8 minute read
Tkompli f’paġna
KUNFIDENZA PERSONALI TURI ĦBIBERIJA SA MILL-2008
Tkompli minn paġna 1
Advertisement
Din il-gazzetta llum tista’ tiżvela li fl-2008 Azzopardi kien bagħat messaġġi personali lil Yorgen Fenech u, bl-akbar kunfidenza, qallu biex ma jwaqqgħux għaċ-ċajt meta talbu jorganizzalu coffee morning għal iżjed minn 100 persuna fil-ballroom tal-Lukanda Hilton waqt il-kampanja elettorali ta’ dak iż-żmien.
F’dik l-elezzjoni, Azzopardi kien ġie elett u eventwalment magħżul mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-ewwel, bħala Segretarju Parlamentari għall-Artijiet fil-Ministeru tal-Finanzi u sussegwentement Ministru responsabbli bl-istess dekasteru.
“Oħroġni ta’ nies!” kien jaqra messaġġ li Azzopardi bagħat lil Fenech u li jixhed familjarità bejn it-tnejn. Dan talaħħar serraħlu rasu billi qallu “Ħalli f’idi!”, b’indikazzjoni li kollox kien qed jiġi organizzat għall-attività.
Jirriżulta li Azzopardi ma ħallas xejn għall-attività u mhux magħruf kemm-il okkażjoni oħra kellu biex juża s-servizzi b’xejn ta’ Fenech, jekk kien hemm. Attivitajiet simili bħal coffee mornings jiswew eluf ta’ ewro biex jiġu organizzati u ġeneralment il-kandidati wkoll jiġbru ħlasijiet mingħand il-mijiet ta’ kostitwenti tagħhom biex ikunu jistgħu jieħdu sehem.
L-Erbgħa filgħodu l-ġurnalist ta’ ONE News Samuel Lucas insista ma’ Azzopardi għal reazzjoni, fost oħrajn, dwar il-messaġġ lil Fenech biex “joħorġu ta’ nies”. Għalkemm baqa’ jimxi miegħu biċċa sew minn Triq ir-Repubblika u jagħmillu ħemel ta’ mistoqsijiet, il-ġurnalist baqa’ b’xiber imnieħer għax id-Deputat Nazzjonalista baqa’ jinjorah u jparla fuq il-mobile, għajr għal ftit botti politiċi.
L-aħbar tal-messaġġ personali tikkuntrasta d-dikjarazzjoni li d-Deputat Nazzjonalista għamel fil-programm Xtra s-sena l-oħra fejn kategorikament ċaħad li qatt ingħata xi ħaġa direttament mingħand Yorgen Fenech.
“Żgur mhux mingħand Yorgen Fenech,” qal Azzopardi viżibbilment mifxul u skomdu meta mistoqsi mill-ġurnalist u preżentatur Saviour Balzan fil-programm tiegħu fuq TVM nhar il-5 ta’ Novembru 2020.
Minbarra hekk, il-familjarità tiegħu ma’ Fenech titfi l-attakk li hu stess għamel il-ġimgħa li għaddiet kontra l-Imħallef Giovanni Griscti qabel dan iddeċieda fuq talba oħra għall-ħelsien mill-arrest tal-istess allegat mandant filqtil ta’ Caruana Galizia, li issa ilu kważi sentejn jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fl-istess ġurnata li Fenech tpoġġa taħt att ta’ akkuża biex jgħaddi ġuri, Azzopardi bagħat ittra lill-Prim Imħallef fejn akkuża lill-Imħallef Griscti b’kunflitt ta’ interess għar-raġuni li dan xtara dgħajsa mingħand missier Yorgen Fenech fl-2008, l-istess sena li d-Deputat Nazzjonalista kien qed jiġri wara l-allegat mandant biex jagħtih b’xejn is-sala prinċipali tal-Hilton u fiha jorganizzalu coffee morning.
L-ittra kienet segwita wkoll minn attakk fil-konfront talImħallef Griscti b’posts fuq Facebook mill-istess Azzopardi u esponenti mill-għaqda Repubblika, waqt li Matthew Caruana Galizia, iben Daphne, saħansitra xerred id-dokument li juri t-trasferiment tad-dgħajsa mingħand George Fenech għal fuq Giovanni Griscti 13il sena ilu, qabel biss dan sar imħallef.
L-ittra qajmet furur fl-ambjent legali, li ma setgħux jifhmu kif negozju leġittimu fuq bejgħ ta’ dgħajsa antika fl-2008 bejn missier Yorgen Fenech u l-imħallef seta’ qatt influwenza lil dan tal-aħħar.
Sadanittant il-ġimgħa l-oħra l-Imħallef Griscti ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest preventiv ta’ Fenech, fejn omm l-akkużat, Patricia, poġġiet lilha nfisha garanti għal binha li ma jaħrabx mill-pajjiż. Fi protest ġudizzjarju, l-avukati tal-allegat mandant fil-qtil talbu lill-Pulizija biex tinvestiga lil Azzopardi u lill-bloger Manuel Delia dwar l-“attakk sistematiku” fuq il-persuna li setgħet laqgħet it-talba tal-klijent tagħhom għall-ħelsien mill-arrest fuq ċerti kundizzjonijiet.
F’kontro-protest nhar l-Erbgħa, Azzopardi allega li n-negozjant ried “jeliminah” fl-2019. Azzopardi qal li messaġġ li Fenech għadda lil uffiċjal Nazzjonalista, li ma indikax min hu, ingħad li kellu jitwarrab wara l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li saret sentejn ilu.
Post fuq Facebook li ttella’ minn Azzopardi l-ġimgħa l-oħra bħala parti mill-attakk fuq l-Imħallef Griscti
Il-gideb ta’ Jason Azzopardi u l-familjarità tiegħu ma’ Yorgen Fenech jitfu l-attakk li hu stess għamel il-ġimgħa li għaddiet kontra l-Imħallef Giovanni Griscti eżatt qabel dan iddeċieda fuq talba għall-ħelsien mill-arrest tan-negozjant akkużat li kkummissjona d-delitt tal-2017
Qrib Tumas Group
Sadanittant il-każ tal-pjaċir għall-coffee morning, kif żvelat minn ONE News din il-ġimgħa, mhux wieħed iżolat għal Azzopardi, li inzerta hu wkoll ir-rappreżentant legali tal-familja Caruana Galizia.
Id-Deputat ilu s-snin jipprova jħammeġ u jfajjar bl-addoċċ suppost konnessjonijiet ta’ persuni ma’ Yorgen Fenech. U kull darba li għamel dan, kien qiegħed jostor il-konnessjoni personali tiegħu stess mal-allegat moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dan iż-żmien sena ilu Azzopardi kien qal li qatt ma kien iltaqa’ personalment ma’ Yorgen Fenech, biex imbagħad ħarġet omm Fenech stess u fakkritu li kien iltaqa’ ma’ binha fit-tieġ tiegħu (ta’ Yorgen) stess u indikat li meta tkun mistieden tieġ tkun tal-familja, kollega tax-xogħol jew ħabib tal-qalb!
Ftit tax-xhur wara, meta mistoqsi dwar jekk qattx ingħata xi ħaġa mingħand il-familja Fenech, magħrufa wkoll bħala “ta’ Tumas”, l-isem tan-nannu ta’ Yorgen u l-bniedem li bena l-imperu tal-familja, Azzopardi nqabad jigdeb sfaċċatament fil-pubbliku.
F’Novembru tas-sena l-oħra, kien ħareġ ukoll li lura għal Lulju tal-2017 Ray Fenech, iz-ziju ta’ Yorgen, kien ħallas lil Azzopardi u s-sieħba tiegħu akkomodazzjoni ta’ ħames stilel fil-Lukanda Hilton ta’ Tel Aviv f’Iżrael. Dan proprju tlett ijiem biss wara li fuq l-istazzjon nazzjonali d-Deputat tal-establishment kien eskluda li akkwista xi ħaġa mill-imperu vast tal-familja Fenech.
Waqt Xtra nhar il-5 ta’ Novembru li għadda, Azzopardi ġie mistoqsi b’mod dirett mill-preżentatur jekk qattx ħa xi ħaġa mingħand Tumas Group, li s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien imexxi sa ftit taż-żmien ilu. Viżibbilment mifxul u skomdu, Azzopardi qal li żgur mhux mingħand Yorgen Fenech.
Għall-mistoqsija speċifika, li ġiet ripetuta lilu “bħall-avukati”, jekk qattx ħa xi ħaġa mit-Tumas Group, Azzopardi sostna li ma jiftakarx li qatt ħa xi ħaġa.
Wara din l-aħbar, l-eks mara tiegħu, Marica Azzopardi Balzan, ukoll żvelat li żewġha kien mar Iżrael fuq divertita mas-sieħba tiegħu bil-moħbi tagħha, waqt li kien għadu miżżewweġ lilha u minkejja li t-tnejn kienu mistednin għattieġ tat-tifla tar-Rabbi. Hi qalet li żewġha kien ġabilha l-iskuża li ried imur waħdu biex iqatta’ lejl f’Ġerusalemm fejn hemm il-qabar ta’ Kristu, għalkemm imbagħad żmien wara kellha tiskopri x’kienet il-verità.
F’post twila fuq Facebook, Azzopardi Balzan qalet ukoll li żewġha kien baqa’ fid-dar matrimonjali tagħhom sal-kampanja elettorali, iżda telaq appena għaddiet l-Elezzjoni ta’ Ġunju 2017.
Aktar tard il-PN ħareġ stqarrija fejn qal li l-Kap tal-Partit Bernard Grech iltaqa’ ma’ Azzopardi, li informah
KUNFIDENZA PERSONALI TURI ĦBIBERIJA SA MILL-2008
bid-deċiżjoni tiegħu biex jitlob lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler biex jinvestigah b’rabta mal-istejjer ippubblikati dwar ir-relazzjoni ma’ Yorgen Fenech. Azzopardi kien konxju li Hyzler ma seta’ qatt jinvestigah għax il-Liġi kienet iċċaħħdu milli jara każi li seħħew qabel il-ħatra tiegħu.
Fuq Facebook, ħamest ijiem wara li qal li qatt ma akkwista xi ħaġa mingħand Tumas Group, Azzopardi qal li ftakar eżatt x’kien ġara b’konnessjoni mal-mawra f’Tel Aviv u ddikjara li messu insista biex iħallas il-kont kollu u mhux biss ittaxxi u spejjeż żejda tal-jiem li qatta’ mas-sieħba tiegħu fil-Lukanda Hilton, li kienet tiswa iżjed minn €2,000, skont riċerka li kien għamel ONE News.
Hu qal li kien patta b’rigal, li kien ħalla fir-reception ta’ Portomaso, għal Ray Fenech.
Minkejja dan, fi stqarrija ftit jiem wara, Dr Hyzler insista li, għalkemm ma setax jinvestiga l-aġir ta’ Azzopardi u l-vaganza tiegħu f’Tel Aviv, rigal li seta’ nxtara lil ta’ Tumas ma jpattix biex iħassar il-ħlas ta’ ħamest iljieli t’akkomodazzjoni f’lukanda ta’ ħames stilel bħalma hi l-Hilton ta’ Tel Aviv.
“Mr Smith” għal Tel Aviv
B’rabta mal-istess mawra f’Iżrael imħallsa minn Tumas Group, din il-ġimgħa sar magħruf ukoll kif hemm iżjed sigrieti moħbijin fil-gwardarobba tad-Deputat Nazzjonalista.
Fil-fatt messaġġ ieħor żvelat mill-ġurnalist Karl Stagno-Navarra, juri li, għall-btala ta’ ħamest ijiem ‘all inclusive’ fi suite lussuża f’Tel Aviv, Azzopardi talab lil Fenech biex jirreġistrah bħala “Mr Smith” mal-Lukanda Hilton. ONE News kompla jikxef x’kien jgħid il-messaġġ. “Għidilhom jiktbuni bħala Mr Smith, ma jmurx jinqala’ xi dimonju, u ifhimni” kien insista d-Deputat Nazzjonalista f’konverżazzjoni personali ma’ Ray Fenech wara li tkarrab għall-akkomodazzjoni b’xejn għal żewġ persuni.
Minbarra li dan ikompli jikxef ilgideb u l-ipokrisija ta’ Azzopardi, li dejjem ipprova jaħrab milli jgħid il-verità dwar il-vjaġġ tiegħu lejn il-Lvant Nofsani, iżjed minn hekk jikxef il-familjarità kbira li kellu għal żmien twil mal-familja Fenech.
Meta fl-aħħar jiem ħarġu l-ewwel dettalji ġodda, il-Partit Nazzjonalista ma ħariġx stqarrija uffiċjali, minflok wieġeb mistoqsijiet tal-Lovin Malta, il-portal li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jitmexxa minn dak li issa qed imexxi l-kampanja ta’ Bernard Grech.
Mal-Lovin Malta, il-PN ħareġ għonqu għal Azzopardi u qal li dan m’għandux jitpoġġa fuq l-istess miżien ta’ ħaddieħor. Saħansitra tenna li dak li qed isir hu falz. Qabel l-informazzjoni li qed niżvelaw hawn illum, il-PN ħass li kellu jagħmel dikjarazzjoni ta’ difiża fuq l-aħħar rabtiet żvelati bejn Azzopardi u s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Mhux l-istess kien għamel għal Adrian Delia. Fil-fatt meta l-istess Lovin Malta qal li Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt li kien għaddej dibattitu Parlamentari fuq il-kumpanija 17 Black, il-PN ma ħarrikx suba’ wieħed biex jiddefendi lid-Deputat u Eks Kap tiegħu.
Saħansitra ħarġu jiftaħru mis-Civil Society Network, li jkunu fil-protesti ma’ ta’ Repubblika u Manuel Delia, li l-PN mhux jaqbeż għal Adrian Delia.
Il-midja uffiċjali Nazzjonalista wkoll ingħatat struzzjonijiet mit-tmexxija tal-Partit biex ma tagħtix spazju lil Delia. Meta dan tal-aħħar mar jiftaħ libell lil Lovin Malta fuq l-istorja, għax skontu dak irrapportat kien biss gidba, lanqas il-bulettin tal-aħbarijiet tan-NET dakinhar ma kien irrapporta xi ħaġa dwar dak li għamel Delia. Fil-każ ta’ Azzopardi l-istorja kienet għalkollox differenti, wisq probabbli għax dan id-Deputat kien fost il-perċimes li mill-bidu imbotta lil Grech għal Kap, minflok Delia. Azzopardi kien ukoll iltaqa’ ma’ Grech f’ħanut f’Tas-Sliema ftit qabel dan iddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni interna għal Kap f’Ottubru li għadda. Ir-ritratt ta’ Azzopardi ma’ Fenech li ġie ppubblikat wara li d-Deputat qal li qatt ma kien iltaqa’ miegħu
Azzopardi taħt inkjesta
Mill-istess programm televiżiv fuq TVM f’Novembru li għadda kien sar magħruf li kien hemm inkjesta kriminali, li nfetħet seba’ snin ilu, dwar korruzzjoni, frodi u miżapproprjazzjoni relatata ma’ deċiżjoni fid-Dipartiment tal-Artijiet fi żmien li Azzopardi kien responsabbli minnu.
Fl-aħħar jiem ukoll, il-bloger u lekċerer Universitarju Simon Mercieca indika li l-attakk ta’ Azzopardi fuq l-Imħallef Giovanni Griscti aktarx hu relatat ma’ din l-inkjesta dwar art f’Għajn Dwieli, li jaqa’ fid-distrett elettorali ta’ dan id-Deputat tal-Oppożizzjoni. Skont Mercieca, l-inkjesta, li għadha miftuħa, kienet inbdiet minn Griscti fl-2014 bħala Maġistrat u mbagħad għaddiet għand ħaddieħor meta sar imħallef.
Mercieca indika wkoll li l-Maġistrata Monica Vella, li spiċċat ħadet l-inkjesta f’idejha minn dak iż-żmien, fl-aħħar jiem ġiet attakkata fil-midja minħabba li m’għaddietx dikjarazzjoni tal-VAT lid-Dipartiment konċernat.
“Forsi mela m’għandhiex tkun sorpriża, allura, li din il-maġistrata ġiet attakkata fl-aħbarijiet għax ma tatx l-irċevuta tal-VAT lid-Dipartiment konċernat. Donnu Jason Azzopardi jattakka lil kull min jaħseb li jista’ jaf dwar għawwaru,” temm jgħid Mercieca.