2 minute read

VOLUNTIERI TA’ KULL ETÀ MSEJĦIN

FIL-KAWŻA NOBBLI TA’ DR KLOWN!

Jekk għandek ħin u ħiliet x’taqsam ma’ ħaddieħor jew kapaċi tbissem lit-tfal, qed tistenniek avventura tal-akbar sodisfazzjon

Advertisement

L-organizzazzjoni volontarja Dr Klown, li tiddeverti lil tfal li jkunu għal kura fl-Isptar Mater Dei, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ħabbret kampanja biex tingaġġa iżjed voluntieri f’din il-missjoni nobbli tagħha.

Fi stqarrija, li nħarġet fl-aħħar jiem, ingħad hekk: “Il-familja ta’ Dr Klown se tikber minħabba li bħalissa qegħdin infittxu nies ġodda, minn kull qasam tas-soċjetà, żgħażagħ, adulti u pensjonanti li huma mħajrin jieħdu t-taħriġ neċessarju biex ’il quddiem isiru Klown Doctors. Il-qasam tal-volontarjat m’għandux limitu ta’ età u jekk inti għandek minn 18-il sena ’l fuq, se tkun milqugħ b’dirgħajn miftuħin! Fil-volontarjat hu neċessarju li wieħed ikollu xewqa li jagħti kontribut u li jkollu impenn li jgħin. Kemm jekk żgħir jew kbir fletà, inti se ġġib miegħek hena kbira permezz tal-ħiliet tiegħek u tal-għerf mill-esperjenzi talħajja li għaddejt minnhom.”

Dr Klown ilha mwaqqfa mill2011 u l-voluntieri tagħha jżuru lit-tfal fis-sodod tal-isptarijiet waqt li dawn ikunu qed jirċievu xi tip ta’ trattament għall-fejqan tagħhom. It-tfal, l-istaff mediku u l-qraba jkunu kollha mħeġġin biex jipparteċipaw mal-ferħ li jġibu magħhom il-Klown Doctors tagħna, dejjem jekk ikunu jixtiequ.

Hu għalhekk li l-organizzazzjoni jkollha bżonn ta’ voluntieri li jorganizzaw dawn iż-żjarat biex jitwassal tbissim u jittaffa xi ftit mill-uġigħ lil dawn iċ-ċkejknin billi fil-wards tittieħed doża doppja ta’ divertiment u daħk.

Fi kliem wieħed mill-Klown Doctors, Dr Buttons, jinsab konvint li wara għaxar snin esperjenza “din ma kienet xejn ħlief esperjenza imprezzabbli”.

Hu kien beda mad-Dr Klown fl-età ta’ 63 sena u għalkemm fil-bidu sab ħafna kuraġġ mill-qraba tiegħu biex jissieħeb bħala voluntier, ma kienx jara lilu nnifsu f’dan ir-rwol minħabba li jqis lilu nnifsu bħala individwu riservat, iżda bil-kapaċità li jimprovizza skont iċ-ċirkostanzi, ħarġet waħda mill-aqwa ħiliet li wieħed jista’ jkollu wkoll voluntier f’ward ta’ sptar mat-tfal.

Hu jħoss li lil hinn mill-età, hemm tifel ċkejken f’kull wieħed minna. “Li tbiddel il-burdata fil-ward ta’ sptar u tara u tmiss b’idejk id-daħka fuq wiċċ tifel muġugħ, flimkien mal-ferħ tal-ġenituri, hu l-aqwa rigal tal-isforz u l-impenn ta’ kull Klown Doctor.”

Hu jisħaq li, ma’ kull sessjoni ta’ divertiment, tiżdied aktar id-determinazzjoni u l-impenn tiegħu għas-sessjoni li jmiss mal-pazjenti ċkejknin fl-isptarijiet, waqt li jammetti li l-livell ta’ enerġija tiegħu u ta’ sħabu f’kull sessjoni jkun inkredibbli f’sessjonijiet li jirrikjedu sforz u impenn fiżiku u mentali “Imma li tkun Klown Doctor hi esperjenza li tagħtik sodisfazzjon minn kull aspett,” insista Dr Buttons.

“Hu meħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li l-iskop prinċipali ta’ volontarjat ma’ Dr Klown hu dak li jagħmlu l-ħajja aħjar anke jekk għal ħin qasir. Li ttaffi l-uġigħ u taljena lill-pazjent minn sitwazzjoni diffiċli u ta’ mrar jagħti sens u tifsira għal liema raġuni teżisti Dr Klown. Il-Klown Doctors tagħna jemmnu u jħaddnu sens ta’ passjoni, altru wiżmu u empatija,” tenniet l-organizzazzjoni. Dawk kollha interessati huma mistiedna għar-reklutaġġ ta’ Dr Klown nhar is-Sibt 29 ta’ April fid-9:00 a.m. fil-Lukanda Malta Marriott & Spa Hotel f’San Ġiljan. Waqt din il-laqgħa l-parteċipanti jiġu evalwati fuq bażi ta’ person alità u ta’ kapaċità artistika, fost l-oħrajn. Qabel dakinhar, hu importanti li persuni interessati jirreġistraw għal-laqgħa billi jimlew l-applikazzjoni online, li tinstab fis-sezzjoni tal-kuntatt fis-sit elettroniku ta’ Dr Klown (www.drklown.org) sa nhar il-Ħadd li ġej.

This article is from: