Lil Ħbiebna - Leħen il-Ġiżwiti Maltin | Oct - Dec 2014

Page 1

04

Leħen il-Ġiżwiti Maltin

HBIEBNA Newspaper post

lil

2014

Żgħażagħ jaqsmu l-esperjenzi ta’ voluntarjat barra minn Malta u l-ħidma tal-Ġiżwiti Malta u fid-dinja

1


Il-Qaddis tax-Xahar

Miktub minn Fr Paul Zammit SJ

San Frangisk Saverju

Mis-Sorbonne għal Shangchuan - San Franġisk Saverju (1506-1552) Is-Sorbonne f ’Pariġi, waħda mill-eqdem u l-aqwa universitajiet prestiġjużi fl-Ewropa. Insibu żewġ żgħażagħ u student ieħor li kien qabeż it-30 sena. Wieħed minnhom kien Pietru Fabre, qassis minn Savoja li kien qed jagħmel l-istudji f ’Pariġi, l-ieħor Injazju u l-ieħor Franġisk Saverju, li kien jgħallem u jistudja. Franġisk kien bin kunsillier tar-re ta’ Spanja. Kien ġuvni sabiħ, iħobb jirkeb iż-żiemel, jikkompeti f ’diversi sports. Sa hawn kollox sew. Iżda kien hemm naħa inqas glorjuża skont kif kiteb is-seftur li kellu miegħu lil Omm Franġisku meta qalilha li madwar Franġisku kien hemm ħafna kumpanija ħażina u “ibnek mhu xejn inqas milloħrajn.” Malli rċeviet l-ittra, bħal Santa Monika, bdiet titlob għal binha u ġagħlet lil min jitlob għalih. Min-naħa tiegħu Franġisku kellu f ’moħħu ambizzjonijiet kbar. Ried il-fama u li jilħaq post għoli fis-soċjetà. Jiltaqa’ ma’ Injazju Tifhimha għalhekk li Franġisku xejn ma ħa pjaċir meta kellu jieħu miegħu fil-kamra lil wieħed jismu Injazju. Dan tal-aħħar kien izappap u ikbar minnu fiż-żmien. Però, min-naħa tiegħu, Injazju, li kien hu stess ikkonverta lejn Alla, induna bil-potenzjal li kellu Franġisku. Baqa’ jsus warajh. Sab okkażjoni tajba biex jitħabbeb miegħu, meta lil Franġisku li kien fil-bżonn, sablu studenti għall-privat (marda antika!) Bdiet tikber il-ħbiberija bejniethom u anki ma’ Pietru. U fl-aħħar Injazju rnexxielu jirbaħ lil Franġisku għal Kristu. It-talb tal-Omm u l-oħrajn kien instama’! Iwaqqfu l-Kumpanija ta’ Ġesù Fl-istess żmien bdew jissieħbu ma’ Injazju xi studenti oħra ġejjin minn pajjiżi differenti. Kienu dawn li waqqfu l-Kumpanija ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti. Kienu kollha lawreati u fuq kollox kienu nies li, fi Knisja fejn kien hemm ħafna x’tirranġa, fittxew bis-sinċerità u l-ħerqa kollha dak li Alla

2

jrid. Għalhekk xtaqu li jagħtu lilhom infushom għasservizz tal-Knisja u għall-ġid materjali u spiritwali ta’ ħuthom il-bnedmin. Dawn il-kumpanji għamlu l-voti ta’ faqar, kastità u ubbidjenza. Franġisk kien ordnat saċerdot fl-24 ta’ Ġunju, 1537. Wara is-seba’ kumpanji marru għand il-Papa u poġġew ruħhom għad-dispożizzjoni tiegħu. Bdew jixerdu f ’pajjiżi u f ’oqsma ta’ xogħol skont fejn kienu jħossu l-bżonn jew fejn il-Knisja kienet titlobhom. Franġisku jintbagħat l-Indja Ġara li r-Re Ġwann III tal-Portugal kien imħasseb dwar il-qagħda tal-Insara fit-territorji tiegħu fl-Indja. Għalhekk talab lil Injazju biex jgħinu. Dan sab żewġ Ġiżwiti ħalli jmorru jaħdmu l-Indja. Però wieħed minnhom marad fl-aħħar minuta u Sant’Injazju ssagrifika lil Franġisku, l-ikbar ħabib li kellu, għal din il-missjoni. Franġisku telaq. Vjaġġ mimli perikli li dam tlettax-il xahar. F’dawk iż-żminijiet ħafna ma kenux jaslu fiddestinazzjoni tagħhom minħabba dawn il-perikli. Wasal Goa fejn intefa’ b’ruħu u ġismu jgħallem il-katekiżmu, iżur lill-morda u lill-ħabsin. Minn hemm beda t-triq li ħaditu max-xtut twal tal-Indja, imbagħad fi Sri Lanka, il-Ġappun. F’dawn il-pajjiżi kollha xandar il-Vanġelu u għammed eluf ta’ nies. Xtaq jidħol fil-pajjiż enormi taċĊina, iżda l-mard u l-għejja ġabulu ħajtu fi tmiemha. Miet fit-3 ta’ Diċembru, 1552, fuq il-gżira ta’ Schangchuan, ħarstu mitftugħa lejn iċ-Ċina. Tant ħadem li l-Knisja għamlitu wieħed mill-patruni tal-Missjonijiet. Fis-Sorbonne ħolom bil-fama. Min kellu jgħidlu li għax laqa’ l-istedina tal-Mulej, il-fama tiegħu kellha tkun bil-wisq iktar milli qatt kien jobsor. Illum hu magħruf mad-dinja Kattolika kollha għal ħafna skejjel, parroċċi, u istituzzjonijiet li huma msemmija għal dan il-missjunarju li miet fil-faqar!

Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


Kelma mill-editur

2

Il-Qaddis tax-Xahar San Franġisk Saverju

4

Voluntarjat fis-Sajf mal-Ġiżwiti

6

Storja Lejn ir-Restawrazzjoni

8

Monument Ħaj

.

Għeżież ħbieb u benefatturi, It-terroriżmu li faqqa’ fi żmienna ġab ħafna biża’ fid-dinja. Mhux il-ħsieb li nidħlu f ’dil-kwistjoni, imma t-traġedja li għaddejjin minnha ġġegħelna nagħmlu xi ftit riflessjonijiet. Il-mexxejja politiċi jtennu li l-gwerra mhix biss kontra t-terroristi imma wkoll kontra l-għeruq ewlenin tatterroriżmu. Ikollna nammettu li dawn l-għeruq huma ħafna u varji, mhux biss soċjali, ekonomiċi u politiċi, imma wkoll reliġjużi. Kulħadd jaqbel li l-paċi mhix biss nuqqas ta’ gwerra. Il-konflitt hu parti millħajja tal-bniedem u rridu naċċettawh. Iżda ma rridux nieqfu hemm. Irid ukoll ikollona r-rieda li niffaċjawh u naslu għal soluzzjoni, għax kif qal Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9). It-triq għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi tista’ tkun twila u mimlija b’ostakli u diffikultajiet, imma jibqa’ l-fatt li l-paċi hi possibbli għax il-Mulej rebaħ iddinja u l-konflitti li dejjem ser ikun hemm fiha. Fl-istess ħin, ma ninsewx li r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi trid tibda fina nfusna, fil-ħajja tagħna, dejjem mhedda mit-tifrik u l-qsim. Niftakru wkoll li d-diversità hi sabiħa u rridu naċċettawha għax tgħin ħafna fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni.

Ta’ spiss nisimgħu min jgħid li l-aħjar triq li twassal għall-paċi hi dik taddjalogu anke ma’ persuni ta’ twemmin ieħor. F’kull djalogu u sforz għall-paċi ġenwin hu meħtieġ li dejjem u qabel kollox inżommu f ’moħħna li fil-qalba ta’ kull tilwim jew konflitt hemm il-bniedem, hemm persuni innoċenti li nqabdu fih u qegħdin ibatu. Mill-aħħar seklu ’l hawn żdied ħafna d-djalogu interreliġjuż li kif qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II “huwa mezz ta’ edukazzjoni għall-paċi.” L-għan taddjalogu interreliġjuż hu li dawk li jieħdu sehem fih jaslu biex jifhmu tassew ittwemmin reliġjuż ta’ oħrajn bi twemmin differenti minn tagħhom. B’hekk, barra t-tolleranza, jikber ukoll ir-rispett u l-apprezzament għal dak kollu li hu veru u sabiħ fit-tradizzjonijiet reliġjużi kollha. Il-Papa Franġisku jgħid li d-djalogu mal-membri ta’ reliġjonijiet mhux Insara, minkejja l-ħafna xkiel u diffikultajiet, partikularment il-fundamentaliżmi miżżewġ naħat, hu kundizzjoni meħtieġa biex jista’ jkollna l-paċi fid-dinja u għalhekk hu dmir għall-Insara, kif hu għall-komunitajiet reliġjużi l-oħra. Jalla l-Madonna, ir-Regina tal-Paċi, tgħinna fl-isforzi kollha li nagħmlu biex fid-dinja, fost il-ġnus, u fil-familji tagħna jkollna l-vera paċi li Ġesù biss jista’ jagħtina.

f’din il-harġa

Fr John Scicluna SJ | hbiebna@jesuit.org.mt

10 Il-Kittieb ta’ Ninni Ninni 12 Spiritwalità Injazjana Il-Prinċipju u l-Pedament

14 ’l Hawn u ’l Hemm mal-Ġiżwiti

17 Għajnuna għat-talb 18 Pellegrinaġġ fil-faqar 20 Żarbun jew Qorq? 21 Il-bidla tal-Provinċjal 22 Possibbli dinja bla gwerra?

23 Programm ta’ attivitajiet taċ-Ċentru Spiritwalità Injazjana

24 Issieħeb mat-tim

tagħna għall-maratona!

Rivista ta’ tagħrif u aħbarijiet dwar il-ħajja u l-ħidma tal-Kumpanija ta’ Ġesu f ’Malta u fid-dinja, u l-ispiritwalità Injazjana. Maħruġa erba’ darbiet fis-sena mill-Ġiżwiti Maltin għall-ħbieb u l-benefatturi.

Editur: Fr John Scicluna SJ

Email: hbiebna@jesuit.org.mt

Website: www.jesuit.org.mt

Ħajr: Fr Anthony Micallef SJ, Rosanne Debono, Josette Vassallo, Robert Mamo Disinn: Alison Vella Uffiċju editorjali: ‘Lil Ħbiebna’, 78 Triq il-Markiż Scicluna Naxxar NXR 2067, MALTA Tel: (356) 21 412 606

um

Leħen il-Ġiżwiti Maltin

ru 4 - 2014

lil

HBIEBNA

N

Qoxra: Grupp ta’ voluntiera żgħażagħ Maltin waqt iż-żjara tagħhom ġewwa Napli Ara pġ 4-5

Stampar: Gutenberg Press

Lil Ħbiebna m’għandhiex abbonament, imma nilqgħu bil-qalb l-offerti tagħkom. Tistgħu twasslu l-offerti tagħkom għal Lil Ħbiebna lill-uffiċju tagħna: ‘Lil Ħbiebna’, 78 Triq il-Markiż Scicluna Naxxar NXR 2067, MALTA.

3


Esperjenzi

www.jesuit.org.mt

Voluntarjat fis-sajf

mal-Gizwiti

Kull sena il-Jesuit Youth Network u ċ-Chaplaincy tal-Universitá jorganizzaw esperjenzi ta’ voluntarjat għaż-żgħażagħ f ’pajjizi barra minn Malta. Tliet żgħażagh li għamlu din l-esperjenza jaqsmu magħna x’wettqu u fuq kollox kif din l-esperjenza għenithom jikbru u jissaħħu fil-Fidi tagħhom kif ukoll fl-imħabba tagħhom lejn Alla u l-proxxmu. FL-ETJOPJA - jirrakkonta Nicholas Cassar Il-grupp li tlajna l-Etjopja konna żewġ Ġiżwiti, Fr Michael Bugeja u Br Francis Wambua, u għaxar żgħażagħ (Nicholas, Gabriel, Sara, Yana, Rebecca, Gaby, Christian, Keith, Stephanie u Martina). Tħejjija L-esperjenza tagħna bdiet f ’Malta! Inħlibna nsajru u nbigħu l-figolli, naħslu l-karozzi, niġru wara sponsors, nbigħu l-imbarazz il-Birgu, norganizzaw Treasure Hunt, niddubaw mediċini u apparat tas-saħħa, insajru l-burgers u z-zalzett fil-Palazz tal-President, niġbru donazzjonijiet mill-parroċċi … u min saħansitra ġera maratona biex niġbru l-fondi għall-ifqar fost il-fqar. B’hekk sirna nafu iktar ’il xulxin, u bnejna spiritwalità komunitarja, li saret ċentrali għall-esperjenza tagħna. Ix-xogħol Fit-tliet ġimgħat fl-Etjopja qgħadna f ’Kidane Mehret Children’s Home, orfanatrofju mmexxi misSorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Ix-xogħol tagħna kien dejjem jibda u jispiċca bi ftit mumenti ta’ talb quddiem Ġesù Sagramentat. Ix-xogħol kien varjat. konna nitimgħu u nilgħabu mat-tfal b’diżabbilità, indewwu l-ġrieħi, inqaxxru x-xagħar tal-pazjenti, naqtgħulhom id-dwiefer, ngħallmu fl-iskola t’hemmhekk, ngħinu bit-tqassim tal-ikel u ħafna iktar. Matul il-ġimgħa tnejn minna kienu jibqgħu l-orfanatrofju filgħodu biex jgħallmu t-tfal, waqt li l-oħrajn kienu jmorru l-Home of the Dying.

4

Filgħaxija, konna niċċelebraw quddiesa bħala komunità, nieklu, nitolbu flimkien, imbagħad naqsmu kelmtejn u kafè qabel norqdu. Nhar ta’ Ħadd konna mmorru f ’Angel Children’s Home – ħolma tal-Maltija Monica Tonna-Barthet – li hi suċċess għax toffri ikel, ilma, sigurtà u edukazzjoni għat-tfal tat-triq. Esperjenza ħajja Fl-Etjopja kellna esperjenza profonda ħafna għax Ġesù wriena xi tfisser li tħobb bla ma tistenna xejn lura, speċjalment mit-tfal b’diżabbiltà li kienu magħluqin f ’dinja għalihom. Is-soru qaltilna kemm ħadet gost tara li permezz tagħna ħafna tfal saru iżjed interattivi mad-dinja ta’ madwarhom u ma’ xulxin. Il-faqar, il-mard u t-tbatija li rajna kienu toqol kbir għalina, u l-wens li wrejna ’l xulxin f ’mumenti mudlama kien importanti ħafna. Għexna ħafna diffikultajiet flimkien: il-mard tagħna stess, innuqqas ta’ telekomunikazzjoni mal-familja, jumejn mingħajr ilma, dawl jaqta’ kważi kuljum, it-tisjir tiegħi! Imma għexna ħafna iżjed ferħ, daħk, gratitudni u avventuri. It-talb u l-ispiritwalità li għexna flimkien kienu pedament għall-esperjenza. Il-preżenza ta’ Ġesù f ’kappella żgħira fil-kwartieri tagħna stess kien sors ta’ kuraġġ u ferħ kbir. Meta konna d-dar stajna nżuruh meta u x’ħin ridna. Nixtiequ nirringrazzjaw lil ħafna nies twajba: il-familji u l-ħbieb tagħna li tawna tant kuraġġ u appoġġ speċjalment fil-ġbir ta’ fondi; kull min tana donazzjoni ta’ flus jew ta’ mediċini; Fr Michael li mexxiena b’tant imħabba u reqqa; The Catenian Association għall-għajnuna personali li tawna; u t-tfal, il-pazjenti, is-sorijiet u voluntiera oħra li messewlna ħajjitna b’mod daqshekk profond. Fuq kollox, nirringrazzjaw lil Alla li berikna u ppermetta li din l-esperjenza tqarribna lejh permezz tal-oħrajn, u tqarreb l-oħrajn lejh permezz tagħna. Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


www.jesuit.org.mt

F’NAPLI - jirrakkonta Matthew Cassar (ara r-ritratt tal-qoxra) Tbissima, li donnha dewbet il-ħażin kollu taddinja madwarna, minnufih serqitli qalbi u żġur li serqet il-qalb ta’ ħafna oħrajn. F’dak il-mument għaraft li għalkemm ħejjejt lili nnifsi minn qabel u pprovajt nimmagina l-ħajja ta’ voluntier li kont ser ngħix ma kontx nobsor li se tmissli qalbi b’mod qawwi! Wara xhur ta’ tħejjija u ħdima jien, flimkien ma’ tnax-il persuna oħra sibt ruħi ġewwa l-belt ta’ Napli sabiex noffri xahar minn ħajti għat-tfal fil-bżonn. F’Napli sibt dinja oħra ħafna differenti. Ittfal jgħixu f ’dinja ta’ faqar materjali minghajr il-kumditajiet li jien għandi. Din l-esperjenza għallmitni nkun iktar grat għall-affarijiet sempliċi f ’ħajti. Permezz tal-mod kif għexna l-għaqda u l-imħabba ta’ bejnietna u l-imħabba lejn it-tfal ridna nwasslu l-messaġġ li bħala komunità nistgħu negħlbu kull ostaklu. Matul l-esperjenza erfajna l-uġiegħ ta’ xulxin għax kif qalet Madre Teresa biex is-sagrifiċċju jkun reali jeħtieġ tħoss il-weġgħa li tiżvojtak minn gewwa. Fix-xahar li għext u ħdimt mas-sorijiet ta’ Madre Teresa sibt il-veru paċi. Dawn is-sorijiet huma pilastri ta’ saħħa - bastun sod li lest li jissellef għal kull min ifittxu. Dawn is-sorijiet iċċaħħdu minn ħafna kumditajiet f ’ħajjithom u għalheklk qalbhom hi mimlija mħabba u paċi! Anke fl-iktar mumenti diffiċli u ta’ qtigħ ta’ qalb it-tbissima fuq wiċċhom tibqa’ hemm. Madre Teresa kienet tħobb tgħid: “Ahna kollha lapsijiet f ’idejn Alla”. F’din l-esperjenza jien flimkien mal-group apprezzajt ħafna aktar nkun strument f ’idejn Alla, utli għall-oħrajn f ’kull mod possibbli. F’PALERMO - jirrakkonta Evan Demicoli L-esperjenza li ġħamilt f ’Palermo ma spiċċatx. Għadni ngħix il-frott tagħha sal-lum. Nista’ ngħid li din l-esperjenza kienet mibnija fuq tliet elementi prinċipali.

lejhom, u ma jafux kif jirreagixxu ħlief bil-ġlied u kliem baxx. Għalhekk meta kont ngħinhom u nurihom rispett kienu jibqgħu mistagħġba. Tassew saret u rajt bidla fit-tfal. Ix-xogħol kollu li għamilna magħom ħalla l-frott. Meta konna ser nitilqu bdew jibku u jiġbduna minn idejna biex ma nitilqux. Is-Sisters Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi li ħdimt mas-sisters ta’ Madre Teresa. L-iktar ħaġa li baqgħet ċara f ’moħħi hi t-tbissima tagħhom, li ġejja minn qalb mimlija paċi. Meta kont inħares lejhom kont inħoss ċerta trankwillità. Għandhom fiduċja kbira fil-providenza ta’ Alla li tgħinhom jgħixu ħajja ta’ sempliċità. L-imħabba li joffru hi xi ħaġa li qatt ma rajt qabel. Huma jistmaw kull tifel u tifla daqs li kieku kien Ġesù nnifsu quddiemhom. Kull tifel u tifla kienu jibżgħu minn Sister Lucille soru Eġizzjana, u jobduha mill-ewwel. Hi wriethom xi tfisser id-dixxiplina. Għaliex l-imħabba mhix biss il-logħob u l-ferħ, iżda hi wkoll li tpoġġi fit-triq it-tajba xi ħadd li ma jkunx, anki jekk ikun hemm bżonn li tirrabja u tkun strett. Hi qaltilna li ma tiħux gost tirrabja imma f ’ċerti każi, dik tkun il-ħaġa ġusta li jkollha tagħmel. Komunità Il-grupp li tlajna minn Malta sirna komunità magħquda ħafna. Għalkemm konna differenti sirna grupp sabiħ ħafna, fejn għamilna kollox flimkien u ħadd ma ħassu maqtugħ. Kuljum nies differenti kienu jippreparaw it-talb għall-komunità, imħejji b’ħafna entużjażmu iżda pprezentat b’mod sempliċi li kulħadd seta’ jħossu komdu jitlob u jgħix l-esperjenza spiritwali. Din l-esperjenza ser nibqa’ nġorrha miegħi ħajti kollha, kemm minħabba l-ħafna memorji sbieħ li ksibt, kif ukoll għall-effetti pożittivi li ħalliet fija. Żġur li nerġa nagħmel esperjenzi oħra simili. Irrid li dak li għext u tgħallimt f ’Palermo, issa nkun nista’ ngħixu, nagħmlu u nesperjenzah hawn Malta wkoll, ma’ sħabi u mal-familja.

It-tfal L-ewwel xena li rajt kienet ta’ tfajjel ta’ 16-il sena, ħdejn soru li kienet tkellmu bil-kelma t-tajba u b’ħafna ħlewwa biex jinġabar. Imma hu nfexx f ’litanija ta’ kliem ħażin u mossi ħżiena. Fl-ewwel jiem, kienet naqra diffiċli sakemm bdejt nifhem ilmentalità tat-tfal. Huma twieldu u għexu f ’ambjent ta’ ġlied u neqsin mill-imħabba. Ħadd ma wera rispett Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

5


Storja

Miktub minn Fr John Scicluna, SJ

Monument Haj! Monument ħaj? Kif jista’ jkun? Ġeneralment monument ikun ta’ xi materjal u ma jkunx ħaj. Dan il-monument li għandna f ’moħħna beda jinbena 90 sena ilu u x-xogħol għadu sejjer, dejjem jikber, u jsir aħjar u jisbieħ.

L-istorja ta’ dan il-monument ħaj bdiet minn ċirkustanzi li kienu dejjem f ’moħħ ilMulej. Dan il-monument bdieh Hu u għadu jmexxi l-bini tiegħu. Dawk li bdewh 90 sena ilu, u dawk li komplew ix-xogħol matul issnin, qatt ma ħolmu kemm kien ser ikun kbir u sabiħ dan il-monument ħaj!

Fr Anton DeBono SJ ma’ ftit tfal Santals; Xi wħud mill-Ġiżwiti Maltin pijunieri tal-missjoni tas-Santals; Fr Lawrence Caruana SJ mas-Santals meta kien għadu student; Fr Ġiġi Camilleri SJ idoqq għat-tfal Santals.

6

Fl-1924, il-ġżejjer Maltin kienu parti mill-Provinċja ta’ Sqallija tal-Ġiżwiti. Fittradizzjoni tal-Ġiżwiti kull provinċja jkollha xi missjoni fl-Amerika t’isfel, fl-Afrika jew fl-Asja. Għalhekk il-Ġiżwiti tal-Provinċja ta’ Sqallija xtaqu li jkollhom xi missjoni u talbu lil Patri Ġeneral jassenjalhom waħda. Il-Ġeneral iddeċieda li l-Ġiżwiti mill-Provinċja ta’ Sqallija jmorru jgħinu lil sħabhom Belġjani fil-missjoni fl-Indja. Pijunier Il-Provinċjal ta’ Sqallija talab għall-voluntiera. Ħafna wieġbu għas-sejħa u ntgħażlu l-ewwel tlieta: Fr Anton DeBono (Malti mir-Rabat t’Għawdex), l-istudenti Giuseppe Cordaro (minn Sqallija) u Bernard Bugeja (minn tas-Sliema). Dawn waslu Kalkutta fl-4 ta’ Ottubru, 1924. L-Arċisqof Ferdinand Perier, SJ u s-Superjur tal-Missjoni, Fr W. Veys, SJ laqgħuhom ħafna. Iż-żewġ studenti

ntbagħtu jkomplu l-istudji tagħhom u Fr DeBono ntgħażel biex iwaqqaf Missjoni ġdida fost it-tribù tas-Santals, li hu l-ikbar tribù aboriġenu li jgħodd madwar 8 miljun ruħ. Is-Santals huma animisti, jiġifieri jemmnu fl-ispirti, u l-maġġoranza jinsabu fid-distrett tasSantal Parganas li jġib isimhom u li huma jqisuh bħala pajjiżhom. Iżda minħabba l-faqar ħafna Santals emigraw u llum jinsabu wkoll fi bnadi oħra tal-Indja. Wara li wasal l-Indja, Fr DeBono għadda ftit xhur jitgħallem l-lingwa tas-Santals u jħejji ruħu għal biċċa xogħol kbira u jibda l-bini ta’ monument ħaj. Fid-disrett ta’ Purnea, f ’raħal ’il boghod jismu Majlispur, kien hemm għarix li kien bnieh wieħed missjunarju. Fil-25 ta’ Marzu, 1925, il-Pijunier Fr DeBono, beda jgħix f ’dak l-għarix f ’Majlispur, fost is-Santals. Beda jgħin lin-nies foqra li kienu sfruttati minn dawk li kienu sillfuhom xi flus. Fr DeBono rnexxielu jeħlishom minn dak il-madmad. Beda skola għat-tfal, sejjaħ is-Sorijiet biex jgħinuh, u bena wkoll knisja. Avventura ikbar Bil-wasla ta’ missjunarji oħra minn Malta u Sqallija, il-ħidma tal-evanġelizzazjoni qabdet ritmu tajjeb. L-Arċisqof Mons Perier ħatar lil Fr Benjamin Cauchi biex imur fid-disrett ta’ Santal Parganas, fejn kien hemm xi ftit Insara, u jwassal il-Bxara t-Tajba kullimkien. Hu wasal hemm fis-7 ta’ Jannar, 1930. Il-bidu kien diffiċli, l-iktar biex jakkwista biċċa art ħalli jibni l-missjoni. Fr Cauchi u sħabu ma qatgħux qalbhom. Irnexxielhom jibdew erba’ stazzjonijiet missjunarji li fl-1936 l-Arċisqof waqqafhom bħala l-ewwel erba’ parroċċi fis-Santal Parganas. Minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija l-ħidma missjunarja battiet xi ftit, imma wara l-gwerra bdew jaslu missjunarji ġodda u żgħażagħ millViċi Provinċja ta’ Malta. Bejn l-1924 u l-1974, meta wasal l-Indja l-aħħar Malti, kienu marru 74 Ġiżwita Malti u Għawdxi lejn l-Indja. Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


www.jesuit.org.mt Żvilupp kbir Infetħu parroċċi ġodda u nbnew knejjes, skejjel u kunventi tas-sorijiet. Kien ilu jinħass il-bżonn li xi deċiżjonijiet jittieħdu fil-post tal-missjoni u mhux ’l bogħod f ’Kalkutta. Għalhekk fl-1950 it-territorju talMissjoni beda jitqies bħala Distrett u Fr Ġużeppi Portelli nħatar bħala Superjur Distrettwali. Ftit wara fl-1956, it-territorju fejn kienu jaħdmu l-Maltin sar is-Santal Region u Fr Portelli nħatar l-ewwel Superjur Reġjonali. Fl-1989, b’digriet tal-Patri Ġeneral tal-Ġiżwiti, is-Santal Region sar il-Provinċja ta’ DumkaRaiganj li llum tgħodd iktar minn 180 Ġiżwita. Pass importanti ttieħed fl-1962 meta l-Papa Ġwanni XXIII waqqaf id-djoċesi ta’ Dumka u ħatar l-ewwel Isqof, il-Ġiżwita Indjan, Fr Leo Tigga li kien ordnat hawn Malta. Din id-djoċesi nqasmet fl-1978 meta twaqqfet id-djoċesi ta’ Raiganj. Fl-1998 id-djoċesi ta’ Dumka reġgħet inqasmet u twaqqfet id-djoċesi ta’ Purnea. Hekk fi żmien 90 sena, iż-żerriegħa li żera’ Fr DeBono u li ssaqqiet bid-dmugħ u l-għaraq tal-missjunarji kienet kibret u qiegħda tagħti ħafna frott.

Fr Anthony Scerri SJ ma’ xi studenti fil-Kulleġġ ta’ San Xavier, Sahibganj; Fr Ninu Gatt SJ ma’ numru kbir ta’ tfal meta kien Kappillan f’Nichamari meta żaruhom xi voluntiera Maltin.

Vokazzjonijiet Illum, mid-99 parroċċa li hemm fit-tliet djoċesijiet, il-Ġiżwiti qed imexxu 13-il parroċċa. Fil-missjoni, il-paroċċa tkun tinkludi ħafna rħula mifruxin. Għalhekk il-Fathers jiddependu ħafna fuq l-għajnuna tal-katekisti nisa u rġiel li nhar ta’ Ħadd ilaqqgħu n-nies fir-raħal għat-talb u t-tagħlim Nisrani. Għat-taħriġ tal-katekisti fil parroċċi u tal-lajċi ta’ diversi djoċesijiet fl-1976 twaqqaf iċ-Ċentru Inter-Djoċesan u Kateketiku, f ’Torai. Fl-1947 Fr Portelli waqqaf ir-rivista “Marsaltabon” (Id-dawl tagħna) bis-Santali li għadha sejra s’issa. Hu kiteb u ppubblika ħafna kotba – katekizmu, ktieb tat-talb u l-kant, ħajjiet ta’ qaddisin u oħrajn. Illum għandna s-Santali Book Depot fejn jinbiegħu l-Bibbja, kotba talliturġija u oħrajn. Numru ta’ żgħażagħ Indjani ħassew is-sejħa talMulej biex jimxu warajh. Għalhekk, infetħet skola Appostolika u mbagħad Dar għall-Kandidati. Infetħet ukoll Dar għall-Kandidati li jagħmlu s-Sixth Form qabel imorru l-università u Dar oħra fejn wara l-istudju l-kandidati jgħaddu sena qabel jidħlu n-novizzjat. Fl-1977 il-Ġiżwiti missjunarji Maltin fetħu Novizzjat f ’Dumka bl-isem ta’ “Jisu Jaher”.

jmexxu 8 Kulleġġi, Kulleġġ tas-Sixth Form u Kulleġġ Universitarju. Għal ħafna snin il-missjunarji kellhom xi kuntatt mat-tribù tal-Paharias imma fl-1983 twaqqaf Ċentru Soċjali fost il-Paharias. Matul is-snin twaqqfu 4 Ċentri oħra (1) għallAnimazzjoni u Ħidma Soċjali fost is-Santals, (2) Ċentru Socjo-Pastorali (3) Ċentru għar-Riżorsi Umani, u (4) Ċentru ta’ Kura Alternattiva tasSaħħa fejn nies jitfejqu bit-terapija tal-kalamiti. Ħafna nies imorru għall-kura. Fix-xogħol edukattiv, pastorali u mediku hemm 594 Soru minn 35 Kongregazzjoni li qegħdin jagħtu sehem kbir u importanti. F’żewġ djoċesijiet insibu Monasteru tal-Klarissi. It-territorju tat-tliett djoċesijiet li hemm filMissjoni tal-Ġiżwiti Maltin fl-Indja hu ta’ 39,109 kilometru kwadru, jiġifieri 124 darba d-daqs tal-ġżejjer tagħna (316 kilometru kwadru). Ilpopulazzjoni hi ta’ 21 miljun u l-Insara jgħoddu 263,360. Grazzi ’l Alla u l-benefatturi Fil-bini ta’ dan il-Monument ħaj matul id-90 sena tiegħu, il-ħbieb u l-benefatturi Maltin u Għawdxin għandhom sehem kbir. Bis-sagrifiċċji li għamlu u l-ġenerożità tagħhom għenu ħafna fil-formazzjoni tal-istudenti Ġiżwiti kif ukoll filbini ta’ skejjel u kulleġġi u fl-isponsorships għallistudenti fqar fl-iskejjel u l-hostels. L-għajnuna kbira tagħhom kienet u tibqa’ apprezzata ħafna. Il-ħbieb tagħna, saċerdoti, sorijiet u lajċi li kellhom ix-xorti jżuru l-Missjoni tal-Ġiżwiti fl-Indja għandhom raġun jgħidulna li s-Santal Mission hi l-ikbar opra tal-Provinċja Maltija u ser tibqa’ tassew Monument ħaj!

Opri oħra Twaqqfu wkoll żewġ Ċentri ta’ Spiritwalità fejn isiru diversi korsijiet ta’ formazzoni u rtiri għallħaddiema pastorali u oħrajn. F’kull parroċċa nsibu skola jew kulleġġ u magħha hostels għall-istudenti. Illum il-Ġiżwiti Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

7


Storja

Miktub minn Fr John Scicluna SJ

II-Papa Klement XIV fl-1773 issoppressa l-Kumpanija ta’ Ġesù. Imma parti żgħira tal-istess Kumpanija kienet meħlusa mill-qerda ġenerali u baqgħet teżisti fir-Russja. Kellhom igħaddu wieħed u erbgħin sena qabel reġgħet kienet restawrata fid-dinja kollha.

Il-Kumpanija Restawrata L-aħħar artiklu fis-sensiela dwar is-Soppressjoni u r-Restawrazzjoni tal-Kumpanija ta’ Ġesù It-triq li wasslet għar-Restawrazzjoni kienet ftit twila. L-ewwel pass uffiċjali min-naħa tal-Knisja sar 28 sena wara s-Soppressjoni. Fis-7 ta’ Marzu, 1801, il-Papa Piju VII, fuq talba tal-Imperatur Pawlu I tar-Russja, ħareġ il-Brevi Catholicae Fidei u b’mod uffiċjali għaraf il-Kumpanija fir-Russja u ordna Ii Fr F. Kareu, li kien ntgħażel bħala Vigarju Ġenerali - u s-suċċessuri tiegħu - ikun magħruf bħala l-Ġeneral tal-Kumpanija.

Fr Panizzoni, il-Provinċjal tal-Italja, għax l-Imperatur ma ħalliex lisSuperjur Ġenerali jiġi Ruma, tela’ quddiem ilPapa u ngħata l-Bolla. Wara, ilĠiżwiti anzjani, bil-għajnuna ta’ diversi nies, resqu quddiem il-Papa, li kellu kliem ta’ faraġ għal kull wieħed. Kienet xena tassew kommoventi u li ma tintesiex.

8

Tinfirex barra mir-Russja Meta bdiet tixtered l-aħbar sabiħa li l-Papa Piju VII kien approva u kkonferma l-Kumpanija fir-Russja, ħafna mill-20,000 ex-Ġiżwiti li kien hemm meta l-Kumpanija kinet soppressa, bdew japplikaw biex jerġgħu jingħaqdu magħha. Fl-Isvizzera, il-Belgju, l-Olanda u fil-Ġermanja bdew jitwaqqfu komunitajiet żgħar ta’ Ġiżwiti. Fl-Ingilterra madwar 35 reġgħu ngħaqdu mal-Ġiżwiti u f ’Mejju, 1803, is-Superjur Ġenerali waqqaf il-Provincja Ingliża. Anke fl-Amerika, xi ex-Ġiżwiti Ewropej li kienu emigraw hemm, reġgħu kienu milqugħa fil-Kumpanija, u nġabru f ’Maryland taħt Superjur Ġiżwita. Fi Franza, xi ex-Ġiżwiti u oħrajn waqqfu s-’Soċjetá tal-Qalb ta’ Ġesù’ u żammew il-Kostituzzjonijiet ta’ Sant’Injazju. Fl-1803, is-Superjur Ġenerali Gruber bagħat Ruma lil Fr Gaetano Angiolini, wieħed millAssistenti tiegħu, biex iħejji t-triq ħalli l-Ġiżwiti jerġgħu jidħlu f ’Napli u wara f ’Parma. Fit-30 ta’ Lulju, 1804, il-Papa Piju VII approva t-twaqqif tal-Kumpanija fir-Renju taż-Żewġ Sqallijiet. IlĠiżwiti ngħataw lura l-knisja tal-Gesù f ’Napli. F’Settembru, 1805, il-Ħames Kongregazzjoni Pollakka għażlet lil Fr Tadeusz Brzozowski bħala s-Superjur Ġenerali. Bil-mod il-mod, hu kompla jgħaqqad biċċa biċċa l-korp ta’ dawk li qabel is-Soppressjoni kienu Ġiżwiti. Hu bagħat Ruma lil Fr Luigi Panizzoni bħala d-delegat tiegħu biex

jaħdem ħalli l-Kumpanija tkun restawrata fiddinja kollha. II-Papa priġunier Napuljun ħaseb biex jespandi l-imperu Franċiż u minħabba f ’hekk ikkaġuna wġigħ kbir lill-Papa u l-Knisja. F’Jannar, 1808, it-truppi Franċiżi okkupaw Ruma u wara ftit il-Papa Piju VII ħaduh priġunier f ’Savona u wara f ’Fontaineblau, fi Franza, fejn dam sena u nofs. II-Kardinal Pacca li mar mal-Papa fl-eżilju kiteb li l-Papa spiss kien ikellmu dwar il-Kumpanija u dejjem wera stima u mħabba kbira lejha. Il-Papa wrieh ix-xewqa tiegħu li jirrestawra l-Kumpanija ta’ Ġesù. Fl-1812 Napuljun invada r-Russja imma fl-1813 mar lura f ’pajjiżu wara disfatta kbira u pprova jagħmel paċi mal-Papa. Intant, kontra qalbu, Napuljun ħeles ’il-Papa u bagħtu Ruma. Fi triqtu lejn Ruma, il-Papa waqaf f ’diversi bliet u kullimkien il-poplu laqgħu b’ferħ kbir. Fl-24 ta’ Mejju, 1814, il-Papa Piju VII daħal Ruma u ngħata merħba kbira minn folol kbar fit-toroq tal-belt. Petizzjoni mir-Russja F’Ġunju, 1814, il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Italja kellu udjenza mal-Papa u f ’isem is-Superjur Ġenerali Brzozowski ppreżentalu petizzjoni fejn talab li l-Kumpanija tkun restawrata fl-istat oriġinali tagħha sabiex kulfejn tkun mitluba tkun tista’ tagħti kull għajnuna skont ma jitolbu l-bżonnijiet ta’ ħafna pajjiżi. Fis-17 ta’ Ġunju, 1814, il-Papa wera li kien tassew ħerqan biex jilqa’ t-talba li saritlu. II-Papa qal lill-Kardinal Pacca: “Iva, inwaqqfu mill-ġdid il-Kumpanija ta’ Ġesù fil-festa ta’ Sant’Injazju li ġejja.” Din l-aħbar u d-determinazzjoni tal-Papa ssorprendew lil Pacca l-iktar minħabba li sal-31 ta’ Lulju kien baqa’ biss xahar u nofs biex titħejja Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


www.jesuit.org.mt

Fr Panizzoni, il-Provinċjal tal-Italja, jirċievi l-Bolla mingħand il-Papa Piju VII fit-8 t’Awwissu, 1814, li biha l-Kumpanija ta’ Ġesù kienet restawrata fid-dinja Kattolika kollha

Il-Papa Piju VII

l-Bolla. Fost dawk madwar il-Papa, xi wħud ħasbu li ma kellux ikun hemm dewmien u oħrajn riedu li jimxu b’iktar kawtela. L-għedewwa tal-Kumpanija xerrduha li l-Papa ma kienx ser jirrestawra l-Kumpanija l-qadima imma kien ser japprova Kongregazzjoni ġdida. Il-Papa sema’ b’din il-qlajja u qal “Għall-kuntrarju, hi l-istess Kumpanija li eżistiet għal mitejn sena, għax fil-Bolla mhux ser jissemmew privileġġi, u hemm ħwejjeġ oħra li jkollhom jissemmew minħabba ċ-ċirkostanzi fi Franza u Spanja u l-ħtiġijiet ta’ xi isqfijiet.” It-tħejjija tal-Bolla L-ikbar diffikoltà kienet it-tħejjija taddokument tal-Papa tar-restawrazzjoni. IlPapa ma qabilx li s-slaten tal-Ewropa jkunu kkonsultati dwar dan il-pass. Biex iħejji l-Bolla ntgħażel il-Kardinal Litta li wara ftit ippreżenta lill-Papa dokument b’difiża mill-aqwa tal-Kumpanija. Imma kien fiha xi kliem iebes u mhux diplomatiku li Kardinali ħassew li kien ser iweġġa’ lil xi nies u qraba li kienu għadhom ħajjin. Għalhekk il-Papa warrab l-abbozz li ħejja Litta u ħalla din il-biċċa xogħol f ’idejn Pacca. Dan ħejja l-bolla li wara ntużat biex il-Papa jirrestawra l-Kumpanija. Il-Bolla ma setgħetx titlesta sal-31 ta’ Lulju, il-festa ta’ Sant’Injazju. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tagħha tħalliet għas-7 ta’ Awwissu, l-ottava tal-festa tal-Fundatur tal-Kumpanija ta’ Ġesù. Fil-Bolla li ħejja Pacca ma nsibu l-ebda tibdil jew tnaqqis fil-Kostituzzjonijiet tal-Kumpanija. Fiha la ssemmew u lanqas tneħħew xi privileġġi. Il-Bolla kienet indirizzata lid-dinja kollha biex biha “l-Kumpanija ta’ Ġesù tkun restawrata fid-dinja Kattolika kollha kif kienet qabel”. Fit-3 ta’ Awwissu, il-Kardinali ltaqgħu mal-Papa u approvaw il-Bolla li kienet tibda bil-kliem Sollecitudo omnium ecclesiarum

(Il-preokkupazzjoni li għandna għallKnejjes kollha). Għalhekk fl-ewwel paragrafu tal-Bolla jidher ċar il-ħsieb tal-Papa: l-ufficcju pastorali tiegħu jġegħluh juża l-mezzi li Alla tah biex jaqdi l-bżonnijiet spiritwali tal-Insara fid-dinja. Jum ta’ ferħ kbir Is-7 ta’ Awwissu, 1814, ħabat il-Ħadd. Minn filgħodu kmieni mijiet ta’ Rumani bdew mexjin lejn il-knisja tal-Ġesù li dakinhar kienet imżejna mill-isbaħ . Fit-8 wasal il-Papa Piju VII u kien milqugħ b’entużjażmu u applaws mill-folla kbira u minn 18-il Kardinal. Fil-knisja kien hemm ukoll Prinċpijiet u nobbli Rumani. Wara li l-Papa qaddes fil-kappella ta’ Sant’Injazju, kulħadd mar fil-kappella tasSodalità. Bilqiegħda wara l-Kardinali kien hemm fillieri b’xi 200 ex-Ġiżwita li kienu għadhom ħajjin - kollha venerabbli fl-età, il-merti u n-niket. Il-ftit żgħar kellhom iktar minn 60 sena u l-ixjeħ kienu ta’ fuq id-90 sena. Wara li l-Papa poġġa bilqiegħda inqrat il-Bolla. F’għajnejn il-Ġiżwiti kien hemm dmugħ ta’ ferħ. Imbagħad, Fr Panizzoni, il-Provinċjal tal-Italja, għax l-Imperatur ma ħalliex lisSuperjur Ġenerali jiġi Ruma, tela’ quddiem il-Papa u ngħata l-Bolla. Wara, il-Ġiżwiti anzjani, bil-għajnuna ta’ diversi nies, resqu quddiem il-Papa, li kellu kliem ta’ faraġ għal kull wieħed. Kienet xena tassew kommoventi u li ma tintesiex. Bidu mġedded Meta spiċċat din il-funzjoni l-Papa telaq. Il-Markiż Ercolani, f ’isem il-Gvern, għadda f ’idejn il-Ġiżwiti r-Residenza tal-Ġesù għall-Fathers professi u dik ta’ San Andrea in Quirinale għan- novizzi. Il-ferħ kbir li kien hemm f ’Ruma dakinhar kellu eku madwar id-dinja Kattolika. Jumejn wara l-promulgazzjoni tal-Bolla, il-Papa rċieva ittra mingħand Ferdinandu VII ta’ Spanja, li ma kien jaf xejn b’dak li kien ser jagħmel il-Papa, li biha talbu jirrestawra l-Kumpanija. Waslu wkoll talbiet mir-re ta’ Sardinja u d-duka ta’ Modena. Dawn l-ittri serrħu ras kulħadd li ma kienx ser ikun hemm reazzjonijiet għaliex il-Papa ma kienx ikkonsultahom. L-istorja tal-Kumpanija ta’ Ġesù kompliet u matul il-200 sena li għaddew issuktat twettaq l-għan li għalih Alla kien waqqafha permezz ta’ Sant’Injazju.

9


Storja

Miktub minn Salv. Mallia

Il-kittieb ta’ Ninni Ninni “Ninni, la tibkix iżjed, Ninni, Ġesù Bambin”, inkantaw ferħana fil-jiem tal-Milied. Din l-għanja timliena bi ħlewwa ta’ qalb. Imma kemm jafu min kitibha u x’għamel f ’ħajtu?

Fr Indri Schembri, SJ, il-kompositur tal-għanja ħelwa tal-Milied ‘Ninni, Ninni’

Fl-1837, meta l-imxija tal-kolera ġriet ma’ Malta kollha, l-Isqof Mons. Saver Caruana bagħat lil Dun Indrì Schembri (li kien ordna qassis snin qabel) biex jagħti l-għajnuna spiritwali lill-morda f ’Ħal Luqa u l-irħula ta’ madwar. Hawnhekk kien l-uniku qassis. Kont tarah bi tbissima fuq fommu jassisti mal-morda lejl u nhar, joħdilhom il-Vjatku, jagħmlilhom il-Griżma tal-Morda, iħejjihom għal mewta tajba. Mimli bl-imħabba ta’ Kristu kien dejjem sejjer, bla mistrieħ, jieħu ħsieb in-nagħġiet li r-Ragħaj Divin kien fdalu, mid-9 ta’ Ġunju sat-22 t’Ottubru, il-jum li fih, flimkien ma’ dawk li kienu għadhom ħajjin, kanta t-Te Deum fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Luqa, raħal twelidu, bħala radd il-ħajr ’l Alla talli l-imxija kienet spiċċat. Jidħol Ġiżwita Dun Indrì twieled fis-6 ta’ Settembru 1805; tawh l-isem tal-qaddis patrun tar-raħal. Żagħżugħ, daħal fisSeminarju tal-Imdina, minn fejn ordna qassis. Għadda xi snin jgħallem fis-Seminarju. Fl-1839 il-

10

missjunarju Ġiżwita Pollakk, Fr Sebastian Ryllo, għadda tliet ġimgħat Malta fi triqtu lejn Ruma mis-Sirja. Il-prietki ta’ Fr Ryllo xegħlu l-qlub ta’ ħafna żgħażagħ, u Dun Andrea kien wieħed minn tal-ewwel li ħass il-ġibda li jingħata hu wkoll għal Alla bħala Ġiżwita. Bil-permess tal-Isqof mar Ruma, fejn daħal novizz fid-dar Sant’Andrea al Quirinale fil-21 ta’Awwissu. Wara s-sentejn novizzjat u xi snin oħra ta’ formazzjoni dar ħafna bliet madwar Ruma jippriedka. Għadda xi snin Ferentino, ’l isfel minn Ruma. Predikatur Fl-1847 intbagħat Malta biex jaħdem fil-Kulleġġ li l-Ġiżwiti Ingliżi fetħu fl-Imdina u minn fejn ġarrew għall-Belt seba’ snin wara. Kien magħruf sewwa bħala predikatur u bħala direttur tal-irtiri fid-dar li l-Ġiżwiti kellhom Santa Venera. Fuq stedina ta’ Mons. Pavy, Isqof fl-Alġerija, fl-1849 insibuh qrib Setif, fejn għadda sitt xhur fost l-Għarab indiġeni, fl-akkampamenti tagħhom. Kien jgħix bħalhom, skont l-użanzi u t-tradizzjonijiet tagħhom, jiekol u jilbes bħalhom. Dan kien il-metodu li Fr Jordain, il-Provinċjal ta’ Lyons, Franza, xtaqu juża, fuq l-eżempju ta’ Fr De Nobili fl-Indja. Fr Schembri kiteb ukoll rapport għall-isqof fejn ħeġġeġ biex jitkompla dan l-appostolat. Kienu l-awtoritajiet Franċiżi fl-Alġerija li ġegħluh jerġa’ lura fl-Alġier, għax ma ridux li jsir appostolat fost l-Għarab. Imbagħad Fr Indrì reġa’ lura Malta. Għamel l-Aħħar Voti fil-Festa tal-Kandlora 1853. Tilwima Fil-bidu tal-1858, meta Fr Indrì kien għadu l-Kulleġġ ta’ San Pawl, il-Belt, qamet tilwima bejn il-Ġiżwiti u l-Isqof Pace Forno, għax l-Isqof ried Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


www.jesuit.org.mt

li qassis djoċesan jgħin fil-ministeru li l-Ġiżwiti (kif kienu ilhom jagħmlu) kienu jagħtu lis-suldati Ingliżi u għax iddejjaq bil-ħidma ta’ Fr Feliċ Sapetti, Father Ġiżwita li kien mogħti għallpredikazzjoni u rtiri u li kellu l-kura spiritwali fl-iskola tassorijiet tas-St Joseph, il-Belt. Il-Gvernatur, Sir William Reid, keċċa lil Fr Sapetti minn Malta bliskuża li dan kien attakka lill-Isqof, imma fis-sewwa għax deherlu li Fr Sapetti kellu wisq influwenza fil-pajjiż. U l -Isqof, bla ma ta raġuni, lil Fr Schembri u lill-Ġiżwiti l-oħra neħħielhom il-permess li jippritkaw fid-dar tal-irtiri f ’Santa Venera. F’Awwissu ta’ dik is-sena l-Ġiżwiti Ingliżi, fuq ordni tas-Superjur Ġenerali, għalqu l-kulleġġ u telqu minn Malta. Fr Schembri mar lura Ruma, fejn ħadem għal xi snin. Fl-1860 intbagħat l-Alġier biex jieħu ħsieb il-Maltin ta’ dawk l-inħawi. Ħidma kbira f’Alġier Il-Maltin tal-Alġier inġibdu lejh għax rawh reliġjuż mill-aħjar, bieżel u għaqli, mimli mħabba ta’Alla u tal-proxxmu, dejjem lest biex jgħinhom f ’kollox. U huma ħabbewh bħal ħuhom u ma ħallewh nieqes minn xejn. Kemm kien maħbub juruh dawn iż-żewġ ġrajjiet. X’għamel il-kappillan tal-parroċċa ta’ La Calle meta kellu bżonn ta’ pissidi ġdid għall-knisja tiegħu? Talab li jmur Fr Schembri jipprietka l-Eżerċizzi lill-Maltin t’hemm. Meta Fr Indri spiċċa mill-prietki l-kappillan talbu li jħallih jeħodlu ritratt. Għamel ħafna kopji ta’ dan irritratt u beda jbigħhom tletin frank-il weħed. U bil-flus li daħħal il-kappillan sata’ jixtri l-pissidi. Darb’oħra, il-kappillan ta’ Bona talab lisSuperjur tal-Ġiżwiti fl-Alġier jibgħatlu lil Fr Schembri jipprietka lill-parruċċani tiegħu. Billi saħħet Fr Schembri kienet ħażina, is-Superjur irrifjuta. Il-kappillan raġa’ kitiblu li ma kienx hemm għalfejn Fr Schembri jipprietka, kien biżżejjed li l-Maltin jarawh. L-eżempju tiegħu kien prietka biżżejjed. Kittieb u Mużiċista Barra mill-predikazzjoni, Fr Schembri taha wkoll għall-kitba. Fi żmien meta l-Malti kien jitqies bħala bla ebda valur anzi kien mistmerr, Fr Schembri induna bil-ħtieġa li m’hemmx aħjar minn ilsien pajjiżek biex titlob u tersaq lejn il-Mulej, Għalhekk fl-1864 ħareġ “Ġemgħa ta’ Kliem Imqaddes li jingħad mill-Maltin talLil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

Alġier” – ġabra ta’ innijiet u talb imqabbel li kiteb biex il-Maltin, li kienu marru jfittxu xortihom f ’dik l-art, ikantawhom fil-knejjes tagħhom. Fr Schembri kiteb ukoll il-mużika. Dawn l-innijiet ma fihomx wisq tirqim u ħsibijiet għolja imma huma mimlija b’ħeġġa ħierġa minn qalb imfawra bl-imħabba għal Alla u l-Madonna, imma anki hawn kif jgħidilna Ġużè Cassar Pullicino, insibu kultant xi ħaġa li tagħżlu mill-qassisin l-oħra li dik il-ħabta kitbu bil-Malti: kien jispira ruħu mill-ħajja u n-natura u jdaħħal tixbihat minnhom biex l-argument reliġjuż ma jkunx wieħed dejjaq. Għalkemm dawn l-innijiet ma għandhomx siwi letterarju għoli, “kellu sengħa biex jikteb versi ħfief u ħelwin, ta’ armonija, li tibqa’ ddoqq u tidwi fil-widna u l-għana tiegħu fiha kisra li ġġib il-hena u tħannen lil min jismagħha”, jgħid fuq il-poeżija tiegħu l-professur Ġuże Galea. Il-Maltin ħabbewh Meta darba Fr Schembri marad serjament, il-Maltin tathom rashom bil-għali u ma hedewx jieħdu ħsiebu lejl u nhar u jħejju d-duwa li kien jordna t-tabib u jitolbu għalih, sakemm rawh millġdid fuq riġlejh u jaqdi dmirijietu ta’ qassis. F’Settembru tal-1872, meta reġa’ lura minn Blidah wara ħafna jiem ta’ predikazzjoni, Fr Schembri reġa’ marad u saħħtu bdiet sejra lura. Fis-26 tax-xahar qam filgħodu kmieni biex iqaddes bħas-soltu imma ma felaħx, qalbu kienet debboli ħafna. Sejħu t-tabib; dan ra li Fr Schembri ma kienx aktar għal did-dinja. Meta Fr Indrì ra lill-qassis dieħel f ’kamartu b’Ġesù Sagramentat, niżel għarkopptejh u bid-dmugħ f ’għajnejh beda jlissen talb l-aktar imħeġġeġ, hekk li bekka lil kull min kien ħdejh. Wara li ħa l-Vjatku u l-Griżma tal-Morda, talab li jerġgħu jqegħduh fuq is-sodda, u ħalla dan il-wied tad-dmugħ biex jiltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt, li tiegħu kien qaddej hekk fidil. Il-katavru tiegħu ħallewh jumejn għall-qima tal-fidili mbagħad, imsieħeb minn folla kbira u l-Fratellanzi tal-Kurċifiss u tas-Sagrament, (dawn it-tnejn imwaqqfa minnu), ta’ San Ġużepp u l-Assunta u dik tal-Mewta Tajba, ittieħed għaċċimiterju ta’ Ben-a-Knoun. Il-Maltin xtaqu jagħmlulu monument sabiħ imma s-superjuri tal-Ġiżwiti ma qablux għax mhix drawwa tal-Kumpanija. Għalhekk fuq qabru qiegħdu salib sempliċi u lapida tal-irħam b’iskrizzjoni bil-Latin li tgħid: ‘D.O.M. B’tifkira għal dejjem ta’ Patri Andrea Schembri tal-Kumpanija ta’ Ġesu li miet fis-26 ta’ Settembru 1872 fl-età ta’ 67 sena li ħela saħħtu fl-għajnuna spiritwali lill-Maltin dawn imġiegħla mill-imħabba u l-gratitudni qiegħdu din il-lapida.’

11


Storja Ritratt: “Lijiang 2003” ta’ Rowena Low - Own work. Licensed under Creative Commons Attribution 3.0 via Wikimedia Commons - http://commons.wikimedia.org/wiki/File:Lijiang_2003.jpg#mediaviewer/File:Lijiang_2003.jpg

Miktub minn Fr Reno Grech SJ matul ħajtu 1943 - 2013

Spiritwalità Injazjana

Sa mill-bidu, il-Prinċipju u Pedament jimpenja l-irtirant fuq il-ħtieġa ta’ ċerti dispożizzjonijiet li għandu jkollu jew għalinqas jixtieq li jkollu qabel jibda din il-mixja. Hemm paralleliżmu bejn ilPrinċipju u Pedament u l-Annotazzjoni numru 5 li tħeġġeġ ’l-irtirant jidħol għall-irtir, “b’qalb kbira u bil-ġenerożitá lejn Alla Ħallieq u Sid tiegħu ...”. Il-Prinċipju u Pedament iservi wkoll ta’ stħarriġ preparatorju fejn l-irtirant jeżamina lilu nnifssu, speċjalment mill-aspett ta’ xewqat, affezzjonijiet u ġibdiet. Hu jrid isaqsi lilu nnifsu jekk hux dispost fil-bidu ta’ din il-mixja, li jiffoka l-ħajja tiegħu fuq Alla biss, li juża l-ħlejjaq b’mod rett, immexxi millindifferenza Injazjana u mill-“magis” (l-ikbar). Il-Prinċipju u Pedament

IL-PRINĊIPJU U L-PEDAMENT Fil-ktieb tal-Eżerċizzi Spiritwali, qabel l-Ewwel Ġimgħa, Sant’Injazju jippreżenta konsiderazzjoni lill-irtirant biex jirrifletti fuqha. Din hi msejħa “Prinċipju u Pedament” u sservi ta’ introduzzjoni u sies għallmixja tal-Eżerċizzi Spiritwali li l-irtirant jagħmel matul l-irtir. 12

Il-Principju u Pedament hu konsiderazzjoni ta’ x’inhu l-għan aħħari tal-bniedem u kif wieħed jista’ jilħaq dan il-għan. Din il-konsiderazzjoni ma tiffurmax parti mill-Eżerċizzi Spiritwali fis-sens strett. Il-kontenut jew is-sustanza tal-Prinċipju hu diġá fiż-żmien li Sant’Injazju qatta’ f ’Manresa meta kellu esperjenzi spiritwali u mistiċi. Hemmhekk hu għaraf kif il-ħolqien kollu ġej minn Alla u għandu jerġa’ jmur. Alla hu l-għan tal-bniedem magħmul fis-sura u x-xbieha tiegħu. Il-formulazzji u l-espressjoni letterarja tal-Prinċipju u Pedament ġiet żviluppata matul il-perijodu ta’ studji f ’Pariġi. X‘aktarx li fil-formulazzjoni tal-Prinċipju u Pedament Sant’Injazju kien influwenzat minn xi kitbiet ta’ persuni magħrufa bħal Erażmu, Pietru Lombard u Klement ta’ Alessandria. It-Titolu “Prinċipju u Pedament” Din il-konsiderazzjoni tissejjaħ “Prinċipju” mhux biss għax tinsab fil-bidu tal-Eżerċizzi Spiritwali imma wkoll u fuq kollox għax l-għajn minn fejn, sa ċertu punt, ħareġ il-kontenut talEżerċizzi Spiritwali. Min-naħa l-oħra l-kelma “Pedament” tfisser li hu s-sies li fuqu huma mibnija l-Eżerċizzi Spiritwali. Għalkemm il-Prinċipju u Pedament insibuh fil-bidu, l-impatt tiegħu jinħass fl-Eżerċizzi Spiritwali kollha. It-test u l-interpretazzjoni tiegħu Skont Fr Polanco, is-segretarju ta’ Sant’Injazju, dan it-test hu maqsum f ’żewġ prinċipji u żewġ Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


konsiderazzjonijiet. L-ewwel prinċipju jiddefinixxi l-għan tal-bniedem f ’din id-dinja. It-tieni prinċipju jfisser l-għan tal-ħlejjaq l-oħra kollha. L-ewwel konsegwenza għandha x’taqsam mal-użu tajjeb tal-ħlejjaq u t-tieni waħda tafferma l-libertá interjuri (l-indifferenza Injazjana) dwar l-użu tal-ħlejjaq. Il-Prinċipju u Pedament nistgħu nikkunsidrawh bħala argument filosofiku. Iżda din ma kenitx l-intenzjoni ta’ Sant’Injazju. Hu pproponieh mill-perspettiva tal-fidi fil-mixja lejn il-perfezzjoni Nisranija. It-taqsimiet tal-Prinċipju u Pedament Il-Prinċipju u Pedament nistgħu naqsmuh f ’erba’ partijiet: a. Ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla L-għan tal-bniedem fuq din l-art hu li jfaħħar, iqim u jaqdi lil Alla Ħallieq tiegħu. Permezz ta’ hekk hu jilħaq l-għan aħħari tiegħu – li jsalva. Dan hu s-sies li fuqu l-bniedem għandu jibni ħajtu. It-talba ta’ tħejjija li l-irtirant jagħmel qabel kull meditazzjoni tkompli tibni fuq ilPrinċipju u Pedament. Li tfaħħar ifisser li titkellem sewwa fuq ħaddieħor u b’hekk tagħmillu l-ġid. It-tifħir hu atteġġjament reliġjuż fundamentali. Il-Ħallieq stess, kif insibu fil-ktieb tal-Ġenesi Kap 1 ra li kulma ħalaq kien tajjeb u bierku. Il-bniedem għandu jfaħħar lil Alla f ’kull ċirkustanza u sitwazzjoni ta’ ħajtu, mhux biss meta l-affarijiet ikunu jidhru sejrin tajjeb. Alla jaf joħroġ ilġid ukoll minn ċirkustanzi li jidhru u jinħassu negattivi. Fi kliem San Pawl “Ma’ dawk li jħobbuh Alla jaħdem kollox għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). Il-qima lejn Alla turi ruħha fir-rispett. Li tirrispetta jiġifieri tħalli l-ispazju meħtieġ għallibertá ta’ ħaddieħor kif inhu, bil-karattru tiegħu. Lil Alla nirrispettah meta nġib ruħi miegħu ta’ dak li hu, jiġifieri nħallih ikun Alla għalija. Lil Alla nqimu meta nkun konxju tal-kobor tiegħu u nirrealizza kif hu jħaddanni f ’dak il-kobor. Ix-xogħol tal-bniedem f ’din id-dinja hu li jagħmel ir-rieda ta’ Alla – li jaqdih. Iktar ma l-bniedem jagħmel ir-rieda ta’ Alla, iktar isib lilu nnifsu bħala x-xbieha ta’ Alla. Il-bniedem jaqdi lil Alla billi jaqsam imħabbtu miegħu u malħlejjaq l-oħra. b. Ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ħlejjaq l-oħra kollha L-għan tal-ħlejjaq hu li jgħinu l-bniedem jilħaq l-għan tiegħu. Il-bniedem għandu bżonn tal-ħlejjaq, iżda għandu jużahom bħala mezz, u mhux bħala għan fihom infushom. Hu għandu jużahom bħala mezz daqs kemm (bil-Latin: Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

tantum quantum) jistgħu jgħinuh jilħaq l-għan tiegħu. “Kollox jiswa, imma mhux kollox jaqbel; kollox jiswa imma mhux kollox jibni” (1 Kor 10:23). ċ. L-indifferenza Injazjana F’dan il-kuntest, “indifferenza” ma tfissirx passivitá jew attitudni “ma nagħtix kas”, imma hi għażla li tagħmilna aktar disposti għall-qadi ta’ Alla. Min-naħa l-oħra l-indiffernza lanqas mhi forma ta’ stojiċiżmu jew voluntariżmu bħallikieku nista’ nsir indifferenti bil-qawwa tar-rieda tiegħi biss. Din l-indiffernza hi att tar-rieda megħjuna mill-grazzja ta’ Alla. L-indiferenza tagħmilna iktar ħielsa interenament biex nagħżlu dawk ilħlejjaq li jgħinuna nilħqu l-għan aħħari tagħna u niċċaħħdu minn dak li jfixkilna. d. Infittxu u nagħżlu dak li l-aktar (bilLatin “magis) ... Fl-aħħar parti tal-Prinċipju u Pedament Sant’Injazju jrid iwassalna għal ġenerożitá kompleta. Il-bniedem għandu f ’kollox jixtieq u jagħżel biss dak li l-aktar imexxih lejn l-għan li għalih kien maħluq. Dan il-“magis” hi waħda mill-karatteristiċi tal-ispiritwalitá Injazjana. Permezz ta’ din l-attitudni l-bniedem iwarab minn ħajtu kull medjokritá fil-qadi ta’ Alla. Anzi jibnqa’ jfittex possibbiltajiet oħra biex jara kif jista’ jaqdi lil Alla aħjar. Il-post ta’ Ġesú Kristu fil-Prinċipju u Pedament Fl-ebda parti tal-Prinċipju u Pedament ma jissemma Sidna Ġesú Kristu espliċitament. Imma fl-ewwel parti nsibu li “l-bniedem hu maħluq biex ifaħħar, iqim u jaqdi lil Alla Sidna”, Naturalment, “Alla Sidna” tirreferi għal Alla Trinitarju, imma skont diversi awturi bħala Fr M. Fiorito, Fr J. Lewis u Fr G. Cusson, il-frażi “Alla Sidna” tirreferi ukoll impliċitament għal Ġesú Sidna li qam mill-mewt. Lil min għandu jingħata l-Prinċipju u Pedament? Il-Prinċipju u Pedament għandu jingħata kemm lil dawk li jagħmlu l-esperjenza sħiħa tal-Eżerċizzi Spiritwali fil-ħajja ta’ kuljum (Annot. 19) kif ukoll lil dawk li jagħmulha fi 30 ġurnata wara xulxin (Annot. 20). Jista’ jingħata ukoll lil dawk li jagħmlu rtir ta’ ġimgħa kull sena. F’ċerti ċirkustanzi li jiddependu fuq illivell ta’ edukazzjoni, maturitá u dispożizzjoni tal-persuna, jista’ jingħata rtir fuq il-Prinċipju u Pedament biss. Dan jista’ jservi ta’ gwida biex fid-direzzjoni spiritwali d-direttur ikun jista’ jgħin lill-irtirant japprofondixxi l-ħajja spiritwali tiegħu.

13

Spiritwalità

www.jesuit.org.mt


’l Hawn u ’l He Ritratt: www.sjweb.info/photo-repository

Il-Papa jżur il-Kurja Fil-festa ta’ Sant’Injazju, ftit qabel nofsinhar, il-Papa Franġisku ċempel lill-Patri Ġeneral tal-Ġiżwiti u qallu li xtaq jingħaqad ma’ ħutu l-Ġiżwiti għall-ikel. Wara ftit il-Papa wasal f ’karozza żgħira. Kienet laqgħa sempliċi u privata. Wara l-ikel il-Papa ltaqa’ mal-membri kollha tal-komunità. Qabel il-Ġiżwiti saru jafu li kien ġej il-Papa, kienu stiednu lill-membri tal-familja tal-Ġiżwita Taljan, Fr Paolo Dall’Oglio li iktar minn sena ilu kien inħataf fis-Sirja u għad m’hemmx aħbar tiegħu. Meta kellimhom il-Papa wera t-tħassib u s-simpatija tiegħu lejn ħutu.

Dekan fl-Università Gregorjana Il-Ġiżwita Malti, Fr Louis Caruana, li ilu sbatax-il sena jgħallem il-Filosofija l-ewwel fl-Università Gregorjana, Ruma, u wara għal xi snin fl-Università ta’ Londra, issa reġa’ qiegħed jgħallem fil-Gregorjana u jgħin ukoll flOsservatorju tal-

Vatikan. Fr Louis għadu kif inħatar idDekan tal-Fakultà tal-Filosofija filGregorjana. Nifirħulu. Ta’ min isemmi li fl-istess Università hemm ukoll Fr René M. Micallef li s-sena l-oħra kiseb id-Dottorat fit-Teoloġija Morali u issa qiegħed jgħallem dan is-suġġett. Fl-Istitut Pontifiċju Orjentali, hemm Fr Edward Farrugia li ilu 32 sena jgħallem it-Teoloġija Dommatika. Hu editur ta’ Rivista u awtur ta’ ħafna kotba u artikoli. F’Ruma wkoll, għalkemm mhux f ’xi Università, hemm Fr Cecil Azzopardi fil-Kulleġġ Internazzjonali tal-Ġesù fejn hu d-Direttur Spiritwali tal-istudenti Ġiżwiti minn 24 Provinċja.

14

Żewġ Novizzi ġodda Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Ottubru, Anthony Agius u Arnold Mugliett telqu minn Malta u marru Genoa biex jibdew is-sentejn novizzjat u jissieħbu fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Anthony Agius (jidher hawn fuq ix-xellug) hu minn Ħal Qormi u għandu 35 sena. Wara l-istudji sekondarji u s-Sixth Form daħal l-Università ta’ Malta u kiseb il-B.A. (Hons) fit-Teoloġija u wara l-Masters fl-akkumpanjament Spiritwali u PGCE fit-Tagħlim Reliġjuż. Għal sena ħadem ma’ kumpanija u wara għal 14-il sena ħadem fl-Università ta’ Malta. Hu kien

soċju fis-Soċjetà tal-Mużew u kien superjur f ’wieħed milloqsma. In-novizz il-ġdid l-ieħor Arnold Mugliett għandu 23 sena u trabba f ’Raħal il-Ġdid. Studja fl-Iskola ta’ St Michael’s f ’Santa Venera. F’Ottubru, 2010 daħal il-Junior College, l-Imsida. Imbagħad daħal lUniversità ta’ Malta u ggradwa B.A. (Hons) fil-Filosofija. Matul is-sena li għaddiet Arnold ħadem bħala Assistent Pastorali fiċ-Chaplaincy tal-Università. Bil-qalb nilqgħuhom u nagħtuhom merħba u nitolbu għalihom hekk kif bdew mixjin wara l-Mulej fuq il-passi ta’ Sant’Injazju.

Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


emm Direttur tat-Terz’Anno Fil-bidu tas-sentejn novizzjat mal-Ġiżwiti, iż-żagħżugħ li jidħol novizz, jagħmel l-Eżerċizzi Spiritwali għal xahar sħiħ flimkien ma’ sħabu. Sant’Injazju ried li barra s-sentejn novizzjat fil-bidu tal-ħajja reliġjuża, wara snin ta’ studju u l-ordinazzjoni, is-saċerdot żagħżugħ jagħmel sena oħra novizzjat li nsejħulha t-Terz’Anno. Matul dik is-sena s-saċerdoti żgħażagħ jerġgħu jagħmlu x-xahar irtir u jistudjaw

mal-Ġiżwiti

iktar l-ispiritwalitá Injazjana taħt iddirezzjoni ta’ Direttur. Il-Patri Ġeneral ħatar lil Fr Paul Pace biex minn Ottubru 2015 ikun id-Direttur tat-Terz’Anno li jsir f ’Dublin, l-Irlanda. Nawgurawlu. Flimkien ma’ 26 Direttur oħra hu ħa sehem f ’laqgħa f ’Ruma. Huma kellhom ix-xorti li fis-7 ta’ Awwissu, li kien il-200 anniversarju tar-Restawrazzjoni tal-Kumpanija ta’ Ġesù, jieħu sehem f ’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr mal-Papa Franġisku filkappella ta’ Casa Santa Marta.

Fr Paul Pace SJ jidher fuq wara, in-naħa tax-xellug

Il-ġisem ta’ San Franġisk Saverju

Ġiżwiti maħtufin fisSirja u fl-Afganistan Il-Ġiżwita Taljan, Fr Paolo Dall’Oglio (jidher hawn fuq ixxellug), ta’ 58 sena kien ilu jaħdem fis-Sirja għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi għal iktar minn 30 sena. Hu kien irrestawra monasteru 80 kilometru ’l fuq minn Damasku u għamlu ċentru ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet. Fid-29 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, waqt li kien miexi fit-triq tal-belt ta’ Raqqa, inħataf minn grupp ta’ islamisti militanti b’rabtiet malAl Qejda u għadu nieqes s’issa. Xi rapporti mhux ikkonfermati jgħidu li għadu ħaj. Minn Marzu, 2011, iktar minn 110,000 persuna Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

nqatlu fil-konflitt li hemm fis-Sirja u miljuni ħarbu minn darhom u marru rifuġjati. Kien fl-1582 meta l-Imperatur Akbar mill-Indja mar l-Afganistan u ħa miegħu wieħed Ġiżwita. Imma ma damx hemm. 420 sena wara, delegazzjoni ta’ erba’ Ġiżwiti marru Kabul, il-belt kaptali tal-pajjiż, ħalli jaraw jistgħux jibdew xi skola filpajjiż imfarrak mill-ġwerra. Bdew il-ħidma tagħhom madwar il-belt ta’ Herat. Imbagħad fl-2008 is-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Rifuġjati (JRS) beda jaħdem fl-Afghanistan man-nies li ġew lura mill-eżilju flIran u l-Pakistan. Id-direttur tal-JRS, il-Ġiżwita Indjan Fr Alexis Prem Kumar, kien maħtuf meta qed iżur l-iskola tar-Rifuġjati.

San Franġisk Saverju, l-ewwel missjunarju Ġiżwita, miet fit-3 ta’ Diċembru, 1552. Biex ġismu jintemm malajr tefgħu l-ġir fuqu, imma xhur wara sabuh mhux imħassar u ħaduh Goa, fl-Indja. Kull għaxar snin dan ilġisem jiġi espost. Hekk ser jiġri bejn it-22 ta’ Novembru, din is-sena u l-4 ta’ Jannar, 2015. Id-driegħ tiegħu tallemin li bih San Franġisk għammed l-eluf, fis-sena 1616, ittieħed Ruma, fejn huwa meqjum fil-knisja tal-Ġesù. Din ir-Relikwa kienet inġabet Malta f ’Mejju, 1924.

Ħatra mill-Papa

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Ġiżwita Amerikan, Fr Robert J. Geisinger SJ bħala l-Promotur tal-Ġustizzja filKongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan. Kumbinazzjoni dan kien ix-xogħol li wettaq Mons Charles Scicluna meta kien Ruma u okkupa din il-kariga. Matul dawn l-aħħar snin Fr Geisinger serva bħala l-Prokuratur Ġenerali fil-Kurja tal-Ġiżwiti f ’Ruma. Ix-xogħol tiegħu kien dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Ligi Kanonika u l-Ligi tal-Kumpanija ta’ Ġesù.

15


’l Hawn u ’l Hemm

mal-Ġiżwiti Tagħlaq is-Sena tat-Tieni Ċentinarju Matul din is-sena, bejn it-3 ta’ Jannar, il-festa tal-Isem ta’ Ġesù, it-Titular tal-Kumpanija ta’ Ġesù, u s-27 ta’ Settembru, l-anniversarju tat-Twaqqif tal-Kumpanija ta’ Ġesù fl-1540, il-Ġiżwiti u l-ħbieb tagħhom madwar id-dinja fakkru u rringrazzjaw ’l Alla għall-200 sena mir-Restawrazzjoni tal-Ordni tagħna fl-1814. Fit-3 ta’ Jannar, il-Papa Franġisku fetaħ iċ-ċelebrazzjonijiet b’Quddiesa fil-knisja tal-Gesù u għamel omelija sabiħa lil ħutu l-Ġiżiwti. Nhar is-27 ta’ Settembru l-Papa Franġisku mexxa Vespri Solenni fil-Knisja tal-Gesù. Fl-omelija tiegħu fakkar il-grajjiet, u ż-żminijiet difficli ta’ persekuzzjoni li għexet il-Kumpanija ta’ Ġesù. Hu qal li “IlKumpanija, quddiem il-mewt tagħha stess, baqgħet fidila għall-iskop li għalih kienet imwaqqfa. B’dal-mod, il-Kumpanija għexet l-aqwa prova

Il-JRS (Malta) Il-kumitat tal-Premju Vaclav Havel għad-Difiza tad-Drittijiet Umani, irċieva nominazzjonijiet minn 56 għaqda li jaħdmu għad-difiża tad-Drittijiet umani fl-Ewropa. Minnhom intgħażlu tlieta, fosthom il-JRS (Malta) ħalli minnhom jintgħażel ir-rebbieħ. Fid-29 ta’ Settembru l-President tal-

16

tas-saġrifiċċju mitlub minnha inġustament”. Il-Papa qal lil ħutu “Aqdfu, kunu qawwijin, ukoll bir-riħ f ’wiċċkom! Aħna naqdfu fil-qadi tal-Knisja. Aħna naqdfu flimkien!” Żied jgħid: “Dak li aħna bħala Ġiżwiti hu dak ta’ bniedem li jħobb lil Alla u jaqdi lil ħutu, juri bleżempju mhux biss f ’dak li jemmen, iżda wkoll f ’dak li jittama, u min hu l-Wieħed li fih qiegħed il-fiduċja kollha tiegħu. Il-Ġiżwita jrid ikun kumpan ta’ Ġesù, wieħed li jħoss kif iħoss Ġesù”

fil-laqgħat u fl-aħħar iċċelebra l-Ewkaristija magħhom. Matul il-laqgħa l-Brothers kellhom ix-xorti li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni fil-Gesù tar-Restawr tal-Kumpanija u kull wieħed iltaqa’ mal-Papa. Hawn taħt jidher Br Salvu Mifsud waqt il-laqgħa tiegħu malPapa.

Il-Brothers Ġiżwiti Ewropej jiltaqgħu Iktar minn tletin Brother Ġiżwita mill-Provinċji fl-Ewropa, fosthom Br Saviour Mifsud, iltaqgħu f ’Ruma bejn is-26 u d-29 ta’ Settembru biex jaqsmu ma’ xulxin dwar diversi aspetti tal-vokazzjoni tagħhom. Il-Patri Ġeneral ħa sehem

Ċelebrazzjoni tal-Ġublewijiet Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Ottubru, saret festa sempliċi fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi għall-Fathers u l-Brother li din is-sena kellhom xi Ġublew. Fosthom kien hemm Fr Lawrence Gellel, mill-Birgu, li għalaq 75 sena Ġiżwita. Hu l-aħħar wieħed li fadal minn dawk li daħlu Ġiżwiti filProvinċja ta’ Sqallija. Hu fakkar ukoll is-60 sena bħala saċerdot., Għall-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr kien hemm il-qraba u l-ħbieb tagħhom.

Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ħabbar li l-premju ntrebaħ minn Anar Mammadli li jiddefendi d-drittijiet umani fl-Azerbajġan. Bħalissa is-Sur Mammadli jinsab fil-ħabs. Il-JRS (Malta) ingħata ċertifikat u rċivietu Dr Katrine Camilleri, id-Direttur tal-JRS (Malta), li tidher fir-ritratt biċ-ċertifikat.

Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


il-Missjoni tagħna

www.jesuit.org.mt

Ghajnuna ghat-Talb

Ninġabar: Insib post komdu u nikkwieta, waqt li fis-skiet nisma’ l-ħsejjes ta’ madwari. Issa li nħossni fil-paċi miegħi nnifsi nagħraf lil Alla viċin tiegħi. Għal ftit mumenti ngawdi l-preżenza ta’ Alla fissolitudni. Naħseb u niftakar f ’dawk l-affarijiet u l-persuni li jsebbħuli ħajti. Fatt ċkejken: Waħdu bilwieqfa, Jan beda jħares lejn it-tfal l-oħra, jgħarrex biex forsi jilmaħ xi wiċċ jitbissimlu. Iżda beża’ li ma kien se jara lil ħadd jidħaqlu. Biex itaffi xi ftit mill-ansjetà li ħakmitu, ftakar fi kliem ommu: li issa kien kiber biżżejjed biex ma jibżax meta jsib ruħu waħdu. Madankollu fil-fond ta’ qalbu xtaq li qatt ma kien inqala’ dan ilbżonn li jbiddel l-iskola.Jan għadu kif għalaq tmien snin. Huwa jgħix flimkien ma’ ommu u ma’ oħtu. Missieru jaħdem barra. Hekk kif daħal fil-klassi l-ġdida, l-għalliema wrietu fejn kien postu, u għamlet sinjal lill-istudenti l-oħra. Il-biża’ li kellu Jan malajr inbidlet f ’sorpriża sabiħa hekk kif sħabu taw bidu għal attività ħelwa, ippreparata sew minn qabel, biex jagħtuh merħba. It-tifel nesa għalkollox il-biża’ u s-solitudni ta’ filgħodu. Issa tgħidx kemm kien kuntent! Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014

commons.wikimedia

Naħseb ftit: Għaliex taħseb li ħakmitu l-ansjetà lil Jan? Taf b’xi sitwazzjonijiet oħra fejn il-persuni jbatu minħabba li ma jsibu lil ħadd jitbissmilhom ftit? Taqbel ma’ omm Jan meta qalet li m’għandniex nibżgħu meta nkunu weħedna? Nitlob: Mulej Alla, taffilna l-biża’ tas-solitudni. Mexxina int biex insibu l-paċi tal-preżenza tiegħek, speċjalment meta dawk li nħobbu jkunu ’l bogħod jew ma jġibuniex daqs kemm nixtiequ. Ħu ħsieb, nitolbuk, ta’ dawk li nħossu n-nuqqas tagħhom. Kliem ta’ dawl: Fil-jum li tħossok waħdek, Alla jkun xewqan biex iqatta’ ftit ħin bil-kwiet miegħek. - Criss Jami X’nista’ nagħmel: Meta nħossni waħdi niftakar li s-skiet tas-solitudni jagħtini ċ-ċans napprezza dak il-ġid li sirt nieħdu bħala drawwa u ma nagħtihx importanza. Qalb grata ġġib magħha l-paċi u l-ferħ.

www Jekk trid titlob għal fehmiet tal-Papa b’dan il-mod, tista’ tidħol kull xahar fil-website: www.attmalta.org

sto

Biex kull min ibati bis-solitudni jħoss lil Alla viċin tiegħu u l-wens tal-oħrajn.

Ritratt: Ezagren

la

alb at -T t t

Appo

Matul Novembru l-Papa jistieden lil kulħadd, ikun xi jkun it-twemmin tiegħu, sabiex ningħaqdu flimkien u nitolbu:

Jan kien imdorri jħossu beżgħan u waħdu. Kien jimmaġina li missieru, imsiefer, ukoll kien iħossu waħdu fuq ix-xogħol. Bil-lejl, spiss kien jitlob biex missieru ma jbatix is-solitudni meta jħossu waħdu ’l bogħod mill-familja. U t-talb kien iserrħu.

17


Esperjenza

Miktub minn-Novizz Andrew Camilleri, NSJ

Pellegrinagg fil-faqar

Wieħed mill-esperimenti (esperjenza) li Sant’Injazju ried li jsir fin-novizzjat hu dak li jissejjaħ il-Pellegrinaġġ fil-Faqar. Din l-esperjenza hi maħsuba biex tgħin in-novizz iħalli warajh kull tama li jista’ jqiegħed fil-flus u fi ħwejjeġ oħra maħluqa, biex minflok ipoġġi t-tama tiegħu biss fil-Mulej, il-Ħallieq tiegħu. Mela wara l-vaganzi tas-sajf, hekk kif bdejt ittieni sena tan-novizzjat, kont mibgħut ma’ żewg novizzi Taljani nagħmel dan il-pellegrinaġġ minn Ġenova (fejn jinsab in-novizzjat) sas-santwarju tas-Sacre Monte di Varallo, mitejn kilometru ’l-bogħod. Magħna ma kellniex flus jew ikel. Ma kellniex fejn norqdu. Qegħdna t-tama tagħna f ’Alla, nittallbu kulma kellna bżonn mingħand dawk li ltqajna magħhom fit-triq. Qabel tlaqna flimkien għamilna dixxerniment x’nieħdu jew ma neħdux magħna. Ftakarna fi kliem Ġesú “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi’ (Lq 9:3). Bħala tabib ma sibthiex faċli ma niħux mieghi first aid kit, imma mxejt mad-deċizjoni tal-oħrajn għax rajt illi jekk nieħu wieħed, kont inkun qiegħed ninżamm f ’sigurtà fil-maħluq u mhux f ’Alla. Ħadna magħna dawk il-ħwejjeġ li kienu essenzjali – tibdila waħda ta’ ħwejjeġ, sapun, sleeping bag, brevjarju. Xorta waħda sibna li l-boroż tagħna kienu jiżnu mhux ħażin! Xtaqna ngħixu bħalma Ġesù xtaq. Iktar milli tlabna Mhix faċli tidħol ġo ħanut u titlob x’tiekol. L-ewwel ġurnata tal-pelleggrinaġġ stħajt bil-kbir. Bżajt minn dak li kienu se jaħsbu fuqi tal-ħanut, bżajt li n-nies tqisni ta’ fqir, u fuq kollox bżajt li n-nies tgħdilna ‘le’. Bqajna nitlajjaw ’il barra millbieb, iżda t-tfajla tal-ħanut minn rajha talbitna nidħlu ’il ġewwa u tatna l-ħobż. Kelli l-istess biżgħat meta darba filgħaxija f ’raħal ħabbatt ilbieb tal-kappillan. Bla ma stennejna tana x’nieklu u appartament sħiħ fejn norqdu!

18

Matul il-pelleggrinaġġ l-istess ġara meta tlabna għall-ikel u għal saqaf. Kien hemm drabi meta ngħatajna mhux biss dak li kellna bżonn imma bil-wisq iżjed. Kien hemm drabi oħra meta n-nies ħarsitilna bl-ikrah, kellmitna ħażin jew ma fetħitilniex il-bieb. Dejjem tlabna għal dawk li ltqajna magħhom, imma b’mod speċjali għal dawk li ma laqgħuniex għandhom. Il-Mulej kien magħna dejjem, speċjalment f ’dawn il-mumenti diffiċli. Għall-bidu kelli xi ftit l-idea li bil-fors kellna nsibu xi ħaġa, qisu xi eżami li kellu jgħaddi minnu Alla fil-konfront tagħna, li kellu dejjem jipprovdi (mod sottili li bih kont qiegħed inżomm ilkontroll u ma nħallihx imexxini). Fil-fond, bżajt li Alla ma jgħaddix mill-eżami li kont ippreparajtlu! Id-drabi fejn ma sibniex x’nieklu jew fejn norqdu, bqajna sejrin fit-triq sa ma sibna dak li kellna bżonn, minflok ma ħallejna ’l Alla jmexxina f ’esperjenza ta’ guħ jew ta’ xi lejl bla saqaf fuq rasna. Din waslet għall-għejja u għal xi nuqqas ta’ ftehim bejnietna. Iżda ftit ftit tgħallimna millatteġġjament żbaljat tagħna biex fl-aħħar bdejna nimxu minn post għal ieħor iżjed bil-mod, b’inqas tħassib dwar fejn u meta se naslu u b’fiduċja dejjem ikbar fil-Mulej u f ’dak li riedna ngħixu. Fuq kollox kellna x-xewqa li nesperjenzaw dak li Alla riedna ngħixu f ’dak il-mument, sew jekk insibu jew ma nsibux ikel. X’għaqaddna Meta tgħix f ’komunità titgħallem tgħix ma’ ħuk kif inhu, bid-drawwiet u l-opinjonijiet tiegħu (u mhux, kif jiġri spiss, tfittex tbiddlu f ’dak li Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


www.jesuit.org.mt

L-awtur, in-Novizz Andrew Camilleri, NSJ, fuq innaħa tax-xellug, flimkien maż-żewġ novizzi taljani li magħhom għamel il-Pellegrinaġġ Injazjan.

taħseb li għandu jkun). Id-drabi meta ma qbilniex kienu okkażjoniet ta’ tisħiħ u ta’ rikkezza. Kultant kellna bżonn nieħdu paċenzja b’xulxin, infittxu li nifhmu iktar lill-ieħor, l-iktar meta xi ħadd kellu xi ġurnata diffiċli. Mit-tieni jum ’il quddiem, beda jkolli ħafna wgigħ f ’sieqi l-leminija (kont ġbidt ligament). Il-kumpanji tiegħi ħadu paċenzja kbira bittgergir, bil-waqfien u bil-bżonnijiet tiegħi! Kienu ta’ għajnuna kbira għalija, mexxewni ’l quddiem meta ħsibt li ma nistax nagħmel iktar. Fl-istess ħin sibtni nikber fil-paċenzja miegħi nnifsi u l-limiti tiegħi. Il-Mulej kompla jmexxini bil-mod il-mod f ’dan il-proċess li naċċetta lili nnifsi bħala bniedem li hu ħabb, għażel u sejjaħ kif inhu. Alla ma sejjaħx bniedem perfett u bla żbalji, kif ġieli nixtieq inkun. Dak li għaqqadna bħala komunità ta’ aħwa ma kinux biss is-sejħa u l-missjoni komuni, imma wkoll it-talb flimkien tal-liturġija tas-sigħat filgħodu, f ’nofsinhar, u filgħaxija, u t-tqassim bejnietna ta’ esperjenzi interni, id-diffikultajiet u l-ferħ f ’dak li konna qed ngħixu. Irnexxielna nsibu quddiesa kważi kuljum. Filgħodu, waqt li nimxu, konna nitolbu waħedna fis-silenzju, nimmeditaw u nużaw l-immaġinazzjoni tagħna. Xbieha li baqgħet miegħi kienet ta’ Ġesù jakkumpanjana fil-mixi, għajjien, bil-ġuħ, jinten u mimli għaraq bħalna. Ġesù dejjem jakkumpanjana fl-attivitajiet u l-ħidmiet kollha tagħna, kif ukoll jaħdem u jissara magħna. Ġesù ma jordnalniex naħdmu għalih, iżda jitlobna fil-libertà kollha li naħdmu miegħu, spalla ma’ spalla. (Eżerċizzi Spiritwali, 93). Esperjenzi sbieħ Esperjenza sabiħa tul il-pelegrinaġġ kienet li ltaqajna ma’ biżibilju ta’ nies differenti. Min waqaf ikellimna, u fetaħ qalbu magħna bla

ma jaf min konna; min kien sempliċement jinkoraġġina fit-triq; min ma setax joffrilna ikel jew fejn norqdu; u min laqagħna għandu. Irċevewna nies li jaħdmu fis-silenzju u fil-kwiet; li jagħmlu t-tajjeb bla ħadd qatt ma jisma’ bihom, u li fl-istess ħin ma jgħixux ħajja faċli jew komda. Rajna l-għejja f ’diversi saċerdoti djoċesani li laqgħuna (ma sibniex komunità reliġjuża li laqgħatna): qatt ma ltqajna ma’ wieħed li ma kienx jieħu ħsieb għallinqas ta’ tliet parroċċi, u spiss, iktar. Ħafna jaħdmu bi ftit għajnuna, b’parteċipazzjoni pjuttost baxxa fil-ħajja parrokkjali u b’vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali fid-djoċesi tagħhom li tgħoddhom fuq id waħda: u dan dejjem taħt id-dell tal-ħafna problemi li għaddejja minnhom il-Knisja bħalissa. Minn dak li qalulna xi wħud minn dan-nies, kienet ta’ konsolazzjoni għalihom li jiltaqgħu ma’ tliet novizzi żgħażagħ fuq pelleggrinaġġ. Din biss parti mill-istorja, għax f ’lokalitajiet oħra dħalna f ’parroċċi mimlijin ħajja, b’parteċipazzjoni attiva tan-nies, oratorji u attivitajiet kulturali u reliġjuzi. Nagħlaq b’esperjenza li nibqa’ nirrefletti fuqha, li tolqotni mill-qrib bħala Malti (ngħiduha kif inhi, għaddejjin minn perijodu ta’ taqlib u tibdil fil-mod ta’ kif naraw lilna nfusna, id-drittijiet u responsabbiltajiet tagħna fid-dinja). Wara ġurnata mill-iktar diffiċli, fejn ma konna kilna xejn ħlief għanqud għeneb, u, nintnu u mimlijin għaraq, meta f ’raħal wara raħal ma laqgħuniex u ma konniex nafu x’se naqbdu nagħmlu, tard filgħaxija, f ’raħal itajjar bandiera tal-Lega Nord, laqgħetna u xtratilna x’nieklu mara musulmana, immigranta mill-Marokk. Kellmitna l-ewwel mara illi n-nies tħares lejha biss b’suspett, konna milqugħin millpersuna mhix milqugħa, tatna x’nieklu waħda li x’aktarx ma tantx jistidnuha nies id-dar tiekol magħhom!

19


Vokazzjoni

Miktub minn Fr Paul Zammit, SJ

Zarbun jew Qorq? F’karta tal-eżami tar-Reliġjon l-istudenti kellhom iwieġbu għal din il-mistoqsija: “X’differenza hemm bejn patri u qassis?” Wieħed minnhom ħareġ b’din it-tweġiba: “Il-qassis jilbes iż-żarbun, il-patri jilbes il-qorq.” Mar żmerċ għall-aħħar għaliex ilbiċċa l-kbira tal-patrijiet jilbsu ż-żarbun filwaqt li l-qassisin jilbsu l-qorq meta jfettlilhom! Għalhekk ħa nispjegaw għax hawn min jitfixkel. Il-QASSIS huwa raġel li jħossu msejjaħ biex jgħin lill-Isqof fid-dmirijiet tiegħu li jgħallem, jamministra s-sagramenti u jmexxi l-poplu ta’ Alla. Ġeneralment il-qassis jaqdi dmiru f ’parroċċa. Huwa jagħmel ukoll wegħda ta’ ubbidjenza lill-Isqof tiegħu. Barra minn hekk jagħmel wegħda taċ-ċelibat (li ma jiżżewwiġx) ħalli jagħti l-imħabba u l-enerġija tiegħu lil dawk afdati f ’idejh. Ir-RELIĠJUŻI li jistgħu jkunu kemm nisa u kemm irġiel (li jissejħu PATRIJIET), jgħixu f ’komunità u jaqsmu l-ħajja tagħhom flimkien. L-irġiel jistgħu jkunu wkoll saċerdoti, iżda mhux bilfors. Huma jagħmlu mill-inqas tliet voti (wegħdiet). Il-vot tal-ubbidjenza jgħinhom ħalli jsibu r-rieda ta’ Alla u l-missjoni tagħhom f ’dak

li jgħidulhom is-superjuri tagħhom. Permezz tal-faqar huma jimitaw lil Ġesù fqir. Hekk jgħixu f ’ħajja ta’ komunità fejn jaqsmu kollox bejniethom kif kienu jagħmlu l-Ewlenin Insara. Imbagħad jagħmlu wkoll vot tal-kastità li permezz tiegħu jagħtu mħabbithom kollha lill-Mulej. Xi ordnijiet iżidu xi vot ieħor; hekk per eżempju l-Ġiżwiti jagħmlu vot ta’ ubbidjenza speċjali lejn il-Papa ħalli dan ikun jista’ jagħtihom missjonijiet. Ikun hemm min ikun ġa miżżewweġ qabel ma’ jsir reliġjuż jew saċerdot djoċesan. Qabel isiru kemm reliġjużi u kemm qassisin jista’ jkun hemm min ikun ġa miżżewweġ. Bħala eżempju nsemmu lil San Franġisk Borgia, wieħed millewwel Ġenerali tal-Ġiżwiti u San Alfons Rodrigues, brother Spanjol. Allura l-Ġiżwiti x’inhuma? Huma ordni reliġjuż saċerdotali. Il-biċċa l-kbira tal-membri huma saċerdoti (jew qed iħejju ruħhom ħalli jsiru saċerdoti). Imbagħad hemm il-brothers, li jgħinu lil sħabhom saċerdoti fil-qadi tal-missjoni tagħhom. Dawn issibhom fl-amministrazzjoni, fl-edukazzjoni, fil-missjoni u f ’ħafna oqsma oħra tal-appostolat.

Kieku kellna nimxu mattweġiba ta’ dak l-istudent, konna naraw lill-Ġiżwiti b’żarbun f’sieq u b’qorq fl-oħra!

20

Lil Ħbiebna Ottubru - Diċembru 2014


Il-bidla tal-Provincjal Ta’ kull sena, fil-31 ta’ Lulju, festa ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola, il-Fundatur tal-Kumpanija ta’ Ġesù, ilĠiżwiti Maltin jinġabru ħalli flimkien jirringrazzjaw ‘l Alla għall-Missier Spiritwali tagħhom, u biex, bħala kumpanji ta’ Kristu u aħwa fil-Mulej, jiċċelebraw din il-festa flimkien. Din is-sena l-festa ta’ Sant’Injazju kienet ukoll okkażjoni speċjali. Dakinhar, bl-iktar mod sempliċi, saret il-bidla tal-Provinċjal, u hekk spiċċa kapitlu u beda ieħor fl-istorja tal-Provinċja tal-Ġiżwiti Maltin u Għawdxin li twaqqfet fl-1947. Għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu bdew jaslu f ’Dar Loyola, in-Naxxar il-Fathers u l-Brothers mis-seba’ komunitajiet tagħna f ’Malta u Għawdex. Ħadna pjaċir li magħna kien hemm ukoll xi Ġiżwiti Maltin li qegħdin jaħdmu barra, kif ukoll l-istudenti tagħna li qegħdin jistudjaw barra minn Malta. Kien hawn ukoll xi Ġiżwiti barranin. Il-quddiesa konċelebrata tmexxiet minn Fr Paul Pace, li dakinhar kien ser jintemm il-mandat tiegħu bħala Provinċjal, u għamel l-Omelja. Hu kien assistit minn Fr Patrick Magro, li ftit talħin wara l-Quddiesa kien ser jibda l-missjoni ġdida li l-Kumpanija ta’ Ġesù fdatlu f ’idejh biex jakkumpanja ‘l ħutu fil-mixja tagħhom wara Ġesù bħala qaddejja tal-missjoni tiegħu fil-Knisja. Fl-aħħar tal-Quddiesa Fr Patrick għamel kelmtejn tal-okkazjoni Il-kant matul il-Quddiesa għen biex tiżdied l-atmosfera ferrieħa ta’ festa u ta’ għaqda.

Il-bidla Wara l-Quddiesa kulħadd ħareġ fil-ġnien fejn ittieħed ritratt tal-grupp. Meta kulħadd inġabar fil-kmara tal-ikel, wara t-talba, Fr John Scicluna, l-Assistent tal-Provinċjal, qara d-digriet tas-Superjur Ġenerali li bih ħatar lil Fr Patrick Magro bħala l-Provinċjal il-ġdid. Fr Paul Pace u Fr Patrick Magro qamu u għannqu ‘l xulxin. Hekk it-torċa għaddiet f ’idejn Fr Magro. Fl-aħħar tal-ikla Fr Magro u Fr Pace flimkien qasmu l-kejk fost iċ-ċapċip ta’ kulħadd. Fr Paul Pace SJ (fuq in-naħa tax-xellug) ma’ Fr Patrick Magro SJ

21

Attwalità

Miktub minn Fr John Scicluna, SJ


Grajjiet kurrenti mill-lenti tat-taghlim Nisrani

Miktub minn Fr Paul Pace SJ

Din ir-rubrika tirrifletti fuq ġrajjiet kurrenti mill-lenti tat-tagħlim Nisrani

Possibbli dinja

bla gwerra?

Dawn l-aħħar ġimgħat rajna aħbarijiet ta’ vjolenza li tkexkex li donnha qed issir dejjem aktar komuni. Rajna vidjos ta’ nies jaqtgħu rjus ħaddieħor kiesaħ u biered, smajna stejjer tal-waħx ta’ vjolenza kontra l-Insara jekk dawn ma jsirux Musulmani, u nafu kemm komunitajiet Insara kellhom jaħarbu minn fejn ilhom joqogħdu għal sekli twal għax mhedda bi vjolenza bla ħniena. Imbagħad, kull meta jinqalgħu sitwazzjonijiet bħal dawn bdejna mill-ewwel nisimgħu lil min isemmi l-gwerra: il-vjolenza trid tiqfilha bil-vjolenza, taptipa qawwija biex twaqqaf lil min jidhirlu li jista’ jagħmel li jrid. Madankollu, il-gwerra għandha l-loġika tagħha, u wara li tibda b’ħafna wegħdiet li ser tkun limitata, malajr jibdew jinstemgħu ilħna li mhux biżżejjed l-attakki mill-ajru, u ma nistgħux ngħaddu mingħajr dak li kienu qalulna li żgur mhux se jsir. Tħallih jagħtik daqqa oħra? Dawn huma bla dubju fost l-aktar deċiżjonijiet ibsin li jħabbat wiċċu magħhom min ikollu s-setgħa politika. Il-vjolenza diffiċli twaqqafha bla ma tuża vjolenza oħra, imma l-periklu dejjem huwa li din ukoll iġġib reazzjoni vjolenti li titlob aktar vjolenza. Fit-tradizzjoni Nisranija dejjem kien hemm dawk li jgħidu li l-Vanġelu jitlobna nkunu paċifisti, għaliex Ġesù qalilna ċar u tond biex lil min hu vjolenti ma niqfulux, u li lil min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek il-leminija dawwarlu wiċċek ħa jagħtik daqqa fuq innaħa l-oħra. Dejjem kien hemm Insara li ħallsu prezz għoli biex jgħixu dan l-ideal diffiċli, dawk li ma ridux jieħdu sehem fil-gwerra, li rrifjutaw il-lieva u spiċċaw il-ħabs jew agħar. Imma l-esperjenza ta’ min kellu r-responsabbiltà tat-tmexxija wriet li hemm każi fejn il-vjolenza, u anke l-gwerra, huma ġustifikati; dan l-aktar fejn jidħlu l-innoċenti. Matul is-sekli żviluppa tagħlim fuq meta gwerra tista’ tissejjaħ ġusta: fi ftit kliem, trid issir biex tirranġa xi inġustizzja li diġà saret, trid tkun iddikjarata minn min għandu l-awtorità, trid tkun l-aħħar mezz, u fuq kollox irid ikun hemm proporzjon bejn il-ħsara li ser iġġib magħha, inkluż il-kwantità ta’ vittmi li ser tħalli warajha, u l-ġid li ser tagħmel.

22

‘The Battle of Shipka Pass’ ta’ Alexej Popov commons.wikimedia.org

Il-gwerra soluzzjoni? Fi żminijietna, meta minħabba t-teknoloġija li tintuża u l-qawwa qerrieda tal-armi tal-lum, il-gwerra saret ħafna differenti minn meta tfassal dan it-tagħlim sekli ilu, issib ħafna li jsostnu li dawn il-kundizzjonijiet ma għadhomx aktar validi. Ngħidu aħna, fil-gwerer tal-lum kważi l-vittmi kollha huma nies ċivili u mhux is-suldati, li spiss ikunu mijiet ta’ mili ‘l bogħod jew għexieren ta’ kilometri ‘l fuq fl-ajruplani tagħhom. Din is-sena qed infakkru l-100 sena mill-ewwel gwerra li tissejjaħ dinjija: kellha tkun il-gwerra li twaqqaf il-gwerer kollha, imma fir-realtà, wara 16-il miljun mejjet, baqa’ kważi kollox l-istess, anzi wara ftit aktar minn 20 sena kien hemm gwerra akbar. Fil-fatt huwa diffiċli ħafna li nsibu gwerra li solviet il-problema li għaliha bdiet: biżżejjed inħarsu lejn l-Iraq u lejn ilLibja. Fl-istess ħin, il-vjolenza kontra l-innoċenti teżisti, u huwa veru li spiss din trid titwaqqaf bil-forza. Madankollu din waħedha qatt mhi biżżejjed. Soluzzjoni militari qatt ma tirnexxi mingħajr soluzzjoni politika u mingħajr djalogu fejn il-partijiet jagħmlu sforz veru biex jifhmu lil xulxin. Fi żminijietna jidher dejjem aktar importanti li r-reliġjonijiet ma jħallux min jinqeda bihom biex jiġġustifika l-vjolenza, imma jsiru appostli tal-paċi. Imberkin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla!


Programm t’attivitajiet Ċentru Spiritwalità Injazjana

Għal aktar tagħrif, jew biex tieħu sehem, ċempel fuq 2276 0201 jew ibgħat email lil info@mtsjoseph.org għallattivitajiet li ser isiru d-dar tal-irtiri Mount St Joseph, Mosta, jew għallattivitajiet li ser isiru d-dar tal-irtiri Dar Manresa, Victoria, Għawdex ċempel fuq 21 55 6635 jew ibgħat email lil manresagozo@gmail.com. Irtir fil-Kampanja

7-9

Imexxu Mrs Clare Camilleri u Ms Maria Theresa Portelli Post: Mt. St. Joseph, Mosta

NOV

Talb impitter bil-kulur

Tmexxi: Il-pittriċi Lida Sherafatmand Post: Mount St. Joseph, Mosta

14-16 NOV

Xewqat sbieħ għal Milied hieni u mimli paċi! Kif tafu, Lil Ħbiebna m’għandhiex abbonament, imma tiddependi kompletament mill-offerti tal-ħbieb u l-qarrejja. Għalhekk niddependu ħafna mill-ġenerożità tagħkom. Tistgħu tibagħtulna l-offerta bil-posta: Lil Ħbiebna, 78, Triq Markiż Scicluna, Naxxar NXR 2067 jew twassluha f ’dan l-indirizz: Uffiċċju Benefatturi, 1, Pjazza E.S. Tonna, Floriana (ħdejn il-knisja ta’ Sarria eżattament quddiem l-istage). GRAZZI!

Irtir ispirat mill-ikoni

5-7

Imexxi: Dun Gerard Buhagiar Post: Dar Manresa, Victoria, Għawdex.

DIĊ

Irtir iggwidat fuq livell individwali

Imexxi: Fr Vince Magri, SJ Post: Mount St. Joseph, Mosta

23-25 JAN

10-14 DIĊ

Seminar: L-ispiritwalità u d-dinja tal-’business’ Imexxi: Fr Paul Pace, SJ Post: Mount St. Joseph, Mosta

Irtir għall-familji

Imexxi: Fr Paul Chetcuti, SJ Post: Dar Manresa, Victoria, Għawdex.

6-8 FRAR

Il-ġisem bħala strument ta’ talb

13-15 FRAR

Strina għal Lil Ħbiebna

Imexxu: Ms Genevieve Camilleri u Ms Mary Cassar Post: Mount St. Joseph, Mosta

Mulej ilqa’ f’Saltnatek ’l-benefatturi u ’l-hbieb taghna mejtin Ħal Balzan Birkirkara Ħal Għargħur Il-Ħamrun Il-Mosta Il-Pietà Il-Qawra San Giljan San Ġwann Tas-Sliema Valletta Iż-Żejtun

Josephine Tonna omm Fr Paul, SJ Carmen Cutajar Roger Delicata Lina Bugeja Concetta Buttigieg John Scicluna Lawrence Zammit Rita Micallef oħt il-mejjet Br F. Sant, SJ Vincent Zammit Emma Caruana Jessie Formosa Miriam Vassallo Gino Camilleri Alexander Cachia Zammit 23


Maħruġ mill-Ġiżwiti Maltin | Ottubru - Diċembru 2014 | Lil Ħbiebna - 78, Triq il-Markiż Scicluna, Naxxar NXR 2067

Tixtieq tieħu sehem fil-Malta Marathon? Issieħeb fit-tim tagħna ‘Jesuits & Friends’! Aħna nistgħu noffrulek għajnuna biex tipprepara ruħek għallmaratona ta’ Malta li ssir fit-22 ta’ Frar 2015 (Walkathon - 21km; jew Half Marathon - 21km; jew full Marathon 42km) filwaqt li inti tgħin billi toffri l-isforzi tiegħek għall-ġbir ta’ fondi għal proġett kbir li ser imexxu l-Ġiżwiti fis-snin li ġejjin, li sejrin jibbenefikaw minnu eluf ta’ żgħażagħ!

Iktbilna: walkandrunforothers@jesuit.org.mt u aħna nibgħatulek l-informazzjoni kollha li għandek bżonn biex tapplika u tissieħeb magħna!

Għal iktar informazzjoni ara il-Facebook event ‘Walk 24 & Run for Others - Malta Marathon 2015’

for OTHERS JESUITS IN MALTA


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.