolitika Soċjali skont l-Istatut tal-istess KSU.


Werrej Introduzzjoni 5 Punti Ewlenin 9 Suġġerimenti 13 Punti Ġenerali 15 Traffikar 17 Edukazzjoni 17 Dekriminalizzazzjoni 18 Legalizzazzjoni 18 Sistemi ta’ Rijabilitazzjoni f’Malta 19 Bord 21 Konklużjonijiet 23


li l-istudenti Maltin u “Nixtieq Għawdxin tal-Università u l-Junior

College jissieħbu f’din il-kampanja #speakUP, għaliex tassew nixtieq li f’pajjiżna jkunu ż-żgħażagħ li jressqu ’l quddiem l-ideat u l-aspirazzjonijiet tagħhom, u joħolqu dik il-vibe li tant għandha bżonn is-soċjetà Maltija u Għawdxija.

IL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA


Introduzzjoni



Il-missjoni ewlenija tal-Kummissjoni għall-Politika Soċjali (KPS), fi ħdan ilħidma tal-KSU, hi li tagħti vuċi lill-istudenti, tħeġġeġ id-dibattitu u tixhed ilvaluri soċjali tal-istudenti b’mod partikolari għat-tisħiħ tad-demokrazija. L-uffiċċju għall-Politika Soċjali nieda kampanja bl-isem #speakUP bl-għan li jeqred l-apatija fost l-istudenti u jħeġġiġhom jipparteċipaw fid-diskussjoni. Din il-kampanja rat il-bidu ta’ seba’ sottokumitati Health & Well-Being І Green Campus І Decriminalisation of Drugs І The Right to Privacy – The Snowden Effect І Transport/Parking/Access І Gender Identity & Gender Roles І Migration Nhar is-Sibt 13 ta’ Settembru 2014 l-Uffiċċju għall-Politika Soċjali, flimkein mal-kumitat rispettiv, organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni fid-dawl tar-riforma tal-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż, bl-intenzjoni li jagħrbel il-punti ewlenin tal-white paper maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali. Dawn is-suġġerimenti ma jirriflettux il-pożizzjoni tal-KSU.


“Id-droga hija pjaga f’pajjiżna. ” WHITE PAPER, LULJU 2014


Punti Ewlenin



Il-KSU jisħaq li d-drogi m’għandhomx post fil-ħajja tal-istudenti Maltin u Għawdxin. Filwaqt li hu konxju tal-użu wiesa’ tad-drogi fil-komunità Maltija, iħeġġeġ liżżgħażagħ biex joqogħdu ’l bogħod mill-esperimentazzjoni u jegħlbu l-kilba. Jemmen li ż-żgħażagħ għandhom jindirizzaw l-enerġija u l-entużjażmu tagħhom banda oħra. Għalhekk il-KSU flimkien, ma’ ħafna għaqdiet, jikkommetti ruħu biex joħloq ambjent san fejn l-istudenti jingħataw l-opportunità biex jisfruttaw ilpotenzjal kollu tagħhom, kemm mill-aspett akkademiku kif ukoll dak soċjali. Il-KSU japprezza r-realtà ta’ soċjetà aktar liberali fejn l-individwu għandu dritt jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu sakemm dawn ma jkunux ta’ detriment għas-soċjetà. Jisħaq, madankollu, li l-libertà m’għandhiex issir libertinaġġ. Il-KSU jemmen li l-liġi għandha tilħaq bilanċ ġust bejn x’għandu jservi ta’ deterrent, il-libertà talindividwu u l-ġid komuni. Il-Kunsill jikkundanna t-traffikar ta’ sostanzi illegali strettament għall-skopijiet kummercjali u ghalhekk jippretendi li l-liġi tiġi inforzata b’mod rigoruż. Il-Kunsill jagħder lill-individwi li jisfgħu vittma tal-vizzju tad-droga u jestendi l-id tal-għajnuna b’determinazzjoni u b’imħabba mingħajr ma jħares lejn uċuh. Il-kunsill jesprimi d-diżappunt tiegħu għas-sitwazzjoni fil-ħabs u l-istrutturi korrettivi - għajr għal xi uħud fejn qed isir progress. Jemmen li l-Gvern għandu jinvesti b’qilla fi strutturi li jħallu l-frott.



Su치치erimenti


“FŻL appreciates the effort the Government is making to tackle this issue. The proposed reform

inevitably brought about a number of discussions, which discussions are in themselves vital to mitigate the stigma that often encompasses the problem of drug abuse. It is important to take a holistic approach to such issue, and any reforms may be rendered ineffective if not supported by educational campaigns that aim to discourage and prevent drug use from a young age. Making the system more flexible, especially with regards to first-time users, is essential. We are here dealing with individuals struggling with a social, psychological and physical problem and the more we move away from the notion that drug addicts are criminals, the more we can find effective solutions. Thus we believe that the proposals laid down in the White Paper are a long overdue, and necessary step in the right direction.

FORUM ŻGĦAŻAGĦ LABURISTI, FŻL


Inħarsu lejn l-istampa kollha. Ħafna drabi nitkellmu fuq id-droga bħallikieku din hija realtà iżolata u ma tagħmilx parti mill-ħajja ta’ kuljum. Bosta studenti jemmnu li mhux qed inħarsu bis-serjetà lejn l-istampa kollha – qamu mistoqsijiet bħal: Għalfejn iż-żgħażagħ iduru għallkannabis? Qegħdin ninvestu bilgħaqal biex noħolqu alternattivi – ngħidu aħna l-isports? Jistgħu ż-żgħażagħ jirribellaw mingħajr ma jersqu lejn id-drogi? Hemm studji u riċerka adegwati? L-edukazzjoni tixhed biss flus u karriera? Qegħdin ngħixu f’soċjetà tranwkilla fejn jirrenja l-bilanċ? L-istil ta’ ħajja li nirriklamaw huwa t-tajjeb? Iż-żgħażagħ tagħna kif qed inrawmuhom? L-ambjent ngħożżuh jew l-iżvilupp u l-ekonomija jippreċedu? Id-dixxiplina għebet għalkollox? B’mod speċjali rridu naraw għalfejn iż-żgħażagħ iħossu l-bżonn li jduru għad-drogi u allura hemm il-ħtieġa li jsir studju serju f’dan ir-rigward – daqshekk kliem astratt u mistoqsijiet rettoriċi, ħafna studenti huma tal-fehma li hemm bżonn immiddu jdejna. Bosta jaħilfu li hemm bżonn naraw immedjatament kif nistgħu nħeġġu liż-żgħażagħ jsibu żvog f’attivitajiet bħall-isports minflok. Mhuwiex biżżejjed li fliskejjel inrawmu biża’ fuq l-użu tad-drogi, iżda pjuttost hemm bżonn nuru biċ-ċar li hemm oqsma u aspetti oħra tal-ħajja li jagħtuk gost u jimlewlek il-vojt mingħajr ma tkun qed tagħmel ħsara lil saħħtek. Il-White Paper – Analiżi Ġenerali. Il-White Paper ma tagħmilx distinzjoni bejn min hu minuri u min mhux. Jidher li m’hemmx din id-differenza għalkemm tissemma’ d-diskrezzjoni wiesa’ tal-Qorti u l-linji gwida. Bosta jemmnu li hemm numru sostanzjali ta’ nies li jibdew il-vizzju ta’ età żgħira u għalhekk jaqblu li jekk dawn jinqabdu bi kwalunkwe tip u bi kwalunkwe ammont ta’ droga, hemm bżonn li dawn jingħataw attenzjoni immedjata u għajnuna speċjali sabiex nevitaw li l-problema tikber u effettivament issir problema tassoċjetà. Ir-riforma trid tkun waħda li tħalli l-frott. Bosta jaħsbu li l-introduzzjoni ta’ drug court jista’ jħalli l-frott, b’mod partikolari għaliex il-ġudikatura jkunu speċjalizzati fis-suġġett u jkunu jistgħu jagħmlu analiżi bir-reqqa ta’ kull każ; saħansitra jkunu jistgħu jħarsu lejn it-tfulija tal-individwu kif ukoll l-istat psikologiku tiegħu. Bosta jemmnu li l-Qorti għandha tħares lejn l-angoli kollha f’każijiet ta’ din ix-xorta, għalhekk għandu jkollha diskrezzjoni wiesgħa. Mill-banda l-oħra kien hemm min saħaq li din tista’ tkun proċedura burokratika u li din l-istruttura diġà teżisti b’isem ieħor. Bosta studenti esprimew in-nuqqas tal-White Paper ta’ kif il-liġi se tiddefinixxi addict. Oħrajn qalu li kull każ għandu jiġi interpretat għalih minflok ikun hemm definizzjoni riġida. Fil-preżent, il-liġi tgħid li multi li ma jitħallsux ħafna drabi jissarfu fi priġunerija. Ir-realtà hi li fil-maġġorparti tal-każijiet l-assi tal-individwu jiġu friżati, għalhekk ma jkunx jista’ jħallas din il-multa. L-esperti, flimkien ma’ bosta studenti, qablu li s-soluzzjoni tista’ tkun li l-perusna tkun mogħtija perjodu ta’ żmien biex tħallas l-ammonti stipulati, pereżempju meta l-persuna tibda taħdem.



TRAFFIKAR

L-istudenti qablu li għandu jissaħħaħ il-kunċett ta’ piena proporzjonali. Il-ġudikant għandu jiġi mgħammar bl-għodod adegwati kif ukoll b’linji gwida. Jidher li hemm kunsens li min jisraq jew jittraffika biex imantni l-vizzju tad-droga m’għandux jeħel piena ta’ priġunerija ekwivalenti għal dak it-traffikant li jittraffika sabiex iħaxxen butu min fuq dahar id-dgħajjef.

EDUKAZZJONI Esperjenza edukattiva u formattiva dwar is-suġġett għandha tibda fi stadju bikri tal-ħajja iżda ma tiqafx hemm. Il-partijiet kolllha għandhom ikunu infurmati tajjeb, b’mod speċjali l-ġenituri. Għalhekk ir-riforma għandha tindirizza wkoll l-aspett edukattiv. L-edukazzjoni ma ddurx biss madwar l-għamla tad-drogi li jeżistu iżda aktar importanti l-effetti u s-sintomi fiżiċi, għalfejn m’għandekx tagħmel użu middroga, teduka lill-poplu li bniedem riformat għandu sehem ħaj fis-soċjetà, l-effetti medici, u s-servizzi li jeżistu, fost oħrajn. Ħafna ippuntaw lejn ir-role models li għandhom iż-żgħażagħ illum; enfasizzaw l-importanza li l-ġenituri, l-għalliema, u l-politiċi, fost oħrajn, għandhom jerfgħu dan il-piż b’responsabbiltà u b’sens ta’ dover. Fiċ-ċentru tad-diskussjoni kien hemm ukoll kritika ħarxa dwar l-istil ta’ edukazzjoni li konna nirċievu fl-iskejjel tal-primarja u tas-sekondarja. Bosta jemmnu li hemm ħafna x’jista’ jsir filwaqt li huma konxji tal-proġress li sar tul iż-żmien. Is-sistema edukattiva m’għandhiex tittollera l-ġudizzju iżda tagħder lil min waqa’ fl-iżball u teduka li fil-kors tal-ħajja kulħadd jiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet diffiċli. Ilkelma ‘stigma’ ssemmgħiet kemm-il darba. Kien hemm ukoll min argumenta li s-sistema edukattiva għandha tixhed kodiċi morali aktar kompassjonali. Is-sistema edukattiva ħafna drabi tiffoka l-aktar fuq il-famuża piena minflok fuq ilkonsegwenzi psikoloġiċi, soċjali u mediċi. Għaliex m’għandekx tagħmel użu middroga? Jekk ir-risposta tkun ”għax tmur il-ħabs,” allura s-sistema u l-approċċ mhuwiex tajbin.


DEKRIMINALIZZAZZJONI TAL-CANNABIS X’JAĦSBU L-ISTUDENTI? Fid-dawl tad-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis, il-maġġorparti tal-istudenti ma qablux li individwu jingħata twissija kull darba li jinqabad b’pussess sempliċi ta’ kannabis, b’mod speċjali jekk l-użu jkun frekwenti. Ħafna esprimew is-similarità ma’ kontravenzjoni; twissija m’għandhiex is-saħħa ta’ deterrent f’għajnejn l-istudenti. Jista’ jkun li din it-twissija tfisser li qed inxaqilbu aktar lejn dipenalizzazzjoni? Kien hemm min esprima l-ħsieb li l-White Paper qed tipprova tikkuntenta lil kulħadd permezz ta’ din it-tattika. Hemm min jemmen li hemm kontradizzajoni. Minn banda ngħidu li d-droga hija essenzjalment ħażina u nħarsu lejn l-użu frekwenti bħala problema serja u millbanda l-oħra jekk tinqabadx darba jew għoxrin darba b’pussess sempliċi ta’ kannabis, l-istess twissija se tmur fin-nofs. Mill-banda l-oħra, kien hemm qbil li t-twissija ma titniżżilx fil-kondotta. Din mhux se tagħti lok biex bniedem jgħaddi ġudizzju, u hekk għandu jkun. Ħafna jaqblu li anki wara li bniedem ikun instab ħati, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għandha tagħti lok biex il-kondotta titnaddaf jekk il-persuna tirriforma ruħha. Uħud jibżgħu li jekk il-kannabis tiġi dekriminalizzata, kulħadd jitħajjar minkejja li ħafna huma konxji tad-distinzjoni bejn dekriminalizzazzjoni u legalizzazzjoni. Bosta jaħsbu li hemm kontradizzjoni oħra għall-fatt li jekk tinqabad tpejjep il-kannabis ma tkunx kriminal, iżda min ibigħ il-Cannabis, hu. Kien hemm min saħaq li din ittriq se twassalna biss għal-legalizzazzjoni. Issemma’ l-punt li min huwa addict, ħafna drabi jkollu problemi soċjali. Il-kannabis tkun biss mezz ta’ kif wieħed jaħrab mir-realtà; kif se nindirizzaw id-diffikultajiet ta’ dawn in-nies? Il-perċezzjoni hi li l-użu tal-kannabis se jiżdied. Hemm min jaħseb ukoll li jekk individwu jista’ juża’ l-kannabis b’aktar trankwillità, din se twassal biex jipprova sustanzi oħra. L-esperiment u l-kilba hija fin-natura tal-bniedem, qalu xi wħud.

GĦANDU JKUN HEMM KLASSIFIKAZZJONI BEJN IL-KANNABIS U DROGI OĦRA? Fuq jekk għandniex nikklassifikaw bejn hard drugs u soft drugs, bosta studenti qablu li din id-distinzjoni għandha sseħħ minħabba d-differenza fl-effetti mediċi tad-drogi.


Nifhmu li l-White Paper tipprova tagħmel distinzjoni bejn il-kannabis u drogi oħra. Minkejja dan, hemm min jargumenta li m’għandux ikun hemm klassifikazzjoni bejn id-drogi minħabba li l-effetti tagħhom kollha b’xi mod jew ieħor iħallu ħsara irreparabbli.

KULTIVAZZJONI Rigward il-kultivazzjoni, bosta studenti jaqblu li għandu jkun hemm distinzjoni bejn kultivazzjoni għal skopijiet kummerċjali u kultivazzjoni għall-użu personali. Il-White Paper issemmi li l-Qorti se jkollha d-diskrezzjoni biex tiddeċiedi. Din intlaqgħet tajjeb mill-maġġoranza. Bosta studenti staqsew ukoll x’se jkunu t-thresholds.

LEGALIZZAZZJONI? X’JAĦSBU L-ISTUDENTI? Bosta studenti jaħsbu li r-riforma se twassal effettivament għal-legalizzazzjoni. Min hu favur jargumenta li jekk il-kannabis tiġi legalizzata xorta jkun hemm limitazzjonijiet - din tiġi intaxxata u s-suq il-ġdid ikun wieħed regolat. Legalizzazzjoni tista’ wkoll tnaqqas mill-vizzju ta’ drogi oħra, għaliex in-nies imorru għal xi ħaġa li jistgħu isibu f’suq regolat. Min hu xettiku qajjem il-punt li ħafna jkunu jridu jesperimentaw ma’ xi ħaġa ġdida u differenti, u li hemm ukoll il-biża’ li wieħed jista’ jsir addict tal-kannabis flok jibqa’ sempliċiment recreational user. Hemm ukoll bosta studenti li jemmnu li l-legalizzazzjoni huwa pass moralment inaċċettabbli.

SISTEMI TA’ RIJABILITAZZJONI F’MALTA Tqajjem il-punt dwar id-droga fil-ħabs u bosta studenti huma konvinti li din hija gwerra mitlufa. Ir-realtà hija li anke tpartit ta’ mediċini nsibu fil-ħabs. Bosta studenti, għalkemm fil-minoranza, tefgħu dell ikrah fuq l-istaff u l-ħaddiema talħabs. Il-KSU hawnhekk jagħmilha ċara li din mhux il-pożizzjoni tiegħu. Ħafna kienu wkoll tal-fehma li l-programmi ta’ rijabilitazzjoni jridu jsiru mandatorji. L-alternattiva tkun li jintbagħtu fi struttura korrettiva speċifika. Għandu jkun hemm attivitajiet rikreazzjonali, sens ta’ ispirazzjoni u motivazzjoni li jgħinu lill-bniedem jegħleb il-kilba tad-droga. Ħafna studenti jaħsbu li mhux qed isir investiment xieraq f’dawn l-istrutturi. Uħud jaħsbu li anke jekk id-droga tiġi eliminata kompletament mill-ħabs, l-ambjent u s-sistema tal-ħabs mhumiex jagħtu tama b’mod partikolari għax wieħed hu konxju li għandek sentenza x’tiskonta, jiġri x’jiġri. Għandna nħarsu lejn sistema li tirrevedi b’aktar awtonomija s-sentenza minn żmien għall-ieħor?



Il-White Paper tgħid li l-id tal-għajnuna rridu nagħtuha bis-serjetà u bosta studenti staqsew: kif?

BOARD Għandu jkun hemm tim multidixxiplinarju li jagħmel skrutinju olistiku. Dan it-tim għandu jinkludi individwi li għaddew mill-esperjenza tad-droga, u esperti, fost oħrajn. Studenti tal-liġi qalu li huwa kruċjali li s-serparazzjoni tal-poter bejn l-eżekuttiv (ilGvern) u l-ġudikatura (il-Qorti) tkun ċara.


IL-VUĊI TAL-ISTUDENT! Il-KSU se jkompli jsegwi mill-qrib il-proċess u jieħu pożizzjoni fi ħdan il-Kummissjoni għall-Politika Soċjali fil-ħin propizju. Ilkonsultazzjoni u l-kampanji informattivi se jkomplu hekk kif ftit tal-jiem oħra tibda s-sena akkademika. Għal aktar informazzjoni żuru s-sit ksu.org.mt jew ibagħtu ittre fuq socialpolicy@ksu.org.mt. Tistgħu ukoll tiltaqgħu ma’ Andrew Muscat u Rebecca Micallef meta hu l-aktar konvenjenti għalikom.


KonkluĹźjonijiet


www.ksu.org.mt


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.