4 minute read
EDITORJAL BIL-MALTI
Editorjal
Bħal qisu ħolma kerha, l‑istaġun 2021‑22 ċertament jitqies bħala l‑agħar wieħed fl‑istorja riċenti tal‑klabb. Le ma kienitx alluċinazzjoni li taraw lill‑United umiljati u dominanti minn Liverpool f’ Old Trafford. Il‑viżta tagħkom għadha perfettament tajba meta rajtu lill‑United jaqilgħu erbgħa kontra Brighton. L‑istaġun li għadda ra lill‑United jilħqu il‑qiegħ – probabbilment mis‑snin 80. L‑istaġun ma jimmeritax li nżommuh fil‑memorja u wisq inqas li nagħmlulu DVD.
Il‑laqgħa ta’ Richard Arnold ma’ xi sapporters ġo pub uriet in‑negattività kurrenti li hemm tiġri fil‑vini tal‑klabb. B’ ammissjoni tiegħu stess, Arnold ikkonferma li “is‑sena li għaddiet kienet [kelma ħażina] ħolma kerha! Kont qed nobgħod kull minuta tagħha.”
B’ mod ġenerali, dak li jħoss Arnold jirrifletti dak li ħass kull sapporters ta’ United madwar id‑dinja. Tant kienu ħżiena li eżodu fis‑sajf kien ċertament inevitabbli – u malajr. Tibdil fil‑bord kien ukoll inevitabbli u kien neċessarju u bżonnjuż li għal darboħra jinqala’ mill‑qiegħ il‑dipartiment tal‑kowċing. Minkejja l‑erudizzjoni tal‑logħba ferm tajba ta’ Ralf Rangnick, ma rnexxielux iwaqqaf it‑tnawwir u l‑inevitabbli triq għan‑niżla.
F’ kuntest, Richard Arnold (mingħajr ma kien jaf minħabba li l‑konversazzjoni kienet irrekordjata b’ mod sigriet u mibgħuta lill‑medja) instema jgħid li: “Ma naħsibx li użajna l‑fondi tajjeb storikament. Ħlejna ammont enormi ta’ flus”, qabel tefa’ botta lic‑CEO ta’ qablu Ed Woodward billi saqsa: “Tridu lili nixtri il‑plejers? Ma tfakkarkomx f’ xi ħaġa?”
Għallinqas, li Arnold irrikonoxxa li kollox jibqa’ kif inhu mhux biss huwa mkisser iżda ukoll bla sens juri li c‑CEO il‑ġdid mhux biss identifika l‑problemi imma beda l‑proċess biex jiġu remedjati. “Ħraqna l‑flus. Infaqna biljun lira sterlina fuq plejers, infaqna aktar minn kwalunkwe tim ieħor fl‑Ewropa” kienet dikjarazzjoni oħra li ċertament m’ għandhiex bżonn konferma jew verifika. Bit‑tmexxija preċedenti, il‑klabb mhux biss għamel trasferimenti diżastrużi (eżempju ċar Alexis Sanchez) imma deher jberbaq flus tal‑klabb bl‑addoċċ u mingħajr strateġija. L‑istaġun li għadda konna għadna qed nilagħbu plejers ta’ żmien Sir Alex (David De Gea), Moyes (Mata), Van Gaal (Shaw u Martial), Mourinho (Pogba, Fred biex insemmu tnejn) u Ole (eżempju Maguire). Dan m’ għandux iseħħ – tal‑inqas mhux fi klabb elit bħal Manchester United. Meta tikkunsidra n‑natura tal‑industrija, maniġer ġdid għandu jkun kapaċi jibdel ta’ taħt fuq u jerġa’ jibni skwadra ġdida. Il‑fatt li ċertu plejers huma prattikament skaduti tgħid ħafna dwar is‑sitwazzjoni kurrenti li qed tiffaċċja t‑tmexxija l‑ġdida.
Dik li dehret atmosfera tossika fid‑dressing room wasslet għal stejjer jiġu mperrċa fil‑ġurnali. Kollox kien qed jipponta lejn Paul Pogba u Jesse Lingard – iż‑żewġ plejers li diversi drabi urew l‑iskuntentizza tagħhom pubblikament. Meta
Richard Arnold ikkonferma li “iż‑żewġ sorsi li kienu qed ixandru dawn l‑istejjer issa telqu l‑klabb” tagħti tama lill‑maniġer il‑ġdid Erik Ten Hag li għad hemm tama li l‑atmosfera, jekk mhux aħjar, ta’ l‑inqas hi aktar kontrollata – sakemm jissetja r‑regoli tiegħu u jistabbilixxi mod ġdid ta’ tmexxija.
Sat‑30 ta’ Ġunju 2022, Manchester United ħallew jitilqu lil: Edinson Cavani (Rilaxxat), Jesse Lingard (Rilaxxat), Juan Mata (Rilaxxat), Nemanja Matic (Rilaxxat – immedjatament iffirma ma’ AS Roma) u Paul Pogba (Rilaxxat – u reġa’ rritorna b’ xejn ma’ Juventus).
Jkun interessanti naraw jekk il‑maniġer il‑ġdid ineħħix aktar plejers li ffurmaw parti mill‑grupp fl‑2021‑22. Madankollu kollox jiddependi mis‑suq tat‑trasferimenti u kemm isir reklutaġġ sensibbli – li jħalli l‑musmar il‑qadim jinbidel b’ dak ġdid.
Wirja tas‑sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha l‑United (li l‑fatt li ma rnexxilniex nikkwalifikaw għall‑UEFA Champions League ma għen xejn) hu rifless fis‑suq kurrenti tat‑trasferimenti – diġa’ mġebbed u b’ ħafna ansjetà. Kumbinazzjoni huwa eżatt 10 snin mill‑fjask ta’ Eden Hazard, fejn wara tant ottimiżmu u stennija, spiċċajna iddiżappuntati wara li ingħaqad ma’ Chelsea. Ix‑xiri “prospettiv” ta’ De Jong ma jidher xejn differenti.
Jiddependi s‑sors li taqra, jidher li De Jong inizjalment ma kellu ebda xewqa li jiġi magħna – u realistikament min itih tort? – minkejja li ġimgħa wara l‑oħra l‑ġurnali kienu qed jirrapurtaw li l‑Barċellona kienu qed iċedu minħabba l‑urġenza li jiġġeneraw il‑flus mill‑bejgħ ta’ plejers. Meta tikkunsidra n‑negozjati bla tmiem li qed jiġru, jekk De Jong attwalment jiffirma, jkun wirja tan‑nuqqasijiet li għandna fejn jidħlu negozjar ta’ trasferimenti b’ mod indeċiż u medjokri.
Wieħed jittama li fl‑aħħar il‑klabb jimxi bl‑istess mod ta’ Manchester City u Liverpool – li evidentament ħatfu ż‑żewġ akkwisti prinċipali li kellhom għajnejhom fuqhom (Erling Haaland u Darwin Nunez) malli fetaħ is‑suq tat‑trasferimenti, b’ mod deċiż, ambizzjoni u strateġija li huma ċertament il‑pedament li wasslu għas‑suċċessi li ż‑żewġ klabbs għaddejjin minnhom bħalissa. Il‑United ma jagħmlux ħażin li jimxu fuq l‑eżempju tagħhom.
“It‑tama toqtlok” kif jintqal mill‑fans tal‑futbol. Li l‑fans tal‑United kienu qed jgħixu bit‑tama għal dawn l‑aħħar snin ċertament mhux sigriet. Li l‑United fl‑aħħar qed jirrikonoxxu d‑defiċjenzi u dgħjufija tagħhom sa ċertu punt timlini b’ xaqq ta’ tama li l‑klabb se jibni pedamenti b’ saħħithom għal suċċessi fit‑tul.
Waqt li nara li l‑prestazzjonijiet tal‑United ma jħallux effett ħażin fuq il‑benessere tiegħi niftakar fil‑qawl li: “Il‑futbol hu aktar importanti mill‑ħajja u mewt”. Nara li nieħu sehem f’ attivitajiet li jnaqqsu l‑istress kemm jista’ jkun waqt l‑istaġun 2022‑23! Yoga xi ħadd?