4 minute read
EDITORJAL BIL-MALTI
Editorjal
Li niktbu dwar id‑diżappunti kemm fuq il‑grawnd u barra l‑grawnd mhux xi ħaġa li partikularment nieħdu gost nagħmlu, speċjalment meta jkunu akkumpanjati minn nuqqas ta’ direzzjoni mill‑bord u taħwid fil‑filosofija tal‑logħob, li hi manifestata ċarament bil‑wirjiet xokkanti fuq il‑piċċ.
It‑tkeċċija ta’ Ole Gunnar Solskjaer kienet inevitabbli. Wara d‑damdima 5‑0 ġewwa darna kontra Liverpool kien l‑aħħar musmar fit‑tebut metaforiku li effettivament temm il‑mandat maniġerjali tal‑Baby Face ma’ Manchester United. Kien ovvju li l‑plejers ma kienux qed jirrispondu għar‑rikjesti tal‑maniġer u totalment tilfu l‑fiduċja fih. Il‑kitba kienet fuq il‑ħajt mill‑minuta li Mohammed Salah skurja il‑ħames u l‑aħħar gowl.
Il‑ħatra ta’ Ralf Rangnick kienet deċiżjoni pragmatika u sensibbli. Apparti minn Antonio Conte, il‑klabb ma setgħax jappunta maniġer li seta’ jistabilizza l‑vapur malajr. Bil‑benefiċċju li nħarsu lura, meta tikkunsidra ċ‑ċirkustanzi u ż‑żmien tat‑tkeċċija ta’ Ole, il‑wasla ta’ Rangnick kienet deċiżjoni għaqlija. Kif poġġiha Gary Neville dak iż‑żmien, il‑kollass fil‑forma tat‑tim, riżultati ħżiena, u dak li deher bħala skuntentizza fid‑dressing room qabdu lill‑klabb fuq sieq waħda. Li jappuntaw lil xi ħadd permanentament ta’ malajr ma kienitx tagħmel sens.
Dan l‑editorjal qed jinkiteb jumejn wara telfa oħra, din id‑darba kontra Atletico Madrid ġo darna. Apparti mill‑prestazzjoni fqira u l‑frustrazzjoni kkawżata mill‑ispanjoli – biex ma nsemmux żbalji tar‑referee, it‑telfa tisinifika staġun ieħor mingħajr trofew. Bażikament tħalli lis‑sapporters (u kritiċi) isinnu s‑skieken u jwaħħlu fil‑“kultura tal‑klabb” għal staġun ieħor ta’ “kieku” u “kien” – u bir‑raġun.
Li l‑United qegħdin bla strateġija meta tiġi għal xiri ta’ plejers hu ovvju. Li l‑klabb svijja milli jipjana fit‑tul u jikkalkula r‑riskji tax‑xiri ta’ ċertu plejers hu evidenti. Minkejja l‑ħatra ta’ John Murtough bħala Chief Executive Officer, hu ċar kristall li nissetjaw pjan ta’ 5‑sa‑10 snin mhux biżżejjed. Viżjonijiet u ħolm mhumiex biżżejjed jekk l‑eżekuzzjoni mhux ġestiti u implimentati kif suppost minn tim ta’ nies li huma essenzjalment fuq l‑istess paġna. Il‑ħatriet ta’ maniġers, reklutaġġ u stil ta’ logħob fl‑aħħar snin saħħew il‑kunċett li l‑organizazzjoni kollha qegħda f’ xifer ta’ rdum mingħajr ebda pjan ta’ kontinġenza.
Minkejja l‑emfasi ta’ Moyes fuq il‑kontinwita’, minkejja l‑emfasi ta’ Van Gaal fuq il‑“filosofija”, minkejja li Mourinho prova jiddefendi l‑vantaġġi minimi, minkejja kemm prova Ole jixtri plejers li jiffitjaw għall‑forma ta’ United, kien hemm tgerfixa sħiħa ta’ maniġers b’ tattiċi diverġenti li ma ħadu lill‑klabb imkien. Il‑fatti jitkellmu waħedhom. Mill‑istaġun 2013‑14, United irnexxielhom jerbħu biss 3 (iva, tlieta), trofej. Ma tantx aħna sorpriżi meta tikkunsidra għaxar snin ta’ futbol ħażin, tmexxija ineffettiva, komplaċenza, u letarġija fil‑livell ta’ Bord – biex ma nsemmux ix‑xiri f’ paniku ta’ ċertu plejers.
Il‑ħatra li jmiss bħala maniġer permanenti ta’ United hija kritika għal diversi raġunijiet. L‑ewwelnett ma jagħmilx sens li tappunta maniġer jekk il‑filosofija u stil ta’ logħob ma jkunux inkoraġġiti u adottati flimkien mill‑faċċati kollha tal‑klabb. Jekk se naddottaw l‑istil Ajax, tiġdid totali tas‑settur tekniku tal‑klabb huwa meħtieġ. It‑tieni, il‑reklutaġġ ta’ plejers irid ikun drastikament imtejjeb – plejers li jiġu studjati b’ reqqa, ikunu parti minn pjan fit‑tul u t‑tmiem ta’ xiri ta’ plejers li realistikament jistgħu ituna riżultati biss għal ftit staġuni.
Niftakar episodju partikolari li kien imsemmi minn Sir Alex Ferguson innifsu. Meta ħa t‑tmexxija tal‑klabb fl‑1986, induna li ħafna plejers kienu qabżu t‑30 u b’ hekk għaddew iż‑żmien li jistgħu jinbiegħu. Hu talab liċ‑ċerman ta’ dak iż‑żmien Martin Edwards sabiex ineħħi dan il‑grupp ta’ plejers, u li l‑klabb ma setgħax jikkompeti għall‑unuri sakemm jinġiebu plejers żgħażagħ. Sir Alex tħalla viżibilment ixxukkjat għal kemm kien ixxukkjat iċ‑ċermen Martin Edwards. Il‑Bord li hemm bħalissa għandhom ikunu lesti għal xokk simili dan is‑sajf. It‑tielet, sakemm City u Liverpool ikomplu jerbħu unuri u trofej, huwa każ ta’ jew issa jew qatt għal United – hekk kif il‑fans għandhom ġuħ kbir għal tazzi u suċċess. Frankament, il‑Bord ma jaffordjax li jappunta l‑kandidat il‑ħażin għax il‑konsegwenzi jkunu terribli.
Finalment irridu nsemmu l‑predikament kumpless u kurrenti tal‑klabb b’ Old Trafford. Skont sorsi tal‑medja, is‑sidien ta’ United qed jikkunsidraw jerġgħu jiżviluppaw Old Trafford. Il‑possibilta’ li dan il‑grawnd ikoniku jkollhu jitwaqqa’ u jerġgħa jinbena ma twarrbitx. Dan hu suġġett sensittiv u wieħed li bla dubju jaqsam l‑opinjoni pubblika tas‑sapporters. Fuq naħa hemm it‑tradizzjonalisti – forsi dawk li baqgħu juru sapport lill‑klabb minkejja d‑diffikultajiet u li jaraw Old Trafford bħala l‑katidral tal‑fidi tagħhom li bl‑ebda mod m’ ghandu jkunu ri‑żviluppat jew imġarraf. Min naħa l‑oħra għandek sezzjoni ta’ sapporters li jaraw l‑affari minn punt ta’ perspettiva realist u pragmatiku. Jien inqis lili nnifsi ma’ dawn tal‑aħħar – minkejja riservi li kwalunkwe żvilupp maġġuri m’ għandhux isir għal skapitu ta’ implozjoni finanzjarja.
Mhux sigriet li meta Arsenal imxew fl‑Emirates Stadium din ikkawżat problem finanzjarji li l‑effetti tagħhom għadhom jinħassu sa llum. Il‑mixja ta’ West Ham għal ġo l‑Olympic Stadium kienet kontroversjali mas‑sapporters li xtaqu jżommu l‑atmosfera li kellu Upton Park. Nemmen li s‑sitwazzjoni ta’ Tottenham ukoll qanqlet opinjonijiet diverġenti imma kienet tagħmel sens wara kif Daniel Levy biegħ il‑proġett lis‑sapporters. Li Spurs ma kellhomx għażla oħra milli jospitaw logħob tal‑NFL hija kwistjoni oħra imma turi kif konsiderazzjonijiet pekunjarji kellhom rwol deċiżiv fis‑sostenibbilta’ tal‑proġett.
Jekk Old Trafford kellhu jkun imġarraf u mibni mill‑ġdid, nispera li d‑disinji strutturali u ideat li Archibald Leitch implimenta fil‑bidu tas‑seklu għoxrin jinżammu. Il‑grawnd kurrenti, minkejja żidiet arkitettorali, għandu bżonn qawwi ta’ ri‑żvillupar, imma anke jaffetwa l‑fatt li sabiex issib biljetti għal‑logħob qed issir dejjem uġigħ ta’ ras akbar. Jekk possibli, Old Trafford il‑“ġdid” irid ikun jospita sa’ 100,000 sapporter – biex ineħħi prezzijiet eżorbitanti u min jinnegozja b’ qerq il‑biljetti.
Kemm Sir Matt Busby u anki Alex Ferguson kienu trazzjonalisti u, f’ ċertu żminijiet, konservattivi. Minkejja dan, it‑tnejn li huma fehmu l‑ħtieġa u l‑importanza ta’ progress u żvilupp. B’ din il‑konnessjoni, is‑sapporters kollha ta’ United huma ħerqana għall‑pjanijiet kbar li hemm għal wieħed mill‑iktar grawnds ikoniċi fuq il‑pjaneta.
Ħudu gost aqraw u GGMU!