3 minute read
Messaġġ mill-Kappillan
Dun Gordon Refalo
Għeżież,
Advertisement
Din hi l-ewwel darba li qiegħed niċċelebra il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Gżira bħala Kappillan tagħkom. Xtaqt li kieku stajna niċċelebraw din il-Festa kif isir normalment, iżda minħabba ir-restrizzjonijiet marbutin mal-pandemija, dan ma jistax isir din is-sena. Pero’ xorta waħda nistgħu niċċelebraw. Kif tistgħu taraw fil-programm tal-Festa, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ġewwa ser isiru kważi kollha, bi ftit tibdiliet. U dawn huma il-qofol ta’ kull festa. Għalija ma tagħmilx sens illi niċċelebraw barra mill-Knisja biss, mingħajr ma ningħaqdu bħala komunita’ Nisranija sabiex niċċelebraw il-Quddies. Il-Quddies għandu jkun il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Min jiċċelebra barra biss ikun qiegħed jiċċelebra Festa li mhix waħda Nisranija. Dan ifisser, li minkejja id-dispjaċir tagħna li mhix ser tkun Festa bħas-soltu, imma xorta ħa nagħtu qima lil Alla permezz tal-Ġawra tagħna, Il-Madonna, Fjur tal-Karmelu. Għalhekk nixtieq inħeġġeġ lil kull parruċċan sabiex matul il-jiem tal-Festa, niġu għall-quddies, nitolbu, nersqu għas-Sagrament tal-Qrar, nagħmlu karita’ , intejbu ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ningħaqdu mal-familji tagħna, inkunu qrib dawk li huma morda jew jgħixu waħedhom, u nura imħabba kbira lejn kulħadd. Żgur li jekk nagħmlu dan kollu, mhux biss nagħtu ġieh lill-Omm tagħna Marija, imma inkunu aħna stess tassew ferħana, u inkunu nistgħu ngħidu, kellna Festa sabiħa. Fr Gordon - Kappillan
Tista ssewgi il-Paġna tal-Parroċċa tal-Gzira fuq il-midja soċjali billi tidħol fuq: https://www.facebook.com/parroccagzira
Messaġġ mis-Sindku
Conrad Borg Manche
Għeżież ħuti Gżirjani u residenti.
Nispera li tinsabu tajbin.
Din is-sena hija sena memorabbli għalina l-Gżirjani f’l-okkażżjoni tal-mitt sena anniversarju minn meta twieldet il-parroċċa tagħna. Nistgħu ngħidu li mitt sena ilu kien ukoll il-bidu tal-lokalita tagħna fejn bdiet tinbena u bdew ġejjin nies minn lokalitajiet oħra li għażlu l-Gżira biex tkun id-dar naturali tagħhom. Il-Parroċċa tagħna meta mqabbla mal-parroċċi ġirien tagħna hija waħda relattivament żgħażugħa, pero ċertament bi storja twila li tmur lura għal żmien il-kavallieri u saħansitra qabel meta il-Gżira ta’ Manoel kienet ingħatat b’fewdu lil familja nobbli Guevara bħala kollaterali għal self lir-Re qabel il-kavallieri ġew Malta. Din l-istorja mill- iktar interessanti t’art twelidna ser tkun parti mill- publikazzjoni li qed tiġi ppreparata għall-okkażjoni tal-Festi ċentinarji s-sena d-dieħla. Din is-sena ċ-ċirkostanzi talbu mod ieħor u minflok sena memorabbli kienet sena li xorta ser niftakru pero għal raġunijiet oħra. Għalhekk flimkien mall-Kappillan maħbub tagħna Fr Gordon iddeċidejna illi l-festi ċentinarji jiġu ċċelebrati kif jixraq is-sena d-dieħla.
Kommess illi s-sena d-dieħla tkun sena memorabbli biex infakkru dak kollu li għadda minnu l-poplu Gżirjan u l-lokalita tagħna matul l-aħħar 100 sena parroċċa. Storja interessanti li tibda dsatax -il sena qabel mill- ġrajja tal-Ġebla, avveniment mirakoluż li kien il-bidu ta’ kollox. Kif inkantaw fl-innu sabiħ tal-Madonna tal-Ġebla “Tron u saltna għalik inti bnejt sabiex tibqa’ ma wliedek għal dejjem” il-Madonna għazlet il-Gzira u l-poplu tagħha biex ikollha t-tempju ddedikat għaliha u tkun magħna għal dejjem. Il-knisja ukoll bdiet tinbena ftit wara li l-lokalita tagħna ġiet iddikjarata parroċċa u ħadet 14 -il sena biex inbniet u ġiet inawgurata f’1935.
Biex ukoll infakkru minn xhiex għaddew missirijietna waqt it-tieni gwerra dinjija fl-okkażjoni tal-festi ċentinarji ser jinfetaħ shelter mill- isbaħ li jinsab fi Triq ilFreres.
Bħal ħafna minnkom kont ili nistenna din is-sena żmien u ovvjament wisq iktar meta għażiltuni biex inkun is-sindku tagħkom ridt nikkontribwixxi għal art twelidna li tagħtni ħafna, kemm żgħożija mill- isbaħ kif ukoll illum li għaziltuni Sindku tagħkom u ta’ din l-opportunita nibqa’ grat lejkhom għal dejjem. J’Alla nitgħallmu minn din il-pandemija napprezzaw iktar il-ħajja u lil xulxin u s-sena d-dieħla niċċelebraw kemm il-mitt sena parroċċa kif ukoll it-tmiem tal-pandemija li ħarbtitilna ħajjitna pero li nispera li għallmitna ukoll. Minn qalbi nawguralkhom festa mill aqwa u j’Alla niltaqgħu ma ndumux. Viva il-Madonna tal-Karmnu !
Conrad Borg Manché