Kampanja bit-titlu “Sejħet is-Siġar” fejn l-għan ewlieni tagħha huwa li titqajjem kuxjenza fost it-tfal dwar l-importanza li għandhom is-siġar. L-edukazzjoni għandha tibda minn età bikrija u għalhekk din il-kampanja taspira li trawwem ġenerazzjoni ta’ ċittadini li jħarsu u jikkonservaw l-ambjent ta’ madawrhom u jifhmu l-importanza empirika li għandhom is-siġar.
Dan il-proġett, li qed iseħħ b’kollaborazzjoni mal-kumpanija privata “Nortex Malta” Ltd u l-għaqda “Flimkien għal Ambjent Aħjar” huwa maħsub li jilħaq tfal li għandhom bejn it-tmienja u l-għaxar snin, u għalhekk intbagħtet ittra lill-familji kollha f’Malta u Għawdex fejn fiha t-tfal ġew mistiedna jmorru fil-Kunsilli rispettivi tagħhom biex jiġbru ktejjeb miktub mill-awtur Trevor Zahra u siġra biex jeħduha d-dar magħhom u jieħdu ħsiebha.
Dawk it-tfal interessati għandhom jimlew il-formola u jgħadduha lill-Kunsill qabel id-data ta’ skadenza. Wara din id-data jsir kuntatt magħkom biex tiġbru l-ktejjeb u s-siġra.