3 minute read

L Editorjal

Next Article
Il Poeżiji

Il Poeżiji

Kemm hi ħaġa sabiħa li pubblikazzjoni bħal din - li f’dan ix-xahar tagħlaq tmien snin, bl-ewwel ħarġa f’Settembru 2012 - tiġi apprezzata anki minn bosta qarrejja li jiena bħala editur jew ma nkun iltqajt qatt magħhom jew inkella kelli biss ftit kuntatti magħhom permezz tal-internet. Dan lili jagħtini spinta biex inkompli b’dan ix-xogħol li qed jinqara minn bosta mhux biss f’Malta u Għawdex, imma anki lil hinn minn xtutna.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir anki meta nikteb lil kittieba li qatt ma nkun ktibtilhom jew iltqajt magħhom qabel, nistaqsihom għal intervista, u bla ebda problema jaċċettaw li jagħtu ftit minn ħinhom biex il-qarrejja ta’ IL-PONT isiru jafu iktar dwarhom u dwar kitbiethom. Kif se taraw, f’din il-ħarġa ssibu tliet intervisti ma’ tliet nisa minn pajjiżi differenti: mill-Italja, mill-Iskozja u mir-Russja. Tnejn minnhom illum għandhom kuntatti b’saħħithom ma’ Malta tant li jgħixu fi gżiritna, u waħda minnhom titkellem il-Malti aħjar minn ħafna minna.

Advertisement

Daqstant ieħor tweġġa’ l-indifferenza ta’ ċerti wħud li huma marbutin sewwa mal-qasam tal-letteratura lokali li tiktbilhom darba darbtejn għal intervista fuq IL-PONT u lanqas biss jindenjaw ruħhom iwieġbu. Lil dawn ma ħaqqhom xejn iktar mill-indifferenza li tant jemmnu fiha: kif jgħid il-kittieb u poeta Dante Alighieri, Non ragioniam di lor, ma guarda e passa.

Fuq nota oħra, il-Covid-19 għadu magħna, għalkemm huwa inviżibbli, imma preżenti. Dan effettwa bosta inizzjattivi kulturali, apparti attivitajiet ta’ divertiment u l-ekonomija inġenerali. Huwa żmien li bosta għażlu li jibqgħu ġewwa, jew li se jerġgħu jingħalqu ġewwa. Xi wħud minna ħadu l-okkażjoni biex jaqraw għadd ta’ kotba li għal snin sħaħ kienu qed jistennew xi mkien fuq xi xkaffa biex jinqraw. Oħrajn skoprew li sigħat twal ta’ televiżjoni jew quddiem screen ta’ laptop jew tablet huma monotoni fl-aħħar mill-aħħar, u minflok skoprew xi ftit il-pjaċir tal-qari. Wieħed mill-għanijiet ta’ IL-PONT hu li jħeġġeġ lill-qarrejja jħobbu il-ktieb u l-qari, bilMalti fuq kollox, imma anki b’ilsna oħrajn. U kif diġà rajna sa minn Marzu li għadda, bosta djar talpubblikazzjoni, distributuri u ħwienet tal-kotba, marru online u offrew lil min iħobb il-qari għadd ta’ opportunitajiet biex jixtru l-kotba li jixtiequ bi prezzijiet raġunevoli u saħansitra jaslulhom wara lbieb tad-dar.

Din is-sena, il-Festival tal-Ktieb se jkun online, u żgur li opportunitajiet bħal dawn se jiżdiedu. Mela jalla dan il-perijodu tal-Covid-19 ma jkunx biss wieħed negattiv, imma anki pożittiv, u dan permezz tal-qari. Fuq naħa IL-PONT jiddispjaċih meta jaqra l-aħbar li għalaq darba għal dejjem ħanut tal-kotba ieħor. Fuq in-naħa l-oħra IL-PONT ifakkar ukoll li minkejja li xogħol il-pubblikaturi mhux faċli u jirrikjedi eluf ta’ ewro, xorta waħda dawn m’għandhomx japprofittaw ruħhom mill-pubbliku billi jgħollu b’mod esaġerat ilprezz ta’ ċerti publikazzjonijiet li jħossu se jinbiegħu żgur, ikun xi jkun il-prezz. Din żgur la hi etika u lanqas rispett lejn il-qarrejja prospettivi. Apparti hekk, tixħet lill-pubblikatur f’dawl negattiv.

Kif bosta jafu llum hemm anki bosta siti barranin online li joffru eluf ta’ kotba b’ilsna differenti, ġodda jew użati, li tista’ tordnahom u jaslulek id-dar fi ftit ġimgħat. Ma ninsewx ukoll l-eluf ta’ kotba disponibbli li l-pubbliku jista’ jissellef b’xejn millibreriji pubbliċi li hawn imxerrda matul il-gżejjer Maltin. Dan hu lussu li mhux kull poplu jgawdi minnu, mela nagħmlu użu minnu u ngawduh.

B’xi mod il-perojodu tal-Covid-19 kien ukoll pożittiv għal numru ta’ kittieba u għaqdiet tal-letteratura li bis-saħħa tal-internet ippreżentaw videos fejn qraw poeżiji u xogħlijiet kemm tagħhom kif ukoll ta’ kittieba oħrajn, kif ukoll organizzaw lejliet mużikoletterarji online, u dan kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll internazzjonali. Kienu bosta kittieba lokali li ħadu sehem f’okkażjonijiet bħal dawn online flimkien ma’ poeti u kittieba minn pajjiżi oħrajn. IlCovid-19 ħalliena ġewwa imma sibna xorta waħda kif noħorġu lil hinn mill-għeluq u nwasslu kitbietna lillpubbliku, Malti u barrani.

Ta’ min ifakkar li dar armata mhix biss dik li jkollha televiżjoni ta’ 60 pulzier, internet u arja kondizzjonata f’kull kamra, pixxina, gym, laptops, ilkumdità li tara films u serje televiżivi kemm u meta trid, u l-bqija. Dar armata hija wkoll dik li jkollha librerija mogħnija b’kotba varji, żgħira kemm hi żgħira. U IL-PONT jerġa’ jfakkar li llum min iħobb ilktieb Malti għandu għażla vasta minn fejn jagħżel: basta jfittex sewwa, u mhux biss fost il-kotba li jsib flewwel fillieri, imma anki billi jqalleb fil-kotba li jkunu mistoħbijin - minħabba raġuni jew oħra - fuq wara.

Minn hawn l-editur ta’ IL-PONT jawgura sena akkademika tajba lill-qarrejja kollha u l-familji tagħhom. Nosservaw ir-regoli maħruġin midDipartiment tas-Saħħa Pubblika u nirrispettaw lilna nfusna u lil ta’ madwarna.

This article is from: