16 minute read
Tkompli f’paġna
SITT PERSUNI JSIBU IMPJIEG TA’ KULJUM
B’differenza ma’ diversi pajjiżi oħrajn madwar id-dinja, fejn il-qgħad għadu qed jirranka sew, pajjiżna diġà kellu suċċess bla preċedent bil-fatti fil-ġlieda kontra l-effett ekonomiku li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19.
Advertisement
Fil-fatt, waqt li f’Mejju tas-sena li għaddiet l-ammont ta’ nies jirreġistraw għax qed ifittxu xogħol kien tela’ għal 4,409. Sal-aħħar ta’ Settembru li għadda n-numru naqas għal 1,352, li hu minimu storiku ġdid. Dan ifisser li, bħala medja kull ġurnata, mill-bidu ta’ Ġunju tas-sena l-oħra kien hemm sitt persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad li sabu impjieg.
F’16-il xahar l-ammont ta’ nies qiegħda naqas b’2,967 persuna. Il-pandemija globali kienet wasslet għal żieda ta’ 3,057 persuna jirreġistraw. Mhux talli dawk kollha li bdew jirreġistraw wara li bdiet il-pandemija issa mhumiex jirreġistraw, imma pajjiżna saħansitra laħaq rekord ġdid. Is-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed tinħass saħansitra b’aktar qawwa fil-gżira Għawdxija.
Fil-fatt, f’Għawdex kien żdied il-qgħad b’156 persuna, u minn Ġunju 2020 ’l hawn kien hemm tnaqqis ta’ 193 persuna. Mhux talli dawk kollha li kienu tilfu xogħolhom minħabba l-pandemija sabu impjieg, iżda saħansitra wieħed minn kull ħamsa, li kien qed ifittex xogħol qabel il-pandemija, sab impjieg ukoll.
B’riżultat t’hekk l-ammont ta’ Għawdxin jirreġistraw hu sitt darbiet inqas minn dak li kien fl-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Ta’ min jinnota li t-tnaqqis fil-qgħad kien qabad ritmu mgħaġġel proprju wara t-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ €900 miljun fil-bidu ta’ Ġunju 2020. Dan il-pjan kien ta fiduċja ġdida lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin, li għall-ewwel darba fl-istorja ngħataw vouchers mill-Gvern biex jonfquhom fl-ekonomija tagħna.
Minbarra hekk ingħata supplement, anke aqwa bħala ammont, lil dawk fuq l-In-Work Benefit, biex b’hekk ġew ippremjati dawk bl-inqas dħul. Fl-istess ħin il-Gvern daħħal diversi miżuri oħrajn biex jgħin direttament lin-negozji ħalli jerġgħu jibdew joperaw b’suċċess, filwaqt li ħabbar l-akbar pjan ta’ investiment fl-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.
B’riżultat ta’ dan kellna l-aktar tnaqqis veloċi fil-qgħad fl-istorja. Biex il-pajjiż reġġa’ lura ż-żieda fil-qgħad, li kienet seħħet wara r-riċessjoni tal-2008, kien dam 72 xahar. Ix-xokk ferm akbar tal-pandemija dam biss 16-il xahar biex kien irkuprat. Ir-rata li biha naqas il-qgħad bejn Mejju 2020 u Settembru 2021 kienet ħames darbiet il-medja tat-tnaqqis fil-qgħad li seħħet wara r-riċessjoni tal-2008.
L-ammont ta’ persuni fuq ir-reġistru wkoll hu ferm inqas mill-medja storika ta’ pajjiżna. Fil-fatt f’Marzu 2013, qabel il-bidla fl-Gvern, kien hemm 7,350 persuna jirreġistraw, jew kważi ħames darbiet il-livell preżenti. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien kważi mess it-8,000.
L-inqas darba li qatt naqas il-qgħad taħt amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien fl-1991 meta kien laħaq 4,220. Dan kien daqs l-ogħla ammont ta’ qgħad li ġabet magħha l-pandemija.
80% TAL-IMPJIEGI MAS-SETTUR PRIVAT
Tkompli minn paġna 1
L-aktar ħames setturi li sa issa ħolqu impjiegi matul l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela kienu s-saħħa, il-kostruzzjoni, is-servizzi professjonali, is-servizzi finanzjarji, u r-remote gaming u l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
Dawn ħolqu tliet kwarti taż-żieda fl-impjiegi fl-ewwel 17-il xahar mindu Robert Abela sar Mexxej Laburista u effettivament Prim Ministru ta’ Malta.
B’kuntrast, l-uniku settur li naqqas il-ħaddiema matul l-istess perjodu kien is-settur tal-lukandi u r-restoranti, fejn l-impjiegi naqsu b’aktar minn 2,100.
Minkejja li l-Oppożizzjoni dejjem targumenta li s-suq tax-xogħol qed jinżamm għaddej, għax il-Gvern qed jimpjega eluf ta’ ħaddiema bla bżonn, jirriżulta li f’Mejju li għadda is-sehem ta’ impjiegi full-time fis-settur pubbliku kien biss ta’ 21.5% mit-total ta’ impjiegi full-time. F’Marzu 2013 dan il-persentaġġ kien 26.6%.
Minbarra hekk miż-żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku taħt il-mandat ta’ Robert Abela, 70% minnhom kienu f’żewġ setturi partikolari – is-saħħa u l-edukazzjoni. Mindu sar Prim Ministru, hu ppresieda fuq żieda ta’ żewġ full-timers kuljum fis-settur tas-saħħa pubblika u fuq żieda ta’ full-timer wieħed kuljum fl-edukazzjoni pubblika. Dan l-investiment fis-saħħa pubblika u fl-edukazzjoni hu wkoll bla preċedent fl-istorja tan-nazzjon tagħna.
Fl-istess ħin, jirriżulta li mat-80% tal-impjiegi kollha li nħolqu kienu mas-settur privat.
Riżultati inkoraġġanti f’Għawdex
Jekk wieħed iħares lejn Għawdex, li l-Oppożizzjoni wkoll tuża bħala eżempju ta’ “żieda bla bżonn fl-impjiegi”, issib li, bejn Diċembru tal2019 u Mejju ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 79 biss fl-impjiegi full-time mal-amministrazzjoni pubblika. Dan minn żieda totali ta’ 1,328 Għawdxi u Għawdxija li bdew jaħdmu. Li jfisser li miż-żieda ta’ 20 persuna taħdem kuljum, madwar tlieta minnhom kienu Għawdxin.
Fil-ħames setturi tassaħħa, il-kostruzzjoni, is-servizzi professjonali, ir-remote gaming u l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u s-servizzi finanzjarji nħolqu kważi 600 impjieg ġdid f’Għawdex.
Bis-saħħa ta’ miżuri speċifiċi ta’ assistenza mmirati għal Għawdex, anke setturi li f’Malta sofrew matul il-pandemija, bħas-servizzi amministrattivi u l-lukandi u r-restoranti, komplew jespandu fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu. Fil-fatt matul il-pandemija nħolqu 350 impjieg ieħor.
Dan kien ir-riżultat tad-deċiżjoni għaqlija talGvern Laburista li jdawwar dak li l-Maltin kienu mdorrijin jonfqu barra l-pajjiż fis-safar tagħhom f’injezzjoni ekonomika għal Għawdex, permezz ta’ miżuri bħall-għoti tal-vouchers ta’ €100 għal kull ċittadin, fost oħrajn.
Eżempju ieħor tas-suċċess tal-politika progressiva talGvern attwali hi l-industrija. Kulħadd kien qed jistenna li l-manifattura ssofri ħafna bl-effetti tal-pandemija u bi tnaqqis fid-domanda internazzjonali.
Minflok, l-impjiegi fulltime u part-time fl-industrija żdiedu b’aktar minn 500 persuna jew kważi persuna addizzjonali kuljum mindu Robert Abela sar Prim Ministru.
IL-FAĦAM U SFIDI OĦRAJN GLOBALI
“Li niżguraw futur isbaħ għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet futuri teħtieġ li l-pajjiżi jieħdu azzjoni urġenti biex idawru lura dak li qed jiġri bil-bidla fil-klima. Huwa b’ambizzjoni, kuraġġ u kollaborazzjoni hekk kif noqorbu lejn summit kruċjali tal-COP26 fir-Renju Unit li nistgħu naħtfu dan il-mument flimkien, biex inkunu nistgħu nirkupraw l-indafa, nibnu mill-ġdid l-ekoloġija u nirrestawraw il-pjaneta tagħna.”
Messaġġ sabiħ mill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson f’pubblikazzjoni li ħarġet għas-summit tal-COP26 fi Glasgow bejn mexxejja dinjija biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tibdil fil-klima. Imma bil-mexxejja dinjija li telqu millbelt Skoċċiża, bi qbil fuq fehmiet importanti, għadd mill-kwistjonijiet jaħarqu għadhom fuq il-mejda tan-negozjar. Il-protesti għadhom ukoll għaddejjin fit-toroq tal-aktar belt popolata Skoċċiża, u kien għadu għaddej ukoll l-istrajk tal-ġbir tal-iskart u t-tindif tat-toroq.
X’kienu l-kummenti jew l-azzjonijiet maġġuri li nstemgħu waqt is-summit?
L-ikbar fattur li jikkawża t-tibdil fil-klima bla dubju huwa l-użu talfaħam. Għalhekk, possibbilment l-aktar importanti s’issa kien ilpatt ta’ 23 pajjiż, fosthom il-Polonja, il-Vjetnam u ċ-Ċilì, li kkommettew ruħhom li mhux se jibqgħu jużaw dan is-sors ta’ enerġija.
B’dikjarazzjoni ġdida ‘Global Coal to Clean Power Transition’, dawn ilpajjiżi qed jimpenjaw ruħhom ukoll li jżidu l-enerġija nadifa u jiżguraw tranżizzjoni ġusta ’l bogħod millużu tal-faħam. Madankollu, l-Awstralja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, li huma fost l-iktar pajjiżi dipendenti fuq il-faħam, ma kinux parti minn dan il-patt.
Banek internazzjonali maġġuri wkoll ikkommettew ruħhom li sal-aħħar ta’ din is-sena se jwaqqfu kull finanzjament pubbliku għal proġetti ġodda li jużaw il-faħam. Hemm spinta wkoll għat-tmiem tal-użu tal-faħam, meta b’mod ġenerali koalizzjoni b’saħħitha ta’ 190 qed taqbel li tneħħi gradwalment l-enerġija tal-faħam u ttemm l-appoġġ għal impjanti tal-enerġija talfaħam ġodda grazzi għal pakkett ta’ appoġġ mir-Renju Unit u sħab internazzjonali.
Tal-inqas 25 pajjiż u istituzzjonijiet relatati ma’ finanzi pubbliċi impenjaw ruħhom li jtemmu l-appoġġ pubbliku internazzjonali għas-settur tal-enerġija li jissejjaħ Unabated Fossil Fuel Energy sa tmiem l-2022. B’mod kollettiv, din id-deċiżjoni taffettwa madwar $17.8 biljun fis-sena f’appoġġ pubbliku li jmorru lil hinn minn finanzjament għal din it-tip ta’ enerġija lejn it-tranżizzjoni għal waħda nadifa jew li tniġġes inqas.
Pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-Etjopja, il-Fiji u l-Gżejjer Marshall, offrew l-appoġġ tagħhom, f’sinjal ta’ għaqda dejjem tikber biex issir xi ħaġa konkreta marbuta mattibdil fil-klima.
Taħditiet kritiċi saru wkoll b’wegħdi li jnaqqsu t-tniġġis u li se jpoġġu lid-dinja fit-triq it-tajba biex ittisħin globali jkun limitat għal 1.8oC. Fost l-għexieren ta’ wegħdi ġodda li saru minn pajjiżi fil-COP26, l-Indja ħabbret mira għal tniġġis nett żero sal-2070, filwaqt li kważi 100 nazzjon iffirmaw wegħda konġunta bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea biex kollettivament inaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metanu bi 30% taħt il-livelli tal-2020 sal2030.
Fost id-diskorsi, spikkat l-apolo ġija mill-President Amerikan Joe Biden għall-azzjonijiet tal-predeċessur tiegħu, Donald Trump, li taħtu l-pajjiż kien ħareġ mit-Trattat ta’ Pariġi. Biden qal li l-COP26 mhix it-tmiem, iżda l-bidu.
F’diskors imqanqal sew, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres qal li “qed inħaffru l-oqbra tagħna stess”, filwaqt li tkellem dwar l-użu ta’ riżorsi mhux rinovabbli li tefa’ l-umanità fit-tarf tat-tmiem.
Kommoventi kien ukoll il-messaġġ ta’ Sir David Attenborough, li ta’ 95 sena għadu jikkampanja biex nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna, kif għamel prattikament għomru kollu. “Dak kollu li ksibna fl-aħħar 10,000 sena ġie minħabba l-istabbiltà tal-klima matul dan iż-żmien. It-temperatura globali ma naqsitx f’dan il-perjodu b’aktar minn bejn wieħed u ieħor grad Celsius – sa issa. Diġà qegħdin fl-inkwiet. L-istabbiltà li niddependu fuqha qed titkisser. Id-dinja qed tħares lejkom – u intom tinsabu hawn għad-dinja”.
F’messaġġ qabel is-summit, il-Papa Franġisku wkoll appella lill-konferenza biex tħalli l-frott lill-ġenerazzjoni futura. Xejn xejn, il-pjaneta ma tibqax kif iddeskrivietha tfajla li tgħix fl-Amażonja: “Fi tfuliti missieri kien jgħidli biex nisma’ s-siġar itiru mar-riħ, imma llum lanqas annimali ma tisma’ jpassu”.
Il-futur tal-pjaneta tinsab f’idejn l-azzjonijiet li se jittieħdu minn din il-ġenerazzjoni ta’ mexxejja, għall-ġenerazzjonijiet futuri.
L-aktar sors ta’ tniġġis globali – il-faħam. Pajjiżi dipendenti fuqu, bħall-Awstralja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, ma ssiħbux f’patt ġdid għall-qalba għal sorsi aktar nodfa fil-produzzjoni tal-enerġija
16% INQAS ILMA TA’ TAĦT L-ART FIL-GŻEJJER MALTIN FIT-80 SENA LI ĠEJJIN
L-effetti fit-tibdil fil-klima li huma mbassra li se jseħħu sal-2100 se jirriżultaw fit-telfien ta’ aktar minn 16% tal-volum tal-ilma ta’ taħt l-art fil-Gżejjer Maltin. Dan huwa r-riżultat prinċipali li ħareġ minn stħarriġ li sar minn Xjentisti mill-Universitajiet ta’ Malta u ta’ Calabria. F’dan l-istħarriġ kienu żviluppati mudelli tridimensjonali ġeoloġiċi u wkoll tal-mappa tal-ilma ta’ taħt l-art għall-Gżejjer Maltin.
L-ilma ta’ taħt l-art jissupplixxi kważi nofs l-ilma tax-xorb ta’ Malta u Għawdex, żewġ gżejjer li huma fost l-ifqar pajjiżi f’dak li huwa riżors naturali tal-ilma.
It-tibdil fil-klima se jwassal ukoll biex sas-sena 2100 tinżel anqas xita, ikun hemm talba ikbar għall-ilma tax-xorb u wkoll jogħla l-livell tal-baħar. Minn dawn, l-iktar li se tinħass hija n-nuqqas ta’ ilma għax-xorb.
ĠLIED “IBAQBAQ” NAZZJONALISTA
L-iżbroff ta’ Caroline Muscat kontra Manuel Delia x-xahar li għadda u l-kontro-attakk mil-Lovin Malta fuq tat-Times din il-ġimgħa interpretati bħala “effetti ta’ vulkan li, meta u jekk jiżbroffa, se jidfen lill-PN”
Dawk li setgħu dehru bħala sempliċi fehmiet ta’ titubar jew artikli instigati minn kompetizzjoni medjatika fuq reklamar, fil-verità jirriflettu iżjed minn hekk u qed jiġu interpretati minn sorsi mid-Dar Ċentrali bħala sinjali ġejjin minn “vulkan attiv ħafna”. Skont dawn, dak li qed jinstiga dan it-taqlib politiku mistenni jagħmel ħsara enormi lill-Partit Nazzjonalista stess b’riskju li jispiċċa darba għal dejjem.
Il-ġrajjiet inkwistjoni, li kienu jinvolvu esponenti qrib ħafna tal-PN, speċjalment dawk li għandhom rabta mal-establishment l-antik, ġew deskritti bħala l-“ponta tal-iceberg” ta’ problemi u temperamenti bla kontroll.
Ix-xahar li għadda, żewġ esponenti meqjusin “tal-istess zokk”, Caroline Muscat tax-Shift News u l-bloger ta’ Repubblika Manwel Delia, spiċċaw jiżvogaw f’xulxin wara li dan tal-aħħar qal li se jitlaq mill-pajjiż għax qed jibża’ għal ħajtu. Minkejja dan, Muscat għamlitha ċara li, fil-verità, Delia kien sejjer barra l-pajjiż biss għal ftit żmien ta’ mistrieħ.
Din il-ġimgħa, is-sit Lovin Malta rrapporta wkoll storja kontra t-Times of Malta dwar kif din kienet qiegħda tiffroda lill-klijenti tagħha billi tiddikjara ċirkolazzjoni ferm ogħla minn kemm fil-fatt tistampa f’gazzetti u rivisti li tipproduċi. Is-sit, li għadu jappartjeni lil Chris Peregin, l-istrateġista magħżul mill-Kap Naz- zjonalista Bernard Grech, involva wkoll fl-istorja lill-Eks Viċi Kap u Deputat Nazzjonalista Mario de Marco.
“Dawk li jafu sew l-affarijiet u ħafna mill-intriċċi li jeżistu, konxji li hemm affarijiet kbar wara dak li qed joħroġ,” qalilna s-sors b’esperjenza politika twila u ta’ min joqgħod fuqu. L-istess persuna kompliet tinsisti, mingħajr ma daħlet f’dettalji, li “dawn kollha effetti ta’ vulkan attiv ħafna li, meta u jekk jiżbroffa, se jidfen lill-Partit”.
Waqt li rrefera għal dan it-taqlib fl-establishment bħala “inċidenti li ħassbu lil ħafna ħaddiema (fid-Dar Ċentrali)”, is-sors qal li jemmen li dan kien ir-riżultat tal-pressjoni tal-aħħar ġimgħat dwar l-eventwalità ta’ elezzjoni bikrija u li wasslet lil xi wħud biex jitilfu rashom jew fil-paniku jaħsbu għal xawwathom.
“L-impjegati (tal-Partit) bħalissa wkoll bi msarinhom f’saqajhom … qed joqogħdu attenti anke lil min jitbissmu,” kompla s-sors.
Fl-aħħar tax-xahar li għadda, Caroline Muscat, il-fundatriċi tax-Shift News, qalet li Manuel Delia se jitlaq minn Malta biex jieħu break ta’ sitt xhur fl-istess waqt li jkollu l-paga dieħla.
L-eks ġurnalista matTimes u strateġista tal-kampanja elettorali ta’ Simon Busuttil fl-aħħar elezzjoni ġenerali qalet li saret taf li Delia se jsegwi programm temporanju ta’ sitt xhur f’belt fil-Ġermanja fejn jista’ jkompli b’xogħlu waqt li jitħallas, u fl-istess ħin jeħodha bħala break. Hi qalet li dan tafu għax ġiet offruta l-istess programm.
L-Eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt qal li se jitlaq minn Malta għax qed iħossu mhedded. Madankollu, skont Muscat, Delia sejjer għal żmien ta’ mistrieħ, u qalet li, bħala persuna li ġieli għamlet programmi simili, qatt ma kienet se tasal tbigħ dak li se jagħmel Delia bil-mod kif għamel hu, b’referenza għall-fatt li dan qagħad jilgħabha tal-vittma u pprova jpinġi sitwazzjoni drammatika fejn ħajtu kienet f’riskju serju. F’artiklu, bit-titlu “Putting Things in Perspective”, Muscat qalet li kwalunkwe ġurnalist li verament iffaċċja theddida serja, jaf li ma jħabbarx it-tluq tiegħu mill-pajjiż. Saħansitra żiedet li kieku vera t-theddida hi serja, Delia ma kienx iħalli lill-familja warajh.
Fl-inċident l-ieħor, li seħħ din ilġimgħa, ħareġ attakk kontra t-Times u Mario De Marco min-news portal ta’ Peregin dwar qerq b’reklamar fuq gazzetti u rivisti stampati mill-Progress Press, l-istamperija tat-Times. Ġie allegat li l-kumpanija kienet qed titlob iżjed flus, li wisq probabbli jammontaw għal eluf ta’ ewro, ibbażati fuq ċifri minfuħin dwar kemm jiġu stampati kopji ta’ gazzetti, rivisti u pubblikazzjonijiet varji.
Il-Lovin Malta rrapportat li kull min kien jirreklama f’pubblikazzjonijiet tatTimes u s-Sunday Times kien jingħata l-impressjoni li l-gazzetta u r-rivisti kienu jbigħu ferm aktar minn dak reali. Klijenti tagħhom li kienu jixtiequ jippubblikaw, pereżempju rivisti jew fuljetti biex jiġu infilsati fil-gazzetti, kienu allura jintalbu jħallsu għal ferm iżjed kopji milli jiġu stampati u ċċirkolati filpajjiż.
Fil-każ li fuljetti, rivisti jew brochures tal-klijenti kienu wkoll jiġu stampati mill-Progress Press stess, allura l-ħlas mitlub kien ikun ukoll minfuħ darb’oħra u allura allegat frodi akbar.
Sors, li tkellem mal-Lovin Malta, qal li l-Progress Press tat-Times kienet titlob il-ħlas ekwivalenti għal 35,000 kopja tal-gazzetta meta fil-verità l-pubblikazzjonijiet stampati kienu ferm inqas.
Il-kumpaniji, li kienu jirreklamaw fir-rivisti li joħorġu mas-Sunday Times, kienu jintalbu jħallsu prezzijiet għoljin fuq il-premessa li l-gazzetta tbigħ 40,000 kopja, xi ħaġa ’l bogħod ħafna mill-verità.
Fi tweġiba li ta bħala Avukat tal-Progress Press, De Marco, li hu wieħed mill-ħames membri tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, ix-shareholder ewlenija tal-Allied Newspapers, qal li hu jinsab marbut bil-kunfidenzjalità u allura ma jista’ jgħid xejn.
Il-Kap tal-Operat tal-Allied Newspapers Alex Galea u ċ-Ċermen Paul Mercieca saħqu li r-rapport tal-Lovin Malta huwa malafamanti, mimli ineżattezzi u bbażat biss fuq insinwazzjonijiet. Minkejja dan, Robert Hornyold-Strickland, li għandu 13% tal-ishma fl-istess
Il-ġrajjiet inkwistjoni, li kienu jinvolvu esponenti qrib ħafna tal-PN, speċjalment dawk li għandhom rabta ma’ dak magħruf bħala l-establishment l-antik, ġew deskritti li huma biss il-“ponta tal-iceberg” fost għadd ta’ problemi oħrajn u temperamenti mingħajr kontroll
Il-medja ta’ serqiet f’pajjiżna naqset b’mod drastiku fl-aħħar tmien snin, grazzi għal investimenti u mentalità differenti fil-Korp tal-Pulizija
Allied Newspapers xorta talab spjegazzjoni mill-amministrazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Ta’ min jinnota li l-Lovin Malta ħarġet b’din l-istorja fuq it-Times ftit tal-ġimgħat wara li din tal-aħħar kixfet li l-istrateġist tal-Kap tal-Oppożizzjoni għad għandu kontroll fin-news portal, wara li baqa’ ma biegħx l-ishma tiegħu kif kien ta l-impressjoni li għamel.
Minbarra hekk, attakk ieħor, li jista’ jiġi interpretat li kellu lill-familja De Marco fil-mira, kien dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) fejn Karol Aquilina, wieħed mill-perċimes tal-establishment, żvoga f’Dr Giannella De Marco, oħt id-Deputat Nazzjonalista u rappreżentanta legali tad-Direttur tal-Electrogas Paul Apap Bologna.
L-istess inċident, fejn id-Deputat mis-Siġġiewi attakka lil Dr De Marco li qed taħdem għal flus tal-kriminali, ukoll ġie interpretat bħala attakk dirett kontra Dr Joe Giglio, avukat magħruf fil-kriminal u llum kandidat għall-PN fuq l-istess distrett ta’ Aquilina.
L-istess sors mill-PN, li tkellem malKullĦadd, qal li jistenna li fix-xhur li ġejjin u fil-jiem eqreb tal-elezzjoni ġenerali se naraw ferm iżjed minn dawn l-inċidenti bir-riskju ta’ ferm aktar konsenturi.
“Affarijiet simili rajniehom qabel l-(Elezzjoni tal-)2013 u l-2017 diġà … (l-elezzjoni) li jmiss abbli tkun talaħħar,” temm jgħidilna b’referenza għar-riskji li l-PN ma jibqax jeżisti kif ilu għal aktar minn 100 sena.
BEPPE JQARRAQ DWAR IS-SERQ
L-istatistika tgiddeb lill-Kelliem Nazzjonalista – illum irrapportati nofs is-serqiet li kien hemm fi żmien li hu kien direttament responsabbli mill-Korp tal-Pulizija
Id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Partit fuq is-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami fl-aħħar jiem inqabad jivvinta minn żniedu dwar reati ta’ serq bl-iskop li jipprova jkompli jpinġi stampa falza tal-amministrazzjoni Laburista, waqt li jallarma lin-nies għalxejn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet din il-ġimgħa u f’diskorsi ripetuti fil-Parlament, Fenech Adami insista li s-serq f’pajjiżna qiegħed jiżdied. Minkejja dan, fil-verità d-Deputat ma setax ikun iżjed qarrieqi minn hekk. Fil-fatt, statistika uffiċjali turi biċ-ċar li, bil-maqlub, isserq f’pajjiżna qiegħed jonqos drastikament sena wara l-oħra.
Tagħrif, li kisbet din il-gazzetta, juri li mqabbel mal-perjodu Jannar-Awwissu tal-2013, is-serq f’pajjiżna kien id-doppju ta’ li hu llum. Dak iż-żmien id-Deputat Nazzjonalista kien direttament responsabbli mill-qasam tal-intern bħala parti mill-Gvern ta’ GonziPN. Minkejja anke żieda fil-popolazzjoni, fil-fatt isserq fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena naqas bin-nofs meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ tmien snin ilu.
Waqt li fl-2013 kienu qed jiġu rrapportati medja ta’ 25 serqa kuljum, is-sena li għaddiet ġew irrapportati 13il serqa kuljum. Din is-sena, anke wara l-pandemija, ir-rata kompliet tonqos hekk kif ta’ kuljum jiġu rrapportati 12-il serqa kuljum.
Fil-fatt, il-biża’ mill-pandemija kienet fuq żewġ fronti. Kien hemm min qed jgħid li seta’ żdied is-serq fl-eqqel tal-pandemija minħabba l-pressjoni li ġġib magħha – xi ħaġa li ma ġratx. Minnaħa l-oħra, kien hemm min sostna li fil-pandemija seta’ jonqos is-serq, għax ħafna nies ikunu d-dar, imma mbagħad jiżdied wara – l-istess dan ma seħħx lanqas.
B’hekk hu ċar li l-politika ta’ prevenzjoni, imsaħħa minn investimenti b’saħħithom minn din l-amministrazzjoni, qed tħalli l-frott b’mod konsistenti, anke fil-protezzjoni taċ-ċittadini.
Bil-maqlub, għal darb’oħra wkoll, in-numri jgiddbu lil Fenech Adami li pprova jbeżża’ li f’pajjiżna hawn rata għolja ta’ serq u kriminalità biex jipprova jiskredita l-ħidma li qiegħda ssir mill-Pulizija.
Dan ir-riżultat ma ġiex waħdu, imma hu grazzi għall-ħidma li qed iwettaq ilKorp tal-Pulizija. Illum, minn Pulizija reattiva, qed narawha iżjed proattiva fejn toffri l-aqwa servizz liċ-ċittadini fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.
Meta jitkellem dwar uffiċjali tal-Pulizija fl-għases, aktar milli fit-triq, Fenech Adami jikkonferma li ma fehem xejn mill-mod li bih il-Korp qed jevolvi fis-servizzi li joffri. Bħal f’bosta ċirkostanzi oħrajn, l-Oppożizzjoni u l-esponenti tagħha jibqgħu jagħżlu ttriq tas-sensazzjonaliżmu, li wkoll tispiċċa biex tirredikolahom u ttellifhom iżjed kredibbiltà milli m’għandhomx.
Għall-kuntrarju, dan il-Gvern qed ikollu l-kuraġġ li jwettaq il-bidla u jirranġa l-għases kollha fil-pajjiż. Fil-fatt ta’ min jinnota li, bħalissa, l-għases prinċipali kollha għaddejjin b’xogħlijiet ta’ rinnovar estensiv, flimkien ma’ għases sekondarji oħrajn li qed jinbidlu f’uffiċini għall-pulizija tal-komunità. Minbarra hekk dawn qed jiġu attrezzati b’tagħmir ta’ komunikazzjoni modern biex persuna, li tiġi bżonn is-servizzi tal-pulizija, tkun tista’ tiġi assistita fi żmien qasir.
Il-Gvern qed jibqa’ jinvesti b’mod sħiħ fil-Korp tal-Pulizija fejn fil-baġit għas-sena d-dieħla l-ispiża kapitali se tkun id-doppju tan-nefqa tal-aħħar Gvern Nazzjonalista. Il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti wkoll bissħiħ fir-riżorsi umani, fejn qed joffri taħriġ kontinwu lill-uffiċjali kollha li jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ soċjetà moderna u dinamika.
Il-viżjoni ta’ Gvern Laburista qed twassal biex il-Korp tal-Pulizija jidħol fi ftehim anke mal-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet edukattivi ewlenin oħrajn biex joffri l-aqwa skemi ta’ studju lill-pulizija f’pajjiżna. Madankollu, qed naraw kif il-Korp qed jibqa’ jixtri l-aqwa apparat għall-użu ta’ kuljum, waqt li jsaħħaħ it-taqsimiet kollha li jiffurmawh.
Għal aktar minn darba, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri spjega kif il-Korp se jkompli għaddej bit-trasformazzjoni strateġika, li diġà twettaq iżjed minn 70% tagħha, ħalli din il-forza ewlenija tal-ordni fil-pajjiż tkun lesta għal-lum u għall-futur.