ACN (Malta) - LEĦEN IS-SEWWA - Il-Ħadd 13 ta’ Marzu, 2016

Page 1

26

Il-Ħadd 13 ta’ Marzu, 2016

internazzjonali Servizz tal-Aid to the Church in Need (Malta) – info@acnmalta.org

Il-Jemen

Sorijiet ta’ Madre Tereża maqtula f’attakk terroristiku

Erba’ Sorijiet tal-Kongregazzjoni Missjunarji tal-Karità ta’ Madre Tereża nqatlu brutalment fil-Belt ta’ Aden, ilJemen, nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Marzu. Tnejn minnhom huma mir-Rwanda, waħda Indjana u oħra mill-Kenja. Grupp ta’ terroristi armat sew attakka d-dar tal-anzjani fid-distrett ta’ Sheikh Osman fejn is-sorijiet jagħtu l-kura lillanzjani u l-persuni b’diżabbiltà. Wara li qatlu l-gwardji, it-terroristi daħlu fid-dar, isseparaw lis-sorijiet min-nies l-oħra u wara

li mmanettjaw lill-anzjani u lill-morda, fetħu n-nar fuqhom. Sittax-il ruħ inqatlu fl-attakk li jinkludu s-sorijiet, il-gwardja, ixxufier, żewġ nisa mill-Jemen stess u tmien anzjani residenti fid-dar. Tmenin persuna anzjana, persuni b’diżabbiltà u s-superjura tal-kunvent ħelsuha millattakk. Il-Papa Franġisku kkundanna dan l-attakk ta’ “vjolenza djabolika” u qal li s-sorijiet mietu martri.

L-Etjopja

L-Italja

Ir-raħħala jkissru u jisirqu l-proprjetà tal-Knisja

L-Isqof Abraham Desta esprima l-biża’ tiegħu wara li persuni taw in-nar u serqu kunvent fil-parroċċa ta’ Gighessa, l-Etjopja. Dan wettquh nies fqar mill-post li s-saċerdoti u s-sorijiet stess jgħinu. Huma serqu u kissru l-proprjetà talKnisja saħansitra l-presbiterju, iċ-ċentru pastorali djoċesan, il-kunvent u l-klinika li tispeċjalizza fil-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. L-unika binja li ma kissrux kienet l-iskola. L-aggressuri ħarbu b’aktar minn 12,000 kilo t’ikel li kien maħżun fiċ-ċentru pastorali. Lanqas il-bhejjem ma ħelsuha bil-baqar u t-tiġieġ jinsterqu wkoll. Dak il-ħin fiċ-ċentru kienet qed issir konferenza dwar nursery education fejn attendew ’il fuq minn 55 ruħ. Id-delegati tal-konferenza rnexxilhom jaħarbu imma s-sorijiet li kienu fil-klinika ma ridux jitilqu. L-Isqof Desta qal: “Is-sorijiet Ursolini li jmexxu l-klinika, baqgħu flimkien mal-pazjenti għax ma ridux iħalluhom waħedhom imma n-nies ma ħennitx għalihom”. Eventwalment is-Sorijiet u l-pazjenti rnexxilhom imorru fil-parroċċa

L-erba’ Sorijiet tal-Kongregazzjoni Missjunarji tal-Karità ta’ Madre Tereża li nqatlu fil-Belt ta’ Aden

ta’ Shashamane fejn għadhom qed jiġu ospitalizzati. “Tilfu kollox, minbarra d-don prezzjuż tal-ħajja li jingħata mingħajr ebda ħlas minn Alla. U kontra qalbi jkolli ngħid li dan sar minn nies tal-post li s-sorijiet kienu qed iservu, li jafu tant mill-viċin, jekk mhux lil kulħadd, tal-anqas numru sostanzjali minnhom,” qal l-Isqof Desta. Wara li s-saċerdoti u d-delegati talkonferenza telqu, in-nies taw in-nar lirresidenza u l-karozza tas-saċerdoti u kissru l-bini kollu. Daħlu fiċ-ċentru pastorali u ħadu 250 sodda bis-saqqijiet, 700 kutra u lożor, apparat tal-elettriku, ġeneraturi tal-elettriku, magni tal-istampar u kompjuters. Iċ-ċentru spiċċa fi stat ta’ ebda użu. It-Tabernaklu li kien tħalla warajhom ġie rkuprat minn żewġ tfajliet Kattoliċi minn Gighessa li marru lura l-għada u ħadu t-Tabernaklu fil-parroċċa ta’ Shashamane. L-Isqof Desta qal: “Illum nistaqsu f’qalbna u f’moħħna: Għalfejn Alla? Għalfejn hekk? Nispera li f’qasir żmien Alla jagħtina tweġiba”. Biss l-Isqof żied li Alla wera li hu kien magħhom matul dawn l-attakki.

Jaslu Ruma refuġjati Sirjani L-Italja bdiet iġġib refuġjati Sirjani bl-ajruplan biex tevitalhom ir-riskju ta’ qsim ta’ baħar perikoluż. Dan ilHuman Corridor se jippermetti refuġjati li jidħlu l-Italja b’mod żgur u legalment. La darba jkunu fl-Italja, ir-refuġjati se jittieħdu f’postijiet differenti. L-ewwel li waslu f’Ruma fl-4 ta’ Frar kienet tifla Sirjana bl-isem ta’ Falak, marida b’tumur, u l-familja tagħha. Grupp kbir ta’ 93 refuġjat Sirjan minn Bejrut waslu fl-ajruport ta’ Fiumicino fid-29 ta’ Frar. Huma kienu 24 familji, inklużi 41 tifel u tifla, li minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, ingħataw viża umanitarja mill-Ambaxxata Taljana fil-Libanu. Ħafna mill-familji jiġu minn Homs, belt tas-Sirja, li nqerdet għalkollox. Oħrajn huma minn Idlib u Hama. Irrefuġjati għexu fil-kampijiet fil-Libanu wara li ħarbu millgwerra ċivili. Il-proġett hekk imsejjaħ Human Corridor tnieda minn organizzazzjonijiet reliġjużi Taljani, fosthom il-Knisja Kattolika u knejjes Protestanti u l-organizzazzjoni lajka l-Komunità ta’ San Egidio wara li f’nofs Diċembru waslu għal ftehim mal-Gvern Taljan. Il-Ministru tal-Affarjiet Barranin tal-Italja, Paolo Gentiloni, faħħar l-iskema bħala mudell għal pajjiżi oħra biex isegwuha. Madwar elf ruħ mistennija li jidħlu l-Italja bl-ajru legalment fis-sentejn li ġejjin.

Is-Sirja

43 Assirjan Kristjan meħlusa mill-Istat Islamiku

Fil-grigal tas-Sirja, 43 Assirjan Kristjan, li kienu miżmuma ostaġġi issa nħelsu mill-Istat Islamiku (ISIS). Dawn inħelsu wara li kienu nħatfu fi Frar 2015 f’irħula qrib Tall Tamar. Huma l-aħħar minn aktar minn 200 persuna Kristjana li sfaw maħtufa. L-Istat Islamiku ħeles lill-Assirjani maħtufa ftit ftit – 19 f’Marzu 2015, 10 f’Novembru 2015, 25 f’Diċembru 2015 u 16 f’Jannar 2016. Uħud mill-ostaġġi nqatlu. Il-grupp

terroristiku kien hedded li joqtol il-bqija jekk ir-rahan ma jitħallasx. L-Istat Islamiku rċieva somom kbar ta’ flus, aktar minn $100,000 għal kull persuna. Younan Talia, tal-Organizzazzjoni Demokratika Assirjana, qal li l-terroristi oriġinarjament talbu $18,000,000 għall-ħelsien tal-ostaġġi iżda din iċ-ċifra tnaqqset wara xhur sħaħ ta’ negozjati. “Aħna ħallasna ammonti kbar ta’ flus, miljuni ta’ dollari, iżda

mhux $18,000,000. Aħna ħallasna inqas minn nofs l-ammont”, qal sors lokali li ħa sehem fin-negozjati. Filwaqt li t-talba għall-ħelsien kienet miftehma fil-qalba tal-ISIS f’Raqqa, mhuwiex magħruf fejn seħħ il-ħelsien tal-ostaġġi. Il-Knisja Assirjana rnexxilha tiġbor l-ammont tal-flus mitlub biex il-Kristjani jinħelsu wara li rċevew diversi donazzjonijiet minn madwar id-dinja.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.