1 minute read

Messaġġ mill-President Għaqda Mużikali Mount Carmel

Messaġġ mill-President - Għaqda Mużikali Mount Carmel

Joseph Spiteri

Advertisement

F’għeluq il-mitt sena tal-parroċċa, ħsiebi jmur fuq missirijietna kemm ħadmu u stinkaw biex bnew dan it-tempju li għadna ngawduh sallum. Żgur li l-ftit familji li kienu jabitaw fil-Gżira kienu magħqudin biex minn flushom ħallsu biex ikollna parroċċa fejn jistgħu jamministraw il-ħtiġijiet tat-twemmin, kemm tagħhom kif ukoll ta’ wlied u wlied uliedhom.

Kemm kienu għaqlin li mal-milja taż-żmien ħasbu biex fetħu każin u tawh l-isem tat-titlu tal-Madonna, minkejja li ġiet imkażbra mill-barranin, stagħniet b’għożża u b’imħabba minna l-Gżirjani. Każin li matul iż-żmien ra numru kbir ta’ tfal jitgħallmu l-kultura mużikali biex fil-festa jindaqqu l-marċi u l-innijiet Marjani.

Jien inħossni xxurtjajt li lħaqt il-festa taċ-ċinkwentinarju; għeluq il-ħamsin sena fl-1971. Kont għadni abbati. Ma ninsa qatt il-funzjoni tal-kxif tal-irħama komemorattiva, nagħti s-servizz tiegħi ħdejn l-E.T. Gonzi. Kemm kien żmien sabiħ! Bil-Gżira mimlija tfal, ngħinu lill-kbar, inżejnu t-toroq u kulħadd jimpika biex ikollu l-isbaħ triq. Jien niftakar ma’ sħabi ta’ Stuart Street ( għax hemm kont noqgħod ) naħdmu l-liedna tal-karti kkuluriti mal-bieb tal-ħanut ta’ Pawlu taż-Żebgħa. Kemm kienu jintramaw sbieħ it-toroq tagħna; bħal Victory, Reid, Ponsonby fost l-oħrajn. Minn hemm bdiet in-namra tiegħi għall-festa li għadha sal-lum. Kienet għadha l-Gżira tal-Gżirjani.

Illum il-parroċċa għalqet mitt sena. It-toroq tagħna nbiddlu, il-Gżirjani tnaqqru, pero’ t-tempju baqa’ jisbieħ, għax il-ftit nies li bqajna komplejna naħdmu biex dak li bnew missirijietna ma jintemm qatt.

Joseph Spiteri

President tal-Mount Carmel Band Club

This article is from: