Echoes from Old Trafford - December 2021

Page 7

Editorjal Fil‑preżent huwa tassew diffiċli ssib il‑kliem biex jiddeskrivu dak li kull sapporter ta’ Manchester United għaddej minnu. Għal xi wħud, huwa sentiment ta’ deja‑vu (kif jixhdu l‑esperjenzi taħt David Moyes, Louis Van Gaal u Jose Mourinho), għal oħrajn huwa tfixkil mingħajr tama għal tmiem, u forsi għal ftit oħrajn li jibqgħu jemmnu, konvinzjoni bla dubju sabiex jiġi “fdat il‑proċess”. Il‑prestazzjonijiet riċenti kienu foqra. Tant foqra li sezzjoni żgħira ta’ sapporters organiżżaw protesta (oħra) fit‑13 ta’ Novembru barra Old Trafford. Wara t‑telfa umiljanti f ’ darna kontra Liverpool, anke l‑akbar sapporters tal‑maniġer bdew bil‑mod jistaqsu dwar l‑irwol tiegħu b’ Roy Keane saħansitra jgħid li l‑futur ta’ Ole mal‑klabb kien ferm inċert. Kontestwalment, analiżi tal‑istampa kollha ċertament tiprovdi evalwazzjoni koerenti tal‑predikazzjoni attwali u l‑frustrazzjoni li qed tinxtered fil‑livelli kollha fi ħdan il‑klabb. L‑aħħar unur maġġuri mirbuħ kien fl‑istaġun 2016‑17 bil‑klabb jirnexxielu jegħleb lil Southampton fil‑finali tal‑League Cup. Minn dak iż‑żmien ’l hawn kellna nifġgħu f ’ demmna hekk kif iż‑żewġ rivali kbar tagħna Manchester City u Liverpool ħadu l‑unuri kollha, kemm fl‑Ewropa u anki fl‑Ingilterra. Jaggrava aktar it‑taħwid hu l‑fatt li kif iddeskriva Gary Neville, kemm City u anke Liverpool għandhom l‑aqwa klassi – kemm fl‑ingaġġar ta’ plejers, staff tekniku, tfittxija għal plejers u gravitas maniġerjali. Fi kliem ieħor, m’ hemmx soluzzjoni faċli u ta’ malajr għas‑sitwazzjoni ta’ United – u hemm bżonn miraklu ta’ proporzjonijiet epiċi għall‑maniġer u l‑istaff tiegħu biex idawwru kollox malajr kemm jista’ jkun.

Jekk xejn, iż‑żewġ logħbiet kontra Liverpool u Manchester City urew kemm huma ’l bogħod Manchester United milli jirritornaw għall‑glorja – kemm mill perspettiva tattika kif ukoll mill‑aspett ta’ filosofija. L‑identita’ ta’ Liverpool mibnija fuq l‑hekk imsejjaħ il‑famuż ‘gegenpressing’ – fejn il‑plejers ikunu mimlija b’ li jemmnu fihom infushom u jafu li l‑kapaċitajiet tagħhom fil‑kontrattakk huma l‑aqwa. Minbarra f ’ hekk, l‑ippressar aggressiv ta’ Liverpool hu komplimentat b’ attakkanti li l‑kapaċitajiet li jiskurjaw huma probabilment l‑aqwa fil‑Premier League. B’ avversarju tattikament superjuri u bla ebda spazju għall‑manuvrar, Ole inqabad kontra l‑iskwadra rfinata ta’ Klopp minn Merseyside. In‑nofs il‑blu ta’ Manchester joffri sfida totalment differenti. Il‑kummentaturi ddeskrivew ir‑rebħa ta’ City bħala li għallqet il‑ħajja mill‑United, bi plejers passati ta’ United jiddeskrivuha bħala li t‑tim ta’ Pep lagħab bil‑United qishom ġugarell. Għal darboħra l‑istaff tekniku nqabad bit‑tattika, pressar għoli u pussess li ħallew lil United bla ħjiel u bla tmun. Rio Ferdinand u Paul Scholes, biex insemmu tnejn, ma żammewx lura mill‑kritika lejn il‑maniġer, bi Scholes partikolarment jagħti x’ jifhem li t‑tkeċċija hija inevitabli aktar minn probabli. Ejja ma ninħbewx wara subajna. It‑telfa kontra City kienet sa ċertu punt agħar minn dik kontra Liverpool għax esponiet id‑dgħjufijiet li ħallew lis‑sapporters ta’ Manchester United jaħsbu jekk hemmx soluzzjoni possibli. Il‑fatt hu li m’ hemmx soluzzjoni immedjata fejn nistgħu nilagħbu tim kapaċi jerbaħ lil Liverpool u City bħalissa. Għalkemm kliem li jweġġa u jinstema melankoniku, il‑‘United Way’ (hi x’ inhi) għandha bżonn tinqala’ mill‑qiegħ u tiġi aġġornata.

Minkejja li l‑publikazzjoni ta’ dan l‑editorjal jaf ma jaħbatx mal‑aqwa forma tal‑klabb, hemm ukoll xi affarijiet pożittivi li ma nistgħux ma nsemmux. Fl‑eta’ ta’ 36, Cristiano Ronaldo għadu wieħed mill‑aqwa attakkanti tad‑dinja. Vera li forsi m’ għadux kapaċi li “jiġri mal‑linja”, jew li jilgħab f ’ kull logħba, imma l‑influwenza tiegħu hi bla waqfien u kważi perfett f ’ li jkun fil‑post it‑tajjeb fil‑ħin it‑tajjeb. Il‑gowls tiegħu kontra Villarreal u Atalanta prattikament għaddewna għall‑fażi li jmiss tal‑UEFA Champions League. L‑aqwa plejer li qatt lagħab ma’ United? Possibilment – speċjalment meta fl‑eta’ tiegħu (daqt jagħlaq 37 sena) is‑sapporters għadhom imbellħa bl‑influwenza tiegħu fil‑grawnd. Meta wieħed jara kemm ikun immarkat sew mill‑avversarji, dan juri kemm hu rispettat u ammirat mill‑maniġers u plejers avversarji. Wieħed jittama li dan jeħles plejers bħal Marcus Rashford u Mason Greenwood li joperaw u jieħdu vantaġġ mill‑ispazji fil‑kontrattakki. Dwar is‑suġġett tal‑maturita’, plejer li jimmatura bħall‑inbid fin hu Edinson Cavani. Hekk kif Ronaldo ċertament jirnexxielu jsalva lil United f ’ mumenti kruċjali fil‑partiti, meta Cavani jkun fil grawnd, l‑iskwadra kollha tidher galvanizzata bil‑preżenza u attitudni tiegħu fil‑grawnd. Il‑prestazzjoni riċenti tiegħu kontra Tottenham (wara t‑telfa kontra Liverpool) kienet konferma oħra li l‑Urugwajan hu plejer tal‑logħob il‑kbar, kapaċi li jġorr lit‑tim kollu u l‑pressjoni u l‑aspettazzjonijiet fuq spalltu. Frankament, meta jkun qed jilgħab, il‑United jitrasformaw f ’ annimal totalment differenti – bl‑assenza tiegħu (ħafna drabi minħabba li jkun imweġġa’) ċertament jinħassu. Jekk Manchester United iridu li jdawwru l‑istaġun, il‑maniġer interim jispera li jkollu lil Cavani f ’ saħħtu u kapaċi jipparteċipa fl‑akbar logħbiet (l‑aktar kruċjali) fl‑istaġun. Hemm tama? Possibilment. Bil‑klabb jikkonferma lil Ralf Rangnick bħala maniġer interim, hemm it‑tama għall‑implimentazzjoni ta’ metodoloġija aktar stabbli u strutturata. Minkejja dan, personalment nemmen li Rangnick ħa jkun mogħti l‑irwol mhux biss biex jimplimenta stil ġdid, imma sabiex jipprovdi struttura ferm meħtieġa għad‑dipartiment tekniku – ċertament ferm meħtieġa. Wieħed jittama li l‑maniġer interim jiprovdi stabbilta’ sakemm jiġi appuntat maniġer permanenti. Jiġri x’ jiġri, nibqgħu nissapportjaw lit‑tim fit‑tajjeb u fil‑ħażin. Ħudu gost aqraw.

2,000,000 MALTA

FOUNDED 1959

Thank you VOL 49 - ISSUE 2 - DECEMBER 2021

5


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.