2 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Editorjal - Festa 2020 Pawlu Dimech
Qari ta’ Provi: Tony Mercieca Issettjat u Stampat: Print Right Ltd Disinn tal-Qoxra: Clint Baldacchino
F’dawn iċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom xtaqna li minflok il-ktieb tal-festa noħorġu dan il-fuljett bħala tifkira ta’ festa li se ssir b’sehem virtwali biss u biex fl-istess ħin nagħmlu kuntatt magħkom. Din is-sena 2020 il-festa għażiża tat-Trinità Qaddisa m’aħniex se niċċelebrawha bħas-snin l-imgħoddija minħabba l-pandemija tal-Covid 19. Filwaqt li hu ta’ dispjaċir għalina, naf li aħna l-membri tal-Għaqda tagħna xorta waħda qed inħarsu ’l quddiem b’kuraġġ għax il-festa tinsab f ’qalbna u demmna jbaqbaq ġewwa fina biex jekk Alla jrid niċċelebraw bil-kbir fis-sena 2021 kif dejjem għamilna minkejja diversi diffikultajiet. Għal din is-sena niċċelebraw f ’qalbna u minn djarna dan l-akbar Misteru tal-fidi tagħna. Grazzi ta’ kull għajnuna u tal-koperazzjoni kbira tagħkom. Inkomplu naħdmu bħala familja talKantina b’għan wieħed u ngħidu b’ħeġġa kbira “Viva t-Trinità Qaddisa” biex tkompli tħarisna u noħorġu rebbiħin bil-qawwa tagħha.
Festa 2020
3
4 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Messaġġ mill-President Sena ta’ ħidma li ma taqta’ xejn James Attard
Reġa’ wasal ix-xahar tant għażiż għalina l-Marsin, ix-xahar ta’ Ġunju, li fih inkunu qed niċċelebraw mal-bqija tad-dinja s-solennità tas-Ssma Trinità. Din hija l-festa li kull wieħed u waħda minna nkunu ilna nistennew u naħdmu għaliha sena sħiħa. Din is-sena, bħalma ninsab ċert li tafu, hija waħda partikolari ħafna. Il-pandemija tal-Coronavirus (il-Covid-19) biddlet il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u ċaħħditna minn ħafna affarijiet li konna nagħmlu ta’ kuljum, ċaħħditna minn ħafna affarijiet li konna nħobbu nagħmlu bħall-isports u xi ikla mallfamilja, iżda fuq kollox se ċċaħħadna mill-festa tant għażiża tagħna. Għalkemm issa ilna ftit ġimgħat nafu li l-festa mhix se ssir, il-ħajja fl-Għaqda tagħna ma waqfet qatt. Għalkemm b’ ħafna restrizzjonijiet, il-proġetti li l-Għaqda kellha ppjanati komplew b’ritmu u b’enerġija mill-membri u l-volontiera tal-Għaqda. Wara s-suċċessi li kellna fil-festa tas-sena l-oħra, kemm fil-logħob tan-nar fil-jum tal-Ħamis tal-festa, b’wirja spettakolari s-Sibt u l-ħarqa tal-Ħadd filgħaxija b’kaxxa tad-dħul mill-isbaħ u numru sabiħ ta’ blalen u murtali, kif ukoll bil-briju fil-marċi tagħna li laħqu l-qofol tagħhom kemm il-Ħamis bl-ispettaklu tan-nar u l-mużika u anki s-Sibt bis-sorpriża meraviljuża talimrewħa, komplejna nippreparaw għal festa ikbar din is-sena. Xogħol fil-Maħżen tal-Armar Tkompla fejn tħalla s-sena l-oħra x-xogħol ta’ żebgħa talarbli, fejn din is-sena ġew imqaxxra u miżbugħa 33 arblu b’ inizjattiva tas-Segretarju s-Sur Edward Portelli. Issa nistgħu ngħidu li l-arbli tal-ħadid, li minnhom l-Għaqda għandha ‘l fuq minn mitt wieħed, huma kwazi kollha miżbugħa. Ġew ukoll imqaxxra, imsewwija u miżbugħa s-sett ta’ arbli tal-injam li jintramaw fil-pjazza tal-knisja. Dan ix-xogħol sar mis-Sur Joe Zammit li ftit ta’ snin ilu kien ukoll irranġa l-labardi bl-arma tas-Ssma Trinità li jintramaw fuqhom. Tkompla wkoll ix-xogħol ta’ sfumar fuq l-erba’ bandalori ta’ Triq Zerafa u l-bnadar ta’ Triq itTiġrija li issa dalwaqt ikunu lesti kollha. Dan ix-xogħol qed isir mill-artist Redrian Micallef. Proġett ambizzjuż ieħor li bdiet l-Għaqda tagħna s-sena l-oħra kien dak tal-pavaljuni ta’ Triq il-Marsa. Il-festa li għaddiet gawdejna l-ewwel pavaljun u din is-sena, kieku l-festa ma tħassritx, kien ikollna erba’ lesti. ikompli f’paġna 6
Festa 2020
5
Din is-sena bdejna wkoll proġett ta’ manutenzjoni tal-pilandri li jintramaw fi Triq Balbi. Tajjeb ngħidu li dawn il-pilandri huma ta’ qabel il-gwerra u biż-żmien kellhom ħsara kbira. Fil-fatt ħafna mill-injam tagħhom kellu jinbidel u nbidel ukoll anki l-mod kif dawn jintramaw biex issa ma ssirx iżjed ħsara lill-injam waqt li jintramaw. Dan ix-xogħol kollu qed isir b’ mod volontarju mis-Sur Joe Zammit. L-irħamar qiegħed isir mis-Sur Raymond Galea u l-indurar mis-Sur Daniel Busuttil Risiott ta’ Bormla.
Tkompliet ukoll issir liedna ġdida għat-toroq minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Wara li f ’ dawn l-aħħar snin saru diversi toroq ġodda, din is-sena tlestiet Triq is-Salib tal-Marsa biex issa t-toroq kollha huma lesti. Triq is-Salib tal-Marsa hija waħda twila u wiesgħa, għalhekk toffri sfida mhux ħażin biex tagħmel il-liedna għaliha u dan ma kienx ikun possibbli kieku ma kienx għax-xogħol li għamel is-Sur Silvio Cordina. Saret ukoll forma ġdida għal-labardi li se jintramaw fuq l-erba’ arbli ta’ Triq Zerafa. Dan ix-xogħol sar mis-Sur Raymond Ellul li kien diġà ddisinja dawn il-labardi. Waħda mill-isbaħ affarijiet li l-Għaqda għandha fis-sede tagħha hija bla dubju ta’ xejn il-kwadru tas-Ssma Trinità li ġie mpitter mill-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi. Wara li ftit snin ilu sarlu frejm mill-isbaħ mis-sur Raymond Ellul, din is-sena bdejna x-xogħol tal-indurar ta’ dan il-kwadru li bla dubju ta’ xejn ser ikompli jsebbaħ il-Kantina. Dan il-proġett sar b’inizjattiva tas-Sezzjoni Nisa fi ħdan l-Għaqda tagħna u x-xogħol tal-indurar bid-deheb sar mis-sur Daniel Busuttil Risiott. Proġetti Oħra Bini ta’ Saqaf fil-Maħżen il-ġdid fit-Triq it-Tiġrija F’nofs Marzu l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità rat ħolma oħra ssir realtà, ħolma li kienet pass kbir ieħor biex fi żmien qasir nibdew nużaw il-maħżen li żmien ilu l-gvern ta lill-Għaqda 6 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
tagħna. Bl-għajnuna ta’ ‘Save a Life Foundation’ u l-Onorevoli Claudio Grech li jmmexxi din il-fondazzjoni, sar saqaf tal-konkos ġdid li issa qasam il-maħżen f ’żewġ sulari. Dan ix-xogħol sar mis-Sur Simon Cassar. Biex dan seta’ jsir, fl-ewwel kumitat ta’ din is-sena, l-Għaqda ħasbet biex twaqqaf il-Kummissjoni Maħżen. Din il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkordina x-xogħol u l-ġbir ta’ fondi għal dan il-maħżen. Il-Kumitat avviċina lis-Sinjura Carmen Micallef biex tmexxi din il-Kummissjoni u bi pjaċir din laqgħet l-istedina u b’hekk setgħet tkompli tgħin f ’ wieħed mil-proġetti li l-mibki żewġha, l-Eks President Saviour Micallef, tant ħadem għalih. Xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Post tal-Għaqda Fix-xahar ta’ April beda xogħol fuq il-faċċata tal-post li l-Għaqda tagħna għandha fi Triq Balbi ma’ Triq San Tumas. Sar ħafna xogħol fuq il-ġebla u nbidlet l-opramorta u xi ġebel ieħor millfaċċata. Għal dan il-proġett, l-Għaqda tagħna applikat għall-fondi mil-iskema ‘Irrestawra Darek’, liema fondi rnexxielha tieħu, u l-Għaqda ħarġet il-kumplament tal-fondi biex ix-xogħol seta’ jsir. Ix-xogħol tar-restawr fil-ġebel qed isir bl-għajnuna tas-Sur Benny Grixti. Parti minn dan il-proġett se jinbidlu l-aperturi li qed jinħadmu mill-kumpanija Cieffe Joinery Ltd. u blgħajnuna tas-Sur Christian Camilleri. Is-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Trinitarji ħadet ħsieb tiġbor għall-opramorta, proġett li din is-sezzjoni irregalat lill-Għaqda tagħna f ’għeluq it-30 sena mit-twaqqif tagħha.
Attivitajiet oħra matul is-sena Tislima lill-Eks Kaxxier is-Sur Charlie Turner Nhar it-8 ta’ Awwissu 2019, mal-Marsa ġriet l-aħbar li Charlie Turner ħalliena u mar jiltaqa’ mat-Trinità Qaddisa li tant ħabb f ’ħajtu. Charlie kien bniedem ħabrieki fl-Għaqda tal-Festi Esterni Ssma Trinità u baqa’ jaħdem sal-aħħar ta’ ħajtu għall-festa għażiża ta’ Alla Trinità. Charlie kien Marsi li ħadem f ’diversi organizzazzjonijiet u għaqdiet soċjali, sportivi u reliġjużi fil-Marsa. Meta twaqqfet l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità fl-1975 ingħaqad bħala membru u iktar tard fl-1977/78 kien membru fil-kumitat. Fl-1982 laħaq kaxxier tal-Għaqda, liema kariga żamm b’dedikazzjoni kbira għal 37 sena sħaħ, sal-aħħar ta’ ħajtu. Il-funeral tiegħu sar nhar is-Sibt 10 ta’ Awwissu 2019. Flimkien mal-familjari tiegħu, l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità ħadet sehem bid-daqq tal-marċi funebri mill-Grupp Mużikali Trinità Qaddisa u ġie ukoll akkumpanjat mill-membri kollha tal-Għaqda. Il-quddiesa kkonċelebrata ikompli f’paġna 9
Festa 2020
7
8 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
tmexxiet mill-W.R. P. Effie Mallia OFM Cap., Provinċjal tal-Kapuċċini, u l-kappillan W.R. P. Dominic Mangani OFM Cap. għamel l-omelija. Is-Sezzjoni tan-Nar tal-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità sellmitlu bl-isparar ta’ salut. Id-difna saret b’mod privat.
Titfakkar l-40 sena mill-miġja tal-Vara Titulari tat-Trinità Qaddisa fostna Nhar il-Ħadd 27 ta’ Ottubru 2019, il-parroċċa tagħna fakkret l-40 sena mill-miġja tal-vara titulari tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa. Għal din l-okkażjoni ġiet iċċelebrata quddiesa solenni l-Ħadd filgħodu fil-knisja Matriċi tagħna. Il-quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Kappillan W.R. P. Dominic Mangani OFM Cap. u l-kant sar mill-kor parrokkjali ‘Tibi Trinitas’ immexxi mis-Sur Carlos Vella. L-Għaqda tagħna ħadet sehem bil-preżenza numeruża tal-membri tagħha. Il-membri flimkien mas-Sagristan is-Sur Dione Cefai ħadu ħsieb li tinħareġ il-vara titulari min-niċċa u titpoġġa fin-nava tal-korsija fuq il-bradella għall-qima tal-Marsin.
ikompli f’paġna 13
Festa 2020
9
download the app
2733 1111 Call
amigos.com.mt ORDER ONLINE
10 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Saru żewg bords mill-membri tal-Għaqda, wieħed juri l-istorja tal-miġja tal-vara u l-ieħor b’ritratti storiċi tal-vara titulari. Dawn tpoġġew fuq kull naħa tan-niċċa tal-vara fejn kien hemm esebiti oġġetti marbuta mal-vara, fosthom kopja tad-digriet tal-Vatikan għall-permess talvara, disinji u programmi kif ukoll is-salib, ix-xettru u r-raġġiera li kienet ġiet bihom il-vara. Dawn ġibdu l-ammirazzjoni ta’ bosta. L-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità poġġiet qoffa ward quddiem il-vara bħala turija tal-imħabba lejn Alla Trinità u r-rabta tagħha mal-istess vara titulari tagħna. Pussess tal-Kapillan ġdid W.R. P. Dominic Mangani OFM Cap. Nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru sar il-pussess tal-Kapillan il-ġdid W.R.P. Dominic Mangani OFM Cap. Għal din l-okkażjoni l-membri tal-Għaqda attendew għallquddiesa konċelebrata mill-W.R. Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u ġie armat iz-zuntier talKnisja Parrokkjali b’arbli, bnadar u dawl. L-Għaqda Festi Esterni SSma. Trinita’, barra li ħadna sehem fil-quddiesa ħadna ħsieb ukoll il-preparamenti tal-ikel kollu li sar u fejn ġie mqassam mill-membri tas-Sezzjoni Nisa tal-Għaqda tagħna firriċeviment li sar wara fuq iz-zuntier tal-Knisja f ’din l-okkażjoni. Il-President u Segretarju tagħna f ’ isem il-membri kollha taw rigal ta’ tifkira kemm lill-kappillan il-ġdid il-W.R.P. Domnic Mangani OFM Cap. kif ukoll lill Kappillan ta’ qabel W.R.P. Karm Aquilina OFM Cap. bħala apprezzament tal-ħidma tiegħu fostna. L-Għaqda Festi Esterni SSma. Trinita’ tawgura kull ħidma pastorali lir-ragħaj tal-parroċċa tagħna u nwegħduh ilkoperazzjoni tagħna f ’dak kollu li hu meħtieġ għall-ġid tal-Marsa u l-Marsin. Quddiesa għal sħabna mejtin u tiġdid tal-Konsagrazzjoni tal-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinita’ Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2019, fic-Ċentru tal-istess Għaqda, ġiet iċċelebrata Quddiesa millKappillan W.R. P. Dominic Mangani OFM Cap. għall-membri mejtin tal-Għaqda tagħna mit-twaqqif tagħha ‘l hawn. B’mod speċjali fakkarna l-memorja tal-Eks President Saviour Micallef u l-Eks Kaxxier Charlie Turner li ħallewna matul is-sena li għaddiet. Għal din l-okkażjoni ġie armat ukoll il-kwadru talQalb Imqaddsa ta’ Ġesù biex fakkarna l-40 sena mill-konsagrazzjoni tal-Għaqda Festi Esterni lillQalb ta’ Ġesù. Fl-aħħar tal-quddiesa sar it-tiġdid talwegħdiet tal-konsagrazzjoni mill-membri preżenti u tqassmet santa bħala tifkira. ikompli f’paġna 15
Festa 2020
11
12 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
L-Għaqda tagħna tagħti merħba lill-istatwa ta’ Marija Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019 saret it-tifkira tal-75 sena minn meta sar il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Marija Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla wara l-gwerra (19442019). Għal din l-okkażjoni, minkejja r-riħ qawwi, l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità armat iz-zuntier u d-dawra tal-pjazza bl-arbli u l-bnadar. Xħin waslet u twaqqfet quddiem iċ-Ċentru tal-Għaqda tagħna, ilPresident flimkien mal-membri offra bukkett fjuri lillMadonna f ’isem l-Għaqda. Wara waqfa qasira ta’ talb u kant, l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni kompliet ilmixja tagħha lejn Bormla. Attivitajiet fi Żmien il-Milied Bħas-snin l-imgħoddija, l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità tellgħet programm ta’ attivitajiet għaż-żmien sabiħ tal-Milied u l-ewwel tas-sena. Il-Ħadd 15 ta’ Diċembru sar festin għat-tfal u għall-ewwel darba sar New Year’s Eve Party ġol-Kantina. Dan tana l-opportunità li nibdew is-sena 2020 flimkien. Dawn l-attivitajiet ġew imtellgħa mill-Kummissjoni Nisa tal-Għaqda tagħna. Għall-ewwel darba wkoll din is-sena ġie armat presepju sabiħ ġol-Kantina. Dan sar mis-Sur Dominic Bartolo li hu membru tal-Għaqda tagħna. Il-parti ta’ isfel taċ-Ċentru tal-Għaqda ġiet irranġata b’inizjattiva tas-Sur Hector Scicluna u tas-Sur Joe Spiteri. Is-Sur Dominic Bartolo, flimkien ma’ membri oħra, kien ukoll qed iħejji l-ewwel edizzjoni tal-wirja għal żmien ilĠimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir li sfortunatament ma setgħetx tittella’ minħabba l-pandemija. F’dawn iż-żminijiet sbieħ għal darba oħra l-Għaqda tagħna flimkien mall-Kunsill Lokali talMarsa ramat Triq il-Marsa u għall-ewwel darba ramat ukoll il-Pont u Triq San Tumas. Fl-okkażjoni tal-ewwel tas-sena, bħas-snin l-imgħoddija, l-Għaqda Festi Esterni ħasbet biex tippubblika kalendarju għas-sena 2020. Dan kien imżejjen b’diversi ritratti ta’ armar, nar u marċi li jiġu mtellgħa mill-Għaqda tul il-ġranet tal-Festa tas-Ssma Trinità. Dan il-kalendarju ġie mqassam mar-residenti tal-Marsa.
ikompli f’paġna 15
Festa 2020
13
SUPER PRICES EVERYDAY
Kul-hadd jaf!
14 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Jitfakkar għeluq is-sena mill-mewt tal-Eks President tal-Għaqda Saviour Micallef Nhar il-Ħadd 19 ta’ Jannar il-membri tal-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità flimkien mal-familjari fakkarna l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Eks President is-Sur Saviour Micallef billi ħadna sehem attiv fil-quddiesa li ġiet iċċelebrata fl-għaxra ta’ filgħodu fil-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa. Wara l-quddiesa attendejna fis-sala tal-iskola Tereza Nuzzo tas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù fejn ġie mtella’ programm mużiko-letterarju millKunsill Lokali Marsa fl-okkażjoni ta’ Jum il- Marsa li kien qed jiġi ċċelebrat fl-istess jum. Lejn tmiem il-programm ġew ippreżentati t-trofej ta’ Ġieħ il-Marsa u bħala apprezzament ingħata dan il-ġieħ Post-Mortem lill-Eks President tal-Għaqda tagħna s-Sur Saviour Micallef. Is-Sindku, is-Sur Josef Azzopardi, ippreżenta dan it-trofew bħala apprezzament tal-ħidma ta’ Saviour lis-Sinjura Carmen Micallef, mart l-Eks President tagħna. Fi tmiem l-attività s-Sur Mario Spiteri qara poeżija fuq Saviour għal din l-okkażjoni. Attivitajiet oħra tul is-sena Matul is-sena l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità flimkien mas-sezzjonijiet tagħha tellgħet numru ta’ attivitajiet u ikliet fiċ-Ċentru tal-Għaqda. Fost dawn saru ikla braġoli fid-19 ta’ Ottubru, Sunday Lunch fl-10 ta’ Novembru, Pasta Night fit-30 ta’ Novembru, Ikla fiċ-ċentru tal-Għaqda fl-1 ta’ Frar imtellgħa mis-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Trinitarji u s-Sezzjoni Nar, Ikla għal jum San Valentinu fil-15 ta’ Frar u Ikla għal Jum il-Mara fis-7 ta’ Marzu. Bejn it-8 u l-10 ta’ Frar sar ukoll Weekend Break. Dawn l-attivitajiet ġew ikkordinati mis-Sezzjoni Nisa fi ħdan l-Għaqda. Servizz ta’ Trażmissjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet Reliġjużi mill-parroċċa F’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija, l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità ħasbet ukoll biex tkompli toffri servizz lill-poplu tal-Marsa bi trażmissjonijiet kuljum tal-Quddiesa u r-Rużarju mill-Knisja Parrokkjali tas-Ssma Trinità permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook. Dan kien servizz utli ħafna fi żmien fejn l-insara kienu mitluba ma jersqux lejn il-knisja għażiża tagħhom minħabba raġunijiet ta’ saħħa. ikompli f’paġna 16
Festa 2020
15
Ħarsitna ’l Quddiem Bħalma tistgħu taraw, l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità hija waħda ħajja u mimlija enerġija tul is-sena kollha. Dan grazzi għall-ħafna membri attivi li jagħtu ħinhom u l-enerġija tagħhom tul is-sena biex jkun jista’ jittella’ programm ta’ attivitajiet bħal dan. Din is-sena konna qed inħejju biex niċċelebraw festa kbira li fiha konna se nfakkru t-30 sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Trinitarji. il-pjanijiet tagħna nbidlu imma ma naqtgħux qalbna u nħarsu ‘l quddiem. Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil sħabi tal-Kumitat Ċentrali, lill-membri kollha tal-ħames sezzjoniet fi ħdan l-Għaqda tagħna: is-Sezzjoni Nisa; is-Sezzjoni Żgħażagħ u Partitarji Trinitarji; is-Sezzjoni Nar; il-Kummissjoni Maħżen u t-Tim tal-Futbol Marsa Trinity, li flimkien ma’ numru kbir ta’ voluntiera oħra huma wara kull suċċess li takkwista l-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità. Ejjew inħarsu ‘l quddiem għal żmien aħjar biex taħt il-ħarsien tas-Ssma Trinità nkunu nistgħu nibdew nerġgħu ngħixu ħajja normali u flimkien naħdmu biex jekk Alla jrid fit30 ta’ Mejju 2021 nerġgħu niċċelebraw festa kbira oħra kif jixraq lis-Ssma Trinità.
16 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Messaġġ mill-Kappillan Patri Domnic Mangani, O.F.M. Cap
Din is-sena se niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa b’differenza. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu differenti kemm fil-knisja u iktar u iktar fuq barra, fit-toroq tagħna. Imma dan m’għandux jaqtgħalna qalbna li ma nfaħħrux lit-Trinità Qaddisa f ’din is-Solennità tagħha. L-ebda vajrus mhu se jżommna milli nitolbu lil Alla u milli nfaħħruh, nadurawh, nirringrazzjawh u nitolbuh biex iwarrab mid-dinja dan il-gwaj li ġie fuqna. Inutli li noqogħdu nwaħħlu f ’dan u f ’dak. Ilpunt hu li qegħdin flimkien f ’din id-diffikultà u kulħadd irid jagħmel dmiru biex jobdi, miżzgħir sal-kbir. Alla l-Missier ħalaq kollox tajjeb u sabiħ u għalhekk għandna nagħmlu dmirna biex inżommu kollox sabiħ u tajjeb. Alla l-Iben Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex isalvana bit-tbatija u l-mewt tiegħu u rebaħ dan kollu billi qam rebbieħ. B’dan għandna nifirħu u fil-ħajja tagħna napprezzaw dak li tana Ġesù. Alla l-Ispirtu Santu jridna nħobbu lil xulxin, ngħinu lil xulxin u naħdmu għallgħaqda u l-paċi fid-dinja. Minkejja kollox nixtieq f ’isem il-komunità kollha nagħti l-festa tajba lil kulħadd. Il-festa li tiġi ċċelebrata fid-dinja Kattolika kollha.
Programm tal-Festa 2020 Is-Sibt 6 ta’ Ġunju 2020 - Lejliet il-Festa 6.00pm - Ħruq ta’ murtali tal-Bomba u Beraq. Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju 2020 - Jum il-Festa 10.00am - Quddiesa bil-prietka tal-Festa. 6.00pm - Adorazzjoni Sagramentli. Dawn jixxandru fuq il-paġna tal-Facebook tal-Għaqda Festi Esterni SSma. Trinità Marsa u l-istazzjon Xejk. 9.00pm - Ħruq ta’ logħob tan-nar li jinkludi Lampjuni, blalen u Murtaletti. In-nar ġie maħdum minn La Stella Fireworks Factory tal-Gudja. Grazzi lis-Sezzjoni Nar tal-Għaqda tagħna. Festa 2020
17
Messaġġ mis-Sindku Josef Azzopardi
Waslet festa oħra lis-Santissma Trinità, festa li b’differenza għas-snin l-oħra ma nistgħux niċċelebrawha kif nafu aħna l-Marsin. Hija weġgħa ta’ qalb taħseb dwarha, aħseb u ara fil-ġranet tagħha fejn se nkunu mċaħħdin mill-attivitajiet sbieħ tal-festa. Imma hemm bżonn nagħmlu kuraġġ! Hemm bżonn li minkejja l-iebes tal-ħajja nitgħallmu napprezzaw dak is-sabiħ li forsi bil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum konna qed nitilfu. Il-Malti jgħid, “Kull deni ħudu b’ġid”, u tajjeb li f ’dan iż-żmien inkunu pożittivi, inħarsu lejn dak li konna tlifna u nipprovaw nagħtuh aktar importanza. San Ġorġ Preca kien jgħid li Alla mill-ħażin joħroġ it-tajjeb. Dan il-misħut vajrus wassal biex rajna l-familji jingħaqdu aktar, rajna nies jiċċelebraw flimkien mill-gallariji u ħolqu atmosferi sbieħ bi bnadar, bżieżaq, ilwien u mużika filwaqt li osservaw l-liġijiet tas-saħħa, rajna diversi nies iwasslu xirjiet lil min hu vulnerabbli u rajna attività li ressqitna aktar lejn xulxin. Erġajna sibna u tajna importanza lill-valuri li forsi bil-ġenn tal-ħajja nwarrbuhom. Bosta familji reġgħu sabu l-ħin biex flimkien jgħidu r-rużarju u jiċċelebraw il-quddies permezz tatteleviżjoni. Oħrajn sabu ċ-ċans jipprattikaw il-passatemp tagħhom filwaqt li xi wħud mill-ġdid bdew japprezzaw l-ambjent ta’ madwarhom. Ejja nagħmlu kuraġġ ħbieb. Ejja napprezzaw iż-żmien li qegħdin fih u nitgħallmu minnu minkejja t-tbatija tiegħu filwaqt li nżommu f ’moħħna li wara t-tbatija tiġi l-glorja u għad jasal iż-żmien li mill-ġdid nerġgħu niċċelebraw bil-kbir il-festa tas-Santissma Trinità. O Santissma Trinità, bierek lill-Marsa tagħna u biegħed minn fuqna dan il-mard. Nifirħu lill-Marsa F.C. 1920-2020 L-Għaqda Festi Esterni Ssma Trinità Marsa tixtieq tifraħ lill-Marsa F.C. f ’din is-sena li qed jiċċelebraw ir-rebħ taċ-Champions tat-Tieni Diviżjoni u l-għeluq tal-mitt sena minn meta t-tim, dak iz-żmien Marsa United, ħa sehem fl-ewwel logħba kompetittiva fil-kampjonat kontra Paola United f ’Jannar tal1920. Il-Marsa F.C. għandu storja kbira u dejjem kien parti importanti fil-ħajja tal-komunità Marsija. Filwaqt li nawguraw kull suċċess għall-ġejjieni lill-kumitat u lit-tim tal-Marsa F.C., inkomplu nagħtu s-sapport kollu tagħna lit-tim Marsi ħalli nkomplu ngħollu ’l fuq l-isem tal-Marsa u l-kuluri tant għal qalbna: l-aħmar u l-blu. 18 Għaqda Festi Esterni SSma Trinità - Marsa A.D. 1975
Festa 2020
19
IN T PR
T GH RI ®
d.
Lt
Print your ideas right WE
DESIGN | OFFSET PRINTING | DIGITAL PRINTING | HOT FOIL | SCREEN PRINTING | LAMINATION | LARGE FORMAT PRINTING I n d u s t r y r o a d , Q o r m I - m a lta Q r m 3 0 0 0 [+356] 2125 0994 sales@printrightqormi.com
Find us on
MON-FRI 08:00-16:30
facebook.com /printrightmalta