4 minute read
EDITORJAL BIL-MALTI
Editorjal
Bħal kull sapporter tal‑United, kont frustrat u diżappuntat meta finali li kellna nirbħu ħallietna b’ togħma morra u diżappunt. Bil‑penalty ta’ De Gea jiġi milqugħ, kellna konferma ta’ staġun ieħor mingħajr ebda trofew – u tawlet id‑dieqa għal prattikament 12‑il xahar ieħor ta’ stennija għal li possibbilment ngħollu trofew li jfisser xi ħaġa.
Meta tikkunsidra dak li qal darba Sir Alex Ferguson li l‑prestazzjonijiet fl‑Ewropa “kellhom ikunu aħjar”, dejjem rajt finali ta’ kompetizzjonijiet Ewropej bħala opportunita’ maġġuri sabiex nistabbilixxu rwieħna bħala wieħed mill‑akbar klabbs fil‑kontinent. Ma hemm l‑ebda raġuni għala m’ għandniex inkunu hemm fuq ma’ timijiet bħal Bayern Munich, AC Milan jew anke AFC Ajax – imma dan normalment jieħu ż‑żmien u l‑klabb irid jirbaħ numru ta’ unuri matul dan iż‑żmien. Allura l‑fatt li ħlejna ċans li nżidu dak li seta’ jitqies bħala trofew garantit fl‑armadju tal‑klabb imlieni b’ rimors u diżappunt.
Skont l‑angolu li tħares lejha, xi partitarji jinterpretaw it‑tieni post fl‑aħħar staġun bħala “titjib” jew “progress”. Jien nemmen li r‑rebħ tal‑Europa League seta’ kien iċ‑ċavetta sabiex il‑klabb ikollu aktar suċċess – ir‑rebħa setgħet saħħet mill‑ġdid mhux biss lill‑plejers imma anki lill‑partitarji. Sfortunatament, l‑istennija tkompli…
It‑tornew tal‑EURO 2020 ġab ferħ u passjoni għal bosta li jħobbu l‑futbol. Jekk tassumi li kull min qed jaqra dan l‑artiklu hu partitarju tat‑tim Ingliż – it‑telfa bil‑penalties reġgħet eludiet lit‑tim nazzjonali. Madankollu spikkaw il‑prestazzjonijiet ta’ Luke Shaw u Harry Maguire.
Maguire kien stilla kontra l‑Ġermanja, u Shaw wera li l‑forma brillanti tiegħu mal‑klabb setgħet tkun replikata anke man‑nazzjonal. Li jiskurja f’ finali ta’ tornew maġġuri (kumbinazzjoni l‑ewwel gowl tiegħu mal‑Inglizi) tagħmillu ħafna ġid u ċertament ħaqqu kull tifħir li ingħata mill‑kummentaturi u partitarji.
Kunsiderazzjoni oħra finali hi li meta wieħed iħares olistikament, it‑tim nazzjonali Ingliż għamel titjib konsiderevoli (fejn spiċċaw il‑blalen imqassma fit‑tul u emfażi fuq il‑fiżikalita’ li ddominaw id‑disgħinijiet) – prattikament ma jintagħrfux minn żminijiet passati. Dan ċertament jirrifletti ix‑xogħol tajjeb u l‑pjan li qed jiġi mwettaq f’ St. George’s Park. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għal Manchester United. Jekk il‑filosofija tan‑nazzjon tista’ tinbidel u l‑emfażi jkun fuq il‑produzzjoni ta’ plejers mogħnija teknikament u tattikament fil‑livell ta’ timijiet taż‑żgħar – it‑tfal li jilagħbu mal‑akkademja (li jkunu wkoll esposti għall‑kurrikulu nazzjonali fl‑istess ħin) jistgħu isiru plejers ferm aħjar.
Apparti mit‑tnedija tal‑flokk il‑ġdid (li din is‑sena hu sempliċi imma ferm attrajenti), is‑suq tat‑trasferimenti naturalment jiddomina d‑diskussjonijiet. Il‑kowċ irnexxielu jikkonvinċi lil Edinson Cavani jiffirma estensjoni ta’ kuntratt għal sena oħra – li meta tikkunsidra l‑prestazzjonijiet tal‑istaġun li għadda bla dubju huwa akkwist maġġuri. L‑esperjenza tal‑Urugwajan, flimkien mal‑finishing tiegħu ċertament iservu tajjeb lill‑United – j’Alla ikompli jitjieb f’ dan l‑istaġun.
L‑itwal saga tat‑trasferimenti li wieħed jista’ jiftakar fl‑aħħar ġiet konkluża. Konna drajna naqraw stejjer fuq il‑possibilita’ li nixtru lil Jadon Sancho. Il‑fatt li dat‑trasferiment kien konkluż u rajna l‑plejer bil‑flokk tal‑United huwa frankament solljev. Il‑kowċ kien jidher ferħan se jtir meta mistoqsi dwar Sancho – fejn qal li “xtrajna wieħed mill‑aqwa attakkanti fl‑Ingilterra għall‑10, 12‑il sena li ġejjin. Huwa attakkanti bi kreattivita’, talent u kapaċita’ individwali. Għandu snin ta’ logħob quddiemu u juri lill‑partitarji li nafu fejn irridu naslu.”
Minkejja li mhux wieħed li partikolarment inħobb il‑logħba Ġermaniża, niftakar prestazzjoni partikolari ta’ Sancho li kkonvinċietni li dan huwa attakkant li kapaċi jinkwieta lil difensuri opposti. Lura f’ Diċembru tal‑2018, rajt ‘Der Klassiker’ bej Borussia Dortmund u Bayern Munich. Sancho litteralment fetaħ beraħ id‑difiża ta’ Bayern f’ aktar minn okkażjoni waħda. Spirati b’ dik li ċertament kienet waħda mill‑itjeb prestazzjonijiet ta’ Sancho bil‑flokk ta’ Dortmund, it‑tim tiegħu rebaħ logħba ta’ tensjoni bl‑iskor ta’ 3‑2. Minn dak il‑mument, kwalunkwe klabb li kien ser jieħu lil Jadon Sancho kien qed jakkwista wieħed mill‑aqwa plejers fl‑Ewropa. B’ xorti tajba, dan ser ikun qed jilbes il‑flokk l‑aħmar ta’ Manchester United.
Fil‑ħin li qed nikteb dan l‑editorjal, minkejja li l‑futur ta’ Paul Pogba jibqa’ misteru, akkwist ieħor kbir huwa dak tar‑rebbieħ tal‑World Cup Raphael Varane. B’ differenza mit‑trasferiment ta’ Jadon Sancho, ħafna ma kienux qed jistennew dan l‑akkwist bi progress daqshekk spedit u l‑konferma li ġiet eventwalment. Il‑kowċ, li ra djugħfija fid‑difiża għażel li jserraħ fuq xi ħadd li joffri sikurezza u sensibilta’ bl‑esperjenza li jġib fid‑difiża. Rebbieħ pruvat u difensur tenaċi għal Real Madrid, il‑Franċiż ċertament iġib esperjenza kontinentali ferm meħtieġa u wieħed jispera (u jitlob!) li jkun kapaċi jifforma sħubija b’ saħħitħa fuq wara mal‑kaptan tal‑klabb Harry Maguire.
Meta tikkunsidra kollox, dan hu staġun li jħoll jew jorbot għal Ole. Bit‑trasferimenti, il‑pressjoni tiżdied u anki l‑istennija għall‑unuri. Biex jissodisfa lill‑klabb (u lill‑partitarji) li għandhom aspettazjonijiet għoljin, xejn inqas minn trofew mhux biżżejjed – speċjalment minħabba li l‑iskwadra hi ferm aktar b’ saħħitha miż‑żewġ staġuni passati. Li nġibu plejer ieħor ta’ klassi mondjali tkun kisba maġġuri – għalkemm li nżommu lil Pogba tkun xi ħaġa sensibbli u pragmatika.
M’ hemmx raġuni għala l‑klabb ma jistax jagħmel assalt serju għall‑unuri kollha li qed jilgħab fihom dan l‑istaġun. Madankollu, li naslu sal‑linja finali u attwalment nerbħu hija xi ħaġa oħra. Dan se jkun staġun mhux biss ta’ test ta’ kemm it‑tim jiflaħ, kemm hu b’saħħtu u kemm kapaċi jdawwar l‑iskwadra, iżda wkoll sfida mentali, li hi ħaġa li nittama li fl‑aħħar kapaċi negħlbu. Ħudu gost aqraw!