1 minute read

Messaġġ mid-Direttriċi Kor Sta. Ċeċilja

Christa Carla Debono

Għall- grazzja t’Alla reġgħet waslet sena oħra, festa fejn kellha tkun b’ħafna ċelebrazzjonijiet kbar għalina l-Gżirjani. Minħabba din is-sitwazzjoni li qegħdin fiha ser ikollna niċċelebrawha b’mod kemm xejn differenti minn dak li kellna ppjanat għaċ-Ċentinarja.

Advertisement

Bħala kor din is-sitwazzjoni affetwatna ferm. Dan għaliex ma stajniex niltaqgħu għall-provi u kunċerti biex nobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa, id-direttivi tal-kurja u fl-istess ħin nieħdu ħsieb il-membri koristi tagħna. Ma stajniex nagħmlu l- attivitajiet bejnietna bħala membri u tfal. Normalment fil-ħajja normali ta’ kuljum, il-kor ikun kemm xejn impenjat. Nieħdu sehem f’ħafna okkażżjonijiet u funzjonijiet matul is-sena, norganiżżaw xi festin u ħruġ biex nintegraw bħala familji bejnietna. Bis-saħħa ta’ facebook żammejna kuntatt qawwi flimkien. Ovjament in-nuqqas ta’ provi nħass iktar madwar xahar ilu meta propju ċempilli l-Kappillan Dun Gordon Refalo u tagħni l-aħbar li nistgħu nerġgħu nibdew bil-provi tagħna. Issa qegħdin biss erba t’ijiem ‘l bogħod qabel ma’ tibda l-festa tal-għażiża Patruna tagħna, il-Madonna tal-Karmnu. Bħala kor ħdimna kemm stajna biex insebbħu l-knisja bil-vuċijiet hekk sbieħ waqt il-ġimgħa tal-festa. Il- kor ser ikun qiegħed janima l- quddiesa tat-Tnejn fis-6:00pm , l-Erbgħa l-ewwel jum tat-tridu fis-6:00pm, is-Sibt filgħaxija lejliet il-festa fis:6:30pm u l-Ħadd filgħodu f’Jum IL-Festa fid-9:00am. Nixtieq inħeġġeġ lil dawk it-tfal kollha ‘l fuq minn seba’ snin, ż-żgħażagħ u l-adulti speċjalment vuċijiet maskili li jixtiequ jingħaqdu magħna għaliex jekk il-bambin irid wara li jgħaddi s-sajf nibdew bil-preparamenti għall-funzjoni tal-Milied. Il-provi jkunu kull nhar ta’ Tnejn wara l-quddiesa tas-6pm fix-xitwa. Kull min hu mħajjar jattendi għandu jibgħatli fuq il-paġna tal-kor Santa Ċeċilja jew jikkuntatjani fuq 99282404. Nixtieq nistieden lill-Gżirjani kollha li għandhom għal qalbhom il-Madonna tal-Karmnu biex jattendu.

Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi li dejjem tawni appoġġ sħiħ u f’isem il-Membri koristi kollha nixtieq nirringrazzja lill-Kappillan Dun Gordon Refalo ta’ kemm jifhimna , jappoġjana u jgħina fejn ikun hemm bżonn, lill-ex Surmast Adriann Scicluna ta’ l-għajnuna kbira tiegħu fis-sehem tal-kor u lill-parruċċani kollha tat-tifħir li dejjem jgħatuna. Il-festa t-tajba lil kulhadd. Viva l-Madonna tal-Karmnu!

Christa Carla Debono

Direttriċi Kor Sta. Ċeċilja

This article is from: