1 minute read

CRACK MONEY INAQQAX ISMU FUQ IT-TAZZA L-KBIRA

Misjuq minn Michael Ellul, il-Franċiż Crack Money rebaħ l-edizzjoni 2023 tal-kompetizzjoni ewlenija tal-istaġun, dik tat-Tazza l-Kbira li saret fil-korsa tal-Marsa. Din kienet riservata għaż-żwiemel tal-klassi Premier fuq distanza twila ta’ 2640m u kienet ukoll organizzata bl-għajnuna ta’ Bank of Valletta. Il-finali għamlet parti wkoll mill-għoxrin laqgħa tas-sena fuq tmienja kollha ta’ trott.

Tnax-il żiemel ħadu sehem fil-finali Premier. Crack Money ħa l-kmand wara ftit metri mill-bidu tal-finali u fetaħ vantaġġ żgħir minn Lucky Guy Boko (Ludvig Ghigo) u Global Undecided (Rodney Gatt). Crack Money baqa’ jiġri b’saħħtu sat-tmiem biex ħa t-tieni rebħa fi xtutna faċilment b’tul u nofs minn Lucky Guy Boko li żied ukoll il-pass fl-aħħar u Infinite Knight (Charles Degiorgio). Global Undecided kellu jikkuntenta bir-raba’ post minn Charming Soldier (Paul Galea).

Advertisement

Fi tmiem il-finali, is-Sur Kenneth Farrugia CEO ta' Bank of Valletta u l-Ministru Clifton Grima ppreżentaw it-trofew lil Michael Ellul u Stephen Ciangura s-sewwieq u s-sid rispettivament taż-żiemel rebbieħ. Intant Crack Money kellu medja ta’ 1.13.7” fil-kilometru.

This article is from: