Echoes from Old Trafford - March 2021

Page 7

Editorjal

KULL MA NEĦTIEĠU HI FTIT MATURITÀ

Il‑qawl jgħid li Ruma ma nbnietx f ’ ġurnata, u dan hu partikularment relevanti għas‑sitwazzjoni kurrenti li jinsabu fiha Manchester United. Maqlugħin mill‑Carling Cup u b’ Manchester City rampantament jiġru bil‑lig, l‑istennija twila u iebsa għal staġun domestiku iktar pożittiv apparentement se jkollha tistenna. Madankollu, minkejja n‑nuqqas ta’ konsistenza fil‑lig u l‑ignominija ta’ ħruġ kmieni mill‑UEFA Champions League, hemm ħafna x’ wieħed jistenna minħabba li pożizzjoni mal‑ewwel erbgħa għadha ċertament mhux garantita u fadal għal xiex nilagħbu. Hemm ukoll il‑wirja pjuttost pożittiva fl‑Europa League u li nippruvaw nerbħu l‑FA Cup. Fil‑verità, minkejja li Manchester United kienu fil‑quċċata tal‑Premier League f ’ punt matul dan l‑istaġun, ħafna mis‑sapporters kienu jemmnu li l‑ħsieb li ġenwinament nerbħu l‑kampjonat kien effimeru. Il‑qawmien mill‑ġdid fil‑forma ta’ Paul Pogba għamel differenza, madankollu hemm problemi fid‑difiża li jeħtieġu attenzjoni immedjata. L‑attakkanti jrebbħuk il‑logħbiet, imma d‑difensuri jrebbħuk il‑kampjonati – madankollu żbalji tal‑gowler u żbalji sempliċi fuq wara swew qares lil Manchester United. Sakemm is‑sitwazzjoni tad‑difensuri ċentrali tkun riżolta fl‑intir, Manchester United ma jistgħux jagħmlu assalt ġenwin fuq il‑kampjonat. Timijiet passati tal‑United kollha kellhom par difensuri b’ saħħithom li jwerwru timijiet opposti fuq wara, bil‑fans ċertament jiftakru fis‑snin passati ta’ Bruce u Pallister, Stam u Johnsen u riċentement Ferdinand u Vidic. Ukoll, meta wieħed jikkunsidra li t‑tim hu relattivament żagħżugħ, l‑inkonsistenza tiġi problematika, u riżultati mhux mistennija jseħħu bħal leħħa ta’ berqa (bħal dak kontra Sheffield United f ’ Old Trafford per eżempju), speċjalment meta skwadra bla esperjenza ssib ruħha f ’ sitwazzjoni mhux familjari. Minkejja dan, din hi kollha parti minn proċess ta’ tagħlim u li konna fil‑quċċata f ’ punt f ’ dan l‑istaġun tagħmel il‑mirakli għal ħafna mill‑plejers iż‑żgħar

li telgħin. Fuq kollox hemm il‑fatt li Pep Guardiola rnexxielu jqajjem mill‑ġdid lil Manchester City, bil‑Blues jiġru b’ riżultati li ħallew lil kulħadd warajhom. Tifħir fejn mistħoqq – u Manchester City qedin fit‑triq li jerbħu t‑tielet kampjonat tagħhom f ’ erbgħa staġuni. Li hu ċertament ta’ pjaċir huwa l‑impetu li żied Edinson Cavani fl‑iskwadra. Huwa rebbieħ perenni li rnexxielu jintegra b’ mod tajjeb – plejer ta’ kwalità li tintwera biċ‑ċar fuq il‑grawnd t’ Old Trafford. L‑addizzjoni ta’ Cavani kienet ferm bżonnjuża fi żmien meta l‑United kellhom bżonn aktar ‘panache’ fuq quddiem – meta tikkunsidra li Marcus Rashford u Mason Greenwood għadhom qed isibu saqajhom u Anthony Martial hu magħruf għall‑inkonsistenza. Nagħtu ftit spazju lil Cavani u narawh jagħmel il‑mirakli fejn il‑preżenza tiegħu biss ukoll tiggalvanizza l‑iskwadra. Iż‑żewġ logħbiet kontra Liverpool f ’ Jannar urew kemm imxew ‘il quddiem il‑United u l‑konfronti irriflettew it‑titjib fl‑attitudni mentali u saħħa determinata – elementi li kien ilna ma narawhom fit‑tim tagħna għal żmien konsiderevoli. Il‑logħba f ’ Old Trafford kellha tara lil United joħorġu bi tliet punti, b’ Paul Pogba litteralment jarmi ċans li jikteb ismu fil‑kotba tal‑istorja. Madankollu, il‑logħba tal‑FA Cup f ’ Old Trafford kienet doppjament ta’ gost għal min segwiha. Minkejja li Liverpool offrew reżistenza, il‑manjiera li United rebħu biha emfasizzat il‑fatt li m’ aħniex tim inferjuri li tarmih. Il‑free kick mogħti brillantament minn Bruno Fernandes kien riflessjoni ta’ disgħin minuta fejn (apparti mument qasir ta’ dominanza mill‑iScousers) Manchester United dehru qishom ir‑Red Devils tal‑antik...bi grinta fuq il‑ballun, aggressivi, fiżiċi u l‑aktar importanti, qatt ma jaqtgħu qalbhom. Wieħed jittama li t‑tim ta’ Ole jista’ jżomm din il‑forma fit‑tazza sabiex jilħaq l‑aħħar fażi tal‑kompetizzjoni! Punt ieħor tajjeb kien il‑wirja barra minn darhom li taw United kontra Real Sociedad (minkejja

li din intlagħbet fi grawnd newtrali). Timijiet opposti Spanjoli huma notorjament diffiċli biex tilgħab kontrihom u r‑rekord tal‑United kontra klabbs mi‑reġjun tal‑Iberja mhu tajjeb xejn – minkejja dan, meta wieħed jikkunsidra l‑forma li għaddejjin minnha Real Sociedad fil‑lig Spanjol u bi plejers bhal Adnan Januzaj u David Silva fit‑tim, il‑plejers t’ Ole ħarbtuhom kemm mentalment u tattikament – xi ħaġa li kien ilna ma naraw barra minn darna minn żmien Sir Alex Ferguson. It‑transizzjoni pożittiva u kontrattakki taw vantaġġ ta’ erbgħa gowls u żguraw li United jgħaddu għal ma’ l‑aħħar sittax. Logħba li faċilment stajna niżolqu fiha spiċċat intemmet qabel biss ir‑Reds lagħbu l‑logħba ta’ ritorn f ’ Manchester – li juri l‑maturita’ u kwalità tat‑tim. Marzu ċertament se jħoll u jorbot għall‑istaġun tal‑klabb. Għandna inkontri li wieħed iħares ‘il quddiem għalihom forsi anki b’ element ta’ tpattija speċjalment fil‑konfront kontra Manchester City fil‑Manchester Derby meta l‑United jilagħbu fl‑Etihad fis‑7 ta’ Marzu. Is‑sekwenza ta’ logħob mistenija jkollha effett fuq il‑kundizzjoni fiżika tal‑plejers, imma dan hu fejn ir‑rotazzjoni tilgħab parti kritika. Apparti xi korriment ‘l hemm u ‘l hawn, nistennew li l‑iskwadra sħiħa tikontribwixxi sabiex il‑United jispiċċaw l‑istaġun fuq nota tajba. Finalment, huwa impossibli li nispiċċa dan l‑editorjal mingħajr ma’ nsemmi l‑famuża filosofija ta’ Manchester United – riflessa b’ mod sabiħ meta Amad Diallo u Shola Shoretire għamlu id‑debut tagħhom mar‑Red Devils. Minkejja li l‑klabb jinsab fi transizzjoni u għandu pressjoni sabiex jerbaħ il‑kampjonat, it‑tmexxija tal‑klabb xorta taħdem biex tintroduċi żgħażagħ promettenti fil‑grupp ta’ plejers, u għal Diallo u Shoretire, il‑futur hu ċertament sabiħ. Wieħed jispera li l‑pożittività u ħeġġa ġenerata bl‑elementi żgħażagħ tiġi konstantament komplimentata bir‑robustezza u maturità ta’ plejers bħal Cavani, Fernandes u Pogba. United jistgħu biss jitjiebu jekk din il‑filosofija u dan il‑pjan jinżammu dejjem fuq quddiem!

2,000,000 MALTA

FOUNDED 1959

Thank you VOL 48 - ISSUE 2 - MARCH 2021

5


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.