1 minute read
FOOTBALL NISA
from Sportiv 156
by Union Print
Rebħiet Storiċi għal Malta
It-tim nazzjonali Malti tan-nisa ma setax kellu tmiem aħjar għal fażi ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp B għal kampjonati Ewropej tan-nisa ta’ l-2022 meta ħareġ rebbieħ miż-żewġ konfronti li kellu barra minn dahru kontra Ġorġja u Iżrael.
Advertisement
Grazzi għal dawn iż-żewġ rebħiet, it-tim immexxi minn Mark Gatt tela’ fir-raba’ post tal-klassifika b’total ta’ 10 punti - żewġ rekords illi jitfgħu dawl qawwi fuq it-titjieb li qed isir fi ħdan il-moviment kalċistiku tan-nisa f’Malta.
Protagonista fiż-żewġ logħbiet kienet l-attakkant ta’ Sassuolo Haley Bugeja li skurjat xejn inqas minn erba’ gowls f’dawn iż-żewġ logħbiet, filwaqt li għamlet ukoll l-assists għaż-żewġ gowls l-oħra.
Ġewwa Tel-Aviv fl-Iżrael, Malta fetħet l-iskor grazzi għal kaptin ta’ Mġarr United Brenda Borg li sabet ix-xibka għat-tieni darba f’dan il-grupp. It-tieni gowl wasal minn azzjoni tajba bejn Borg u Bugeja biex Malta għelbet lillIżrael 2-0.
Sadanittant, ġewwa Tbilisi fil-Ġorġja, Malta rebħet 4-0 grazzi għal hat-trick ta’ Bugeja li biha saret l-ewwel Maltija li skurjat tlieta f’logħba filwaqt li saret l-ewwel plejer tat-tim nazzjonali Malti, irġiel u nisa, li kisbet hat-trick f’logħba kompetittiva.
Il-gowl l-ieħor ta’ Malta ġie skurjat minn Shona Zammit, l-ewwel gowl tagħha f’kompetizzjoni uffiċjali hekk kif kienet qed tagħmel il-50 apparenza tagħha ma’ Malta.
Dawn ir-riżultati sarrfu wkoll f’żewġ clean sheets għal gowlkiper ta’ Birkirkara Janice Xuereb hekk kif it-tim Malti kompla juri titjieb sostanzjali fuq wara.
Fost rekords ohra li saru f’din il-partita, kien hemm l-40 preżenza ta’ Martina Borg.
BIRKIRKARA JOĦORĠU BL-UNURI
Iċ-ċampjins Maltin ta’ Birkirkara sfaw eliminati mill-ewwel rawnd tal-UEFA Women’s Champions League minkejja wirja qalbiena kontra l-iġganti Rumeni ta’ Olimpija Cluj.
Cluj rebħu bl-skor ta’ 2-1 iżda kellhom jistennew sat-tieni taqsima biex jaqilbu l-iskor wara li l-istripes kienu fetħu l-skor fl-ewwel taqsima.
Infatti, l-plejer internazzjonali ta’ Malta Alishia Sultana kienet fetħet l-iskor għal Birkirkara b’gowl fl-ewwel taqsima.
Kienet partita inkoraġġanti għal Birkirkara għal fatt li lgħabu kontra tim li sa sentejn qabel kien ġera bihom bl-skor ta’ 6-1 u dan juri l-fatt li l-futbol
tan-nisa f’pajjiżna qiegħed ikompli jikber u jiżviluppa.