15 minute read

FIJI

Next Article
IL-ĠAPPUN

IL-ĠAPPUN

29.03.2020 20 kullhadd.com FERĦ U NIKET GĦAL KOPPJA FQIRA Kitba ta’ EMAN BONNICI

Fost il-membri tal-Provinċja tal-Qalb Pura ta’ Marija tal-Patrijiet Karmelitani fl-Istati Uniti tal-Amerka nsibu figura “traġika” li l-minġel tal-mewt ħasad sa minn kmieni mhux biss lilha imma wkoll lill-ġenituri tagħha. Tagħhom hija storja qasira, aktarx kiebja, imma tislet minnha nfisha, l-imħabba u l-barka li l-figura ta’ iben ordnat għas-saċerdozju ġġib fid-dar.

Advertisement

Coalport: villaġġ qrib l-estinzjoni

Bħalma jixhed ismu, Coalport, fi Clearfield County, Pennsylvania, kien villaġġ tal-minjieri. Illum, li l-ħidma fihom għoddha għebet fix-xejn għall-kuntrarju ta’ dari, jgħodd popolazzjoni mill-aktar ċkejkna ta’ inqas minn 500 ruħ. Fiż-żmien li seħħet madankollu l-ġrajja tagħna tal-lum kien ferm aktar popolat u r-residenti kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom fil-veru sens tal-kelma blgħaraq ta’ ġbinhom bit-tbatija kbira li l-ħidma fil-minjieri ġġib magħha.

Il-villaġġ isorġi qrib il-famuża kurva ferrovjarja “Horseshoe Curve” fil-muntanji Allegheny, fejn il-Qaddej ta’ Alla, il-Prinċep Dun Demetrius Augustin Gallitzin (1770-1840), terraq u ħadem pastoralment snin qabel. Proprju f ’waħda mid-djar riservati għall-ħaddiema u nieshom mill-impjegati tagħhom f ’dan il-villaġġ, twieled fl-20 ta’ April 1887, tifel li ssemma’ Ġużeppi, it-tielet wild fost sitta tal-koppja Alexander Dressel u Mary Louise xebba Tourscher. Il-missier, Ġermaniż, imwieled sewwasew f ’Baden-Württemberg, kien mexa lejn l-Istati Uniti bħal ħafna żgħażagħ Ewropej oħra tamparu biex jittanta xortih fil-minjieri u mal-wasla tiegħu ma damx ma sab ruħu ġewwa Coalport.

Iċ-ċkejken Ġużeppi sa minn tfulitu kien medhi bi ħwejjeġ devozzjonali hekk li kien jgħaddi ħafna mill-ħin tiegħu fil-kappella ċkejkna preżenti f ’tarf waħda mill-għoljiet tal-villaġġ. Arah b’ħerqa jilbes il-libsa ta’ abbati u jassisti f ’kull funzjoni li kienet issir. Din il-ħeġġa tiegħu ma damitx ma żviluppat f ’sejħa vokazzjonali. Dan seħħ meta fl-1902, il-Patrijiet Agostinjani organizzaw missjoni fil-knisja tal-villaġġ u mqanqal mill-prietki li saru fiha, il-ġuvnott qatagħha li jibda l-istudji tiegħu għas-saċerdozju billi jidħol fil-Kulleġġ ta’ Villanova tal-istess Agostinjani. Minkejja d-diffikultajiet finanzjarji kbar, b’tant ħluq x’jintemgħu minn salarju l-aktar miżeru, il-ġenituri, imqanqla minn din id-deċiżjoni ta’ binhom, xejn ma ħassrulu, anzi ssagrifikaw sal-inqas sold li kellhom imfaddal sabiex jaqtgħulu xewqtu u jibagħtuh jistudja bil-għan li jarawh tiela’ t-tarġiet tal-altar. Tliet snin wara li beda l-istudji tiegħu, Ġużeppi marad u fuq parir tat-tobba, irħielha lejn villaġġ twelidu sabiex imidd idejh għax-xogħol manwali bit-tir li dan isaħħu mill-ġdid. Hekk għamel u għall-ħames snin li segwew, ħadem bħall-bqija ta’ niesu u r-residenti tal-post fil-minjieri. Minkejja li issa kien ’il bogħod mill-istudji u l-ġabra, il-vokazzjoni tiegħu ma tgħarrqitx, tant li meta fl-aħħar kiseb saħħtu mill-ġdid, daħal mal-Karmelitani.

Fi ħdan l-Ordni Karmelitan

Għaliex, forsi hawn min jistaqsi, mal-Karmelitani u mhux mal-Agostinjani? Fis-sena 1911, il-Patrijiet Karmelitani Basil A. Kahler u Philip A. Best tellgħu missjoni għal darb’oħra fil-knisja ċkejkna tal-villaġġ u ż-żagħżugħ tkellem magħhom u qasam magħhom il-ġrajja tiegħu. It-tnejn li huma wegħduh li jgħinuh u kelmithom żammewha għax f ’qasir żmien sab ruħu fil-Kulleġġ ta’ San Ċirillu f ’Chicago bħala postulant fi ħdan l-Ordni Karmelitan.

Matul dan il-perjodu, ta’ madwaru nnutaw li kien ta’ temperament nervuż, derivat aktarx miż-żmien li qatta’ fil-minjieri kif ukoll mill-ansjetà li fiha kostantement għadda dan il-perjodu li matulu akkost ta’ kollox ried jilħaq il-milja tiegħu, ċjoè it-triq tas-saċerdoz

ju. Madankollu kien ta’ natural mill-aktar timidu, riservat u fuq kollox b’nuqqas ta’ fiduċja kbira fih innifsu. Is-superjuri tiegħu għaldaqstant ħadmu bis-sħiħ biex jgħinuh jegħleb dan innuqqas ta’ kumpless ta’ inferjorità billi kienu jqabbduh fost l-oħrajn itella’ diskorsi f ’ċerimonji uffiċjali marbuta malkulleġġ. Kull darba li ġie fdat b’tali inkarigu ġie milqugħ b’applawsi kbar għall-kliem meqjus u elaborat tiegħu; ftit kienu jobsru x’sagrifiċċju kbir kien hemm min-naħa tiegħu wara kull wieħed minnhom!

Dressel għamel l-ewwel professjoni tiegħu fid-29 ta’ Settembru 1913. Mibgħut Ruma għal aktar studji, tul il-perjodu tan-novizzjat u l-istudentat tiegħu, kien popolari ferm mannovizzi sħabu li kienu jsejħulu “Doc” li fosthom bħala età kien sintendi l-akbar wieħed. Ordnat presbiteru ġewwa Ruma stess fit-2 ta’ Ġunju 1917, niżel lura l-Istati Uniti f ’Awwissu tas-sena ta’ wara.

Mal-wasla tiegħu, sewwasew fil-15 tax-xahar, ċjoè nhar l-Assunta, fil-preżenża tal-ġenituri tiegħu, qrabatu u r-residenti tal-villaġġ, qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-kappella ċkejkna li fiha nissel dik il-vokazzjoni li issa kien laħaq il-milja tagħha.

Tmiem bikri

Il-perjodu tal-Gwerra l-Kbira, bl-ikel razzjonat, wassal biex għarraq mill-ġdid saħħet P. Dressel. Biss ħadd ma ħaseb li dan kellu jwassal għal tmiem mill-aktar bikri f ’età hekk żagħżugħa. Milqut minn riħ, inkwetat li s-sorijiet li għandhom kienu jqaddsu l-Karmelitani kienu ser jibqgħu mingħajr quddiesa f ’każ li jagħżel li jibqa’ rtirat f ’kamartu peress li ħadd ma seta’ jmur għax il-bqija tal-patrijiet kienu milquta wkoll mill-influwenza, iddeċieda li jmur hu stess. Dan iż-że

lu għall-qadi ministerjali wasslu biex ir-riħ li diġà kellu niżillu f ’sidru li fit-2 ta’ Ottubru 1918 wasslu fil-qabar fl-età bikrija ta’ 31 sena.

Tul il-ftit xhur ta’ presbiterat tiegħu, matulhom seħħlu biss jamministra magħmudija waħda, il-griżma tal-morda għal darb’oħra u jassisti darba biss fi żwieġ. Wara quddiesa ċċelebrata fil-kulleġġ li fih studja, il-katavru tiegħu kien mibgħut Coalport sabiex jindifen fiċ-ċimiterju ta’ San Bażilju l-Kbir tal-villaġġ wara ċelebrazzjoni ta’ quddiesa funebra oħra.

Sitt ġimgħat biss wara li l-ġenituri tiegħu, li b’tant sagrifiċċji wassluh fuq l-altar, inġabru biex jisimgħu l-ewwel quddiesa tiegħu, inġabru issa biex jisimgħu l-aħħar waħda ċċelebrata b’suffraġju għal ruħu. Id-dehra tagħhom dakinhar kienet waħda ta’ qsim il-qalb kbir, hekk li r-raħal kollu ħareġ bi ħġaru biex isabbarhom u jkun magħhom f ’dak il-mument kiebi. Għall-funeral t’ibnu, il-missier mar liebes bl-istess ħwejjeġ ta’ kuljum, għax lanqas libsa ma kellu, bilġins blu u qmis miftuħa, jixxotta d-dmugħ li ġelben ma’ ħaddejh b’bandana ħamra li soltu li jġorr m’għonqu. Kien għoddu ħassu ħażin bid-dulur li ħakmu u sal-qabar kellhom iwiżnuh innies.

Il-ġenituri tiegħu ma damux ma segwewh fl-istess ċimiterju. Milquta minn riħ f ’sidirha, l-istess bħal binha, Mary Louise mietet fit-30 ta’ Settembru 1920. Żewġha segwieha ġimgħa wara sewwasew fis-7 ta’ Ottubru. Illum jistrieħu t-tlieta li huma ħdejn xulxin fil-ħemda taċ-ċimiterju ta’ San Bażilju f ’dak irraħal kważi deżert, madankollu l-figura ta’ dak it-tifel minn qalb il-muntanji Alleghany li mill-minjieri spiċċa saċerdot u miet vittma tal-istess żelu tiegħu ma ntesietx, għax sal-lum qabru għadu mħares u meqjum millftit nies li għadhom jgħammru ġewwa r-raħal.

Iċ-ċkejken Ġużeppi sa minn tfulitu kien medhi bi ħwejjeġ devozzjonali hekk li kien jgħaddi ħafna mill-ħin tiegħu fil-kappella ċkejkna preżenti f’tard waħda mill-għoljiet tal-villaġġ. Arah b’ħerqa jilbes il-libsa ta’ abbati u jassisti f’kull funzjoni li kienet issir. Din il-ħeġġa tiegħu ma damitx ma żviluppat f’sejħa vokazzjonali

IL-MUMENT TAL-PROVA... IL-MUMENT FEJN DAWK LI JEMMNU JURU L-FIDI TAGĦHOM U MA JAQTGĦUX QALBHOM!

Kitba ta’ CLIFFORD GALEA

Mill-ewwel, nistgħu ngħidu li f’pajjiżna kien hawn devozzjoni kbira lejn il-Madonna mal-miġja tal-fidi Nisranija tagħna. Meta taħseb ftit tinduna kemm aħna l-Maltin minkejja li ħafna drabi ninġarru mal-kurrent kif kull uman jagħmel, fil-mumenti tal-prova nuru li l-unika tama tagħna hija f’Alla u f’dak li l-fidi tagħna dejjem għallmitna. Bħalissa d-dinja tinsab flaġellata minn virus li tista’ tgħid sikket lid-dinja kollha inkluż lil Malta; il-COVID-19. Tista’ tgħid li dan il-mument bla ma ridna, uriena li ħadd mhu xejn, li anqas il-flus ma jixtru l-libertà. Il-libertà tiġi minn kemm inti kapaċi taċċetta u tadatta mas-sitwazzjoni li tinħoloq; każ minnhom huwa dan il-mument. Bosta qed isibuha diffiċli anke għall-fatt li l-ħajja soċjali nbidlet. Imma ejja naħsbu ftit. Ftakru fil-gwerer u fl-istorja tal-passat. Tgħiduli imma issa dak għadda. Huwa minnu, iżda l-istorja tirrepeti ruħha. Il-bniedem jibqa’ bniedem u ħadd mhu aktar potenti mill-ieħor.

Lura għad-devozzjoni lejn il-Madonna. Dan ġara mal-wasla tal-Appostlu missierna San Pawl f’Malta u l-Appostlu li kien qed jakkumpanja lil San Pawl fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma. San Luqa, li kien tabib u aktarx pittur ukoll, aktar tard kiteb wieħed millEvanġelji. Jingħad li San Luqa kien jafha sewwa lil Madonna, u meta wasal f’Malta ma’ San Pawl, beda jirrakkonta fuq il-Verġni Mqaddsa, u bis-saħħa t’hekk nibtet devozzjoni kbira lejn il-Madonna mill-abitanti tal-gżira tagħna ta’ dak iż-żmien. Fil-Mellieħa hemm wieħed mill-aktar Santwarji Marjani għeżież li hawn f’pajjiżna. Dan jinsab eżattament taħt il-Knisja parrokkjali tal-Mellieħa. Li nafu fiċ-ċert huwa li dan is-Santwarju huwa fost l-eqdem tempji Nsara li hawn f’Malta. Skont it-tradizzjoni, kien San Pawl innifsu li qaddes dan l-għar tal-Madonna. Qabel, tkompli tgħid it-tradizzjoni, dan l-għar kien miżmum f’ġieħ in-ninfa Calipso u meqjum ħafna millbaħħara.

Dejjem skont l-istess tradizzjoni, li mhux kulħadd jaqbel magħha, ix-xbieha li hemm flgħar tal-Mellieħa tpittret fuq ilblat minn San Luqa, li kien jaf personalment lill-Madonna. Dan San Luqa kien dixxiplu ta’ San Pawl u kien qed jivvjaġġa miegħu, meta l-Mulej wassalhom fostna. Bla dubju din ix-xbieha hija mirakoluża ħafna, kif jixhdu l-għadd ta’ kwadri ex-voto u għotjiet oħra mħollija b’radd il-ħajr.

Dan is-Santwarju għal-ewwel kien iddedikat lill-maternità tal-Madonna iżda wara r-rebħ ta’ l-Assedju l-Kbir, dan is-Santwarju ġie ddedikat lin-Natività ta’ Marija Santissima, jew kif nafuha aħjar, il-Vitorja.

F’din il-knisja nsibu l-fdal imqaddes tal-martri San Vinċenz, mogħti lil din il-knisja għal venerazzjoni tal-Insara mill-Kan. Kapitulari Dun Lawrenz Grech Delicata li kien kisbu mingħand il-Papa Piju VII. Dawn il-fdalijiet imqaddsa inġiebu Malta miċ-ċimiterju ta’ Priscilla f’Ruma, fil-21 ta’ April tal-1820.

Kien proprju f’dan is-Santwarju li twaqqfet il-paroċċa tal-Mellieħa li kellha t-truf tagħha sal-Mosta. F’dawk iż-żminijiet il-Gżejjer Maltin kienu ta’ sikwit jiġu attakkati mill-pirati ta’ Barbarija u mit-Torok. Il-Mellieħa messha sehemha wkoll minn dan il-flaġell. Fl-1551 sar attakk kbir minn xi 10,000 Tork fuq il-gżira tagħna, taħt it-tmexxija ta’ Dragut, u l-Mellieħa ġiet attakkata wkoll. Dawk il-Melliħin li rnexxielhom jaħarbu minn dan il-mad

mad, kollha ħarbu lejn l-Imdina u f’postijiet oħra wara s-swar.

Wara dan il-ħbit il-Mellieħa ġiet imneħħija minn parroċċa u bdiet tagħmel man-Naxxar, peress li l-abitanti kollha Melliħin kienu telqu mill-Mellieħa u marru joqogħdu f’postijiet oħra għall-kenn. Fl-1565 wasal l-Assedju l-Kbir, u l-Maltin kollha ħtiġilhom jieħdu kenn fil-Birgu, l-Isla u l-Imdina. It-Torok ukoll inġabru madwar dawn il-fortizzi u għalhekk Don Garcia de Toledo seta’ nhar is-7 ta’ Settembru jiżbarka l-qawwiet ta’ għajnuna li ġab minn Sqallija, l-hekk imsejjaħ “grande soccorso”. Don Garcia żar ukoll dan is-Santwarju. Wara li għadda l-Assedju l-Kbir u beda jgħaddi ż-żmien, in-nies reġgħu bdew jinżlu joqogħdu l-Mellieħa. Fl-1584 dan is-Santwarju beda jieħu ħsiebu Patri Agostinjan biex iwaqqfu f’kunvent tal-Ordni tiegħu. Bit-tħabrik ta’ dan l-imsemmi reliġjuż u l-patrijiet sħabu, is-Santwarju ġie ’l quddiem ħafna, u ma kinitx nieqsa d-devozzjoni tal-fidili lejh. Madanakollu, fl1587 is-Santwarju ġie fdat f’idejn is-Saċerdot Dun Bennard Cassar, u fl-1603 Dun Bennard ġie maħtur Rettur.

Storja marbuta ma’ dan is-Santwarju

Fl-1614 reġa’ sar ħbit ieħor mill-furbani, u l-Mellieħa ġiet attakkata bl-aħrax. Minkejja l-qlubija tal-bdiewa Melliħin immexxija mir-Rettur li offrew reżistenza qawwija, it-Torok irnexxielhom jidħlu fis-Santwarju, fejn għamlu ħsara lix-xbieha mirakoluża. Interessanti l-fatt li jingħad li hawn seħħet ġrajja misterjuża. Wieħed Tork, li attakka bis-sejf ix-xbieha tal-Madonna, qabditu marda kerha. Meta reġa’ lura f’artu u ntebaħ li l-marda kienet kastig, talab u qala’ l-maħfra, u l-fejqan, u b’turija ta’ ħajr, bagħat ħafna xemgħat lill-Madonna tal-Mellieħa. Dan irrappurtah l-Isqof Balaguer fil-viżita pastorali tiegħu. Ftit wara li sar dan il ħbit mitTorok, bi tpattija, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt min-naħa tiegħu personali beda jmur iżur dan is-Santwarju kull nhar ta’ Sibt. Minn hawn il-qima lejn dan is-Santwarju bdiet tikber, u fl1669 f’din il-knisja ġiet iffurmata l-Konfraternità tar-Rużarju, u l-grazzji bdew jinqalgħu ta’ spiss. Fl-1688 is-Santwarju twaqqaf f’benefiċjali. L-ewwel benefiċjat kien it-twajjeb Dun Ġan Pawl Bartolo, li nħatar fl-1690. Imbagħad, fl-istess sena, ċertu Sqalli, Mario De Vasi, negozjant tal-inbid minn Sirakuża, kabbar u żejjen il-knisja, għamel l-istawa li hemm fil-kripta t’isfel, kif ukoll bena dar għar-rettur u kmamar fejn jistrieħu l-pellegrini. Fl-1747 dan is-Santwarju reġa’ ġie mkabbar

Fl-1884, fi żmien l-Isqof Caruana, il-Mellieħa reġgħet saret parroċċa, bil-bolla tal-Papa Girgor XVI, minkejja li l-Parroċċa tan-Naxxar irreżistiet għal din id-deċiżjoni tal-Isqof ta’ dak iżżmien. L-ewwel Kappillan kien Dun Pawl le Brun.

Biex tidħol għas-Santwarju trid tgħaddi minn taħt arkata bi grada kbira tal-ħadid maħduma min-Naxxari li huwa ddisinjat ħafna. Fuq din l-arkata verament sabiħa hemm il-kliem bil-Latin u bil-Malti antik “Fik temgħu missirijietna, temgħu fik u inti smajthom” u tidher id-data ta’ meta sar, jiġifieri fl-1719. Minn hemmhekk tidħol f’bitħa kbira u fil-ġenb hemm bibien biex tidħol fis-Santwarju. Faċċata tal-arkata hemm tliet loġoġ li kienu jservu ta’ kenn għall-pellegrini. Fuq waħda minn dawn il-loġoġ jidher arloġġ tax-xemx. Mal-ħajt tas-Santwarju tidher niċċa bi statwa kbira ta’ San Pawl u fin-nofs tal-bitħa hemm statwa tal-Madonna. Jekk taqsam il-bitħa u tgħaddi minn taħt loġġa u ddur fuq ix-xellug issib il-faċċata ewlenija tas-Santwarju, fejn hemm il-bieb prinċipali tiegħu.

L-artal huwa parti minn għar u quddiemu hemm il-parti tal-knisja li nbniet wara. Fil-fatt, għall-bidu dan is-Santwarju kien jikkonsisti fl-għar tal-Madonna, iżda mażżmien dan it-tempju ġie mkabbar u sar kif inhu lllum. Imbagħad is-Santwarju huwa magħmul minn għar naturali, korsija u erba’ kappelluni, li kollha ġew miżjuda wara. Fih insibu koppla żgħira u kampnar wieħed, bi tliet qniepen. L-ikbar qanpiena nxtrat minn Carlo Moreni ta’ Firenze fl1857, għall-prezz ta’ 1,063 skud. L-arloġġ ta’ dan is-Santwarju inħadem minn Mikelanġ Sapiano mill-Imqabba fl-1875, arluġġar famuż li għandu għadd ta’ arloġġi fi knejjes madwar Malta. L-ispiża ta’ dan l-arloġġ ħallasha l-Gvern Ingliż. F’din il-knisja hemm xi kurituri li kollha huma mħaffrin fil-blat kif ukoll sagristija mdaqqsa. Din is-sagristija hija miżgħuda b’wegħdi, ex-voto, u saret bi flus Mario de Vasis, minn Sirakuża.

F’dan is-Santwarju hemm diversi oġġetti reliġjużi ta’ preġju imma bla dubju l-aktar preġju u devozzjoni tiġbidha x-xbieha tal-Madonna mpinġija fuq il-ħajt, li skont it-tradizzjoni saret minn San Luqa meta kien hawn Malta. Din ix-xbieha hija mirakoluża u tinstab fil-għar fejn quddiemha hemm imdendlin ammont ta’ lampieri bix-xemgħa li jagħtu lil dan it-tempju d-dehra ta’ devozzjoni kbira. Inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħti qima lill-Madonna anke f’dan is-Santwarju li bħalissa fih qed isir ħafna talb u attivitajiet reliġjużi anke minn ġewwa d-djar Maltin. Kuraġġ! Dan ser jgħaddi żgur! referenza: http://www.kappellimaltin.com

TAGĦTI VUĊI LIL KULL MIN GĦANDU MESSAĠĠ TA’ KURAĠĠ

kitba ta’ RAMONA PORTELLI

F’dawn l-aħħar ġimgħat, ħafna familji bdew joqogħdu ġewwa djarhom minħabba s-sitwazzjoni ta’ Malta bil-COVID-19, u dan naturalment qed isir għallġid ta’ kulħadd. B’hekk ħafna tfal, u adulti qed iqattgħu aktar ħin fuq l-internet, fosthom jiena stess. Fil-fatt dan l-aħħar kont qed inqalleb fuq l-internet u ma stajtx ma ninnutax filmati lokali mtella’ fuq Facebook minn tfal u adulti Maltin li fuq inizjattiva ta’ paġna ġdida fuq Facebook, bdew itellgħu messaġġi ta’ kuraġġ għal ħaddieħor. Qed nitkellem proprju dwar One Voice Malta li hija inizjattiva ġdida li bdiet dan l-aħħar fuq Facebook. L-għan ewlieni tagħha fil-mument huwa li xxerred kemm jista’ jkun messaġġi magħmulin minn tfal, żgħażagħ u adolexxenti sabiex jagħtu kuraġġ lil ħaddieħor li bħalna sfortunatament għaddej minn żmien diffiċli li ġabet magħha il-COVID-19.

“Ir-responsabbiltà individwali tiġi qabel dik kollettiva”

Dan huwa l-appell ta’ DrLYNN l-ambaxxatriċi tal-inizjattiva One Voice Malta. Bħala avukat u mużiċista DrLYNN tagħti vuċi lil kull min għandu messaġġ ta’ kuraġġ. DrLYNN stess għamlet appell speċjali għal dawk li jpejpu biex jiefqu minnufih.

Ftit ġimgħat ilu, hija wkoll għamlet enfasi permezz tas-single l-ġdida tagħha ‘Treading on Eggshells’, li titkellem dwar ir-rieda tal-bniedem u tgħid, “inti trid tagħmel minn kollox biex toħroġ minn xi sitwazzjoni kerha li tinqabad fiha u tibqa’ tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv.” Il-motivazzjoni trid taħdem għaliha. Għalkemm din il-ġimgħa ma kellha moħħ xejn, DrLYNN kitbet il-kliem u l-mużika għal kanzunetta oħra bl-isem ta’ ‘The Way She Looks’, fejn qalet fuq il-midja soċjali li kienet ispirata mill-imħabba tat-tifla tagħha Lizzie Anne. Kompliet tappella biex inkunu viċin xulxin u ngħinu lil xulxin dejjem u mhux biss meta nkunu fil-bżonn.

Fil-fatt fuq messaġġ riċenti, One Voice Malta rringrazzjat lil kull min qed ikompli jibgħat messaġġi ta’ kuraġġ. “Inħossu li f ’dan iż-żmien irridu nkunu aħna l-ewwel li nimxu mar-regoli u nużaw ir-raġuni biex naslu għal konklużjonijiet li jħallu effetti pożittivi fuqna stess u fuq ħaddieħor. Ir-responsabbiltà individwali tiġi qabel dik kollettiva. Se nserrħu moħħna meta dan il-kunċett jifhmu kulħadd.”

Diversi persuni pparteċipaw f ’din l-inizjattiva u individwalment xerrdu l-messaġġi tagħhom ma’ oħrajn sabiex jagħtu kuraġġ, jew ideat ġodda ta’ kif nistgħu ngħaddu l-ħin fil-kumdità tad-dar tagħna, filwaqt li noqogħodu ’l bogħod minn xulxin sabiex flimkien nirbħu din il-ġlieda kontra l-mikrobu qerriedi u naffaċċjaw din ir-realtà kerha li qed ngħixu lkoll fiha bħalissa.

Diversi messaġġi ta’ kuraġġ u pariri

Doris Pace, membru mill-Fondazzjoni Nanniet Malta tinkoraġġixxi lin-nanniet biex jibqgħu ġewwa u jikkomunikaw man-neputijiet u l-kumplament tal-familjari permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tat-telekomunikazzjoni. Il-fundaturi Philip u Carmen Chircop ingħaqdu mal-inizjattiva u appellaw għan-nanniet u l-anzjani biex jieklu ikel bnin biex isaħħu s-sistema immunitarja tagħhom u kemm jista’ jkun ma jintelqux u jibqgħu jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku. L-anzjanità attiva ma tiqafx hawn. Dawn in-nanniet jidhru kreattivi u ser joħorġu b’attivitajiet alternattivi minn fuq l-internet biex ikomplu jferrħu nanniet oħra u anzjani li jinsabu waħedhom fid-djar sakemm l-awtoritajiet jikkonfermaw illi ma jkunux fil-periklu biex joħorġu minn ġewwa darhom. F’messaġġ li ħalla Keith Marshall, stqarr li sajjar l-istuffat tal-qarnit u ser iqassmu lil dawk fil-bżonn u li jgħixu fl-akwati tiegħu. Jappella biex nipprattikaw il-valuri tal-ħajja: l-imħabba, l-empatija, il-kunsiderazzjoni lejn il-proxxmu. Il-ġlieda tal-uman kontra l-mikrobu qerriedi tista’ tintrebaħ biss bid-dixxiplina. Li nibqgħu ġewwa jirrifletti rispett lejn dawk li qed jaqdu servizz umanitarju fl-isptarijiet, fid-djar man-nies l-aktar vulnerabbli u fit-toroq madwar Malta u Għawdex biex jiżgu

F’messaġġ ieħor, immirat lejn it-tfal li għamlet Almikaya Aquilina ħadet ħsieb li taqsam ħsibijiet pożittivi ma’ ħaddieħor. Ħadet l-opportunità, li waqt li studenti oħra bħalha qegħdin weqfin mir-rutina tal-iskola tas-soltu, taqsam il-ħsibijiet tagħha fuq kif għandna nħarsu lejn id-diffikultajiet tal-ħajja bħalissa

raw il-bżonnijiet ta’ min huwa l-aktar fil-bżonn u l-protezzjoni tagħna llkol. Id-dixxiplina għandha tkun issa u mhux meta jkun tard wisq.

F’messaġġ ieħor, immirat lejn it-tfal li għamlet Almikaya Aquilina ħadet ħsieb li taqsam ħsibijiet pożittivi ma’ ħaddieħor. Ħadet l-opportunità li, waqt li studenti oħra bħalha qegħdin weqfin mir-rutina tal-iskola tas-soltu, taqsam il-ħsibijiet tagħha fuq kif għandna nħarsu lejn id-diffikultajiet tal-ħajja bħalissa. Fil-filmat tagħha hija saħqet dwar kif fil-mument ħafna min-nies qed iħossuhom ħażin dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f ’Malta, iżda bil-ħsibijiet tagħha hija qed twassal messaġġ li dawn il-mumenti nistgħu ndawruhom f ’mumenti tajba. Almikaya qed tagħti pariri u ideat oħra, speċjalment lil tfal oħra bħalha sabiex jużaw il-ħin b’mod għaqli.

Peter Calleja, żagħżugħ ta’ 15-il sena, li bħalissa qiegħed wieqaf ukoll mill-istudji tiegħu minħabba l-COVID-19, sab ħin sabiex jaqsam kliem ta’ ispirazzjoni ma’ żgħażagħ oħra bħalu li għaddejjin minn diffikultajiet f ’dawn il-mumenti. Fil-filmat tiegħu stqarr li bħala

student huwa mħasseb ħafna dwar l-O Levels li kellhom jieqfu ħesrem, iżda fl-istess nifs stqarr li bħala studenti għandhom xorta jibqgħu għaddejjin bl-istudji tagħhom id-dar. Minnaħa l-oħra qed ifaħħar lit-tobba u lill-infermiera tax-xogħol siewi tagħhom bħalissa u anke r-riskju li qed jieħdu fuq xogħolhom. Huwa kompla jgħid li lkoll flimkien għandna nibqgħu nittamaw, nemmnu u nissapportjaw lil xulxin. Huwa temm il-filmat billi qal li lkoll flimkien nistgħu negħlbu l-COVID-19 b’aktar determinazzjoni.

Mill-paġna tal-Facebook, One Voice Malta tħeġġeġ aktar persuni ta’ kull età sabiex jgħaddu l-messaġġi personali tagħhom billi jew jibagħtuhom fuq messaġġ privat fuq il-paġna ta’ One Voice Malta stess, jew fuq l-email online.onevoicemalta@gmail.com

Aktar informazzjoni tistgħu ssibuha fuq https://www.facebook.com/onevoice.mt/

Jekk kulħadd jingħaqad flimkien, u nġibu rispett lil xulxin, billi kemm jista’ jkun nibqgħu ġewwa djarna, ilkoll nistgħu nsalvaw u negħlbu din il-problema li ħolqot il-COVID-19 mhux biss f ’pajjiżna, iżda madwar id-dinja kollha.

This article is from: