8 minute read

Tkompli f’paġna

Next Article
Rapport f’paġna

Rapport f’paġna

IL-PM: KONVINT LI GĦANDNA FUTUR SABIĦ ILLUM AKTAR MINN QABEL

Tkompli minn paġna 1 Fil-fatt, il-Prim Ministru ħabbar li mhux biss l-ekonomija baqgħet tikber b’mod ġenerali, iżda fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming, li skont l-Oppożizzjoni kienu se jispiċċaw minn fostna, intlaħqu livelli bla preċedent ta’ impjiegi. Hu qal li, preżentament, in-numru ta’ impjegati fis-settur finanzjarju hu ta’ 5% aktar minn meta ġie maqbul il-pjan t’azzjoni, waqt li fl-industrija tal-gaming hemm 4% aktar impjegati min-numru li kien hemm f’Ġunju tal-2021 meta pajjiżna tpoġġa fil-“lista l-griża”.

Advertisement

Minbarra hekk, il-valur miżjud fil-qasam tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-ogħla wieħed li qatt ġie rreġistrat – 9% u 4% aktar milli kien is-sena li għaddiet rispettivament.

“Dan kollu għamilnieh f’mument fejn pajjiżna kien qed jiffaċċja pandemija u eventwalment bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, u ċertament li dan ma kienx sfond faċli li wieħed jaħdem fih,” insista l-Prim Ministru, waqt li semma kif il-pajjiż baqa’ għaddej bil-bidliet.

“Filwaqt li kkonċentrajna sew fuq ilbidliet fil-qasam tal-governanza tajba u l-bidliet li kien jirrikjedi r-rapport Moneyval, kif ukoll il-bidliet li kien jirrikjedi l-action plan tal-FATF, fl-istess waqt ma naqqasniex l-enfasi tal-ħidma fuq setturi li huma importanti ħafna għallpajjiż. Fost dawn ir-riformi li għamilna kien hemm il-qasam soċjali, il-ħolqien tax-xogħol, kif ukoll il-miżuri li tajna u se nibqgħu nagħtu biex nilqgħu għallfenomenu tal-inflazzjoni fil-kuntest tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.”

Waqt li sellem lill-istituzzjonijiet konċernati, li ħadmu bla waqfien biex seta’ kellna dan ir-riżultat, qal li l-Gvern għamel u se jibqa’ jagħmel sforzi sinifikanti biex tiddaħħal kultura ta’ impenn u aktar għarfien, biex niġġieldu, b’mod partikolari, kontra l-kriminalità ta’ ċerta portata, kontra l-kriminalità organizzata. Fl-istess ħin qal li se jsir aċċenn ukoll fuq dawk il-forom ta’ kriminalità li l-aktar jikkonċernaw lill-FATF u lill-Moneyval, jiġifieri l-kwistjoni tal-ħasil ta’ flus u tal-finanzjament għat-terroriżmu.

“Filwaqt li tajna direzzjoni politika ċara, il-bidliet li saru fl-aħħar snin ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ħidma dedikata ta’ ħafna istituzzjonijiet ġewwa pajjiżna,” kompla jgħid, waqt li rringrazzja lit-tmexxija u t-timijiet tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni u l-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA), fost oħrajn.

Dr Abela qal li, fl-istess ħin, pajjiżna kompla jikseb aktar riżultati. “Riżultati li ksibniehom, għax fl-ebda ħin ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna. Konvint li dan il-pajjiż għandu futur sabiħ, illum aktar minn qatt qabel. Dan pajjiż fejn tista’ taħdem, fejn tista’ tinvesti u fejn se tibqa’ ssib ħafna appoġġ biex tkun tista’ taħdem u tinvesti. Kif dejjem għedt, l-enfasi kienet fuq sistemi robusti li jirreżistu u jiġġieldu l-kriminalità. Ebda witch hunt fuq negozji leġittimi, kif kien hawn min prova jagħti x’jifhem,” qal il-Prim Ministru.

“Għax żammejna l-fiduċja bqajna nikbru u qed nirkupraw b’saħħa mill-effetti tal-pandemija. Aġenziji tal-kreditu, waħda wara l-oħra, komplew ipoġġu lil pajjiżna b’rating ‘A’. It-tbassir ekonomiku għal li ġej baqa’ wieħed b’saħħtu u rajna kif is-sena l-oħra t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna laħaq l-10%, filwaqt li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kważi 8%.”

Huwa kompla jgħid li issa pajjiżna xorta jrid iħares ’il quddiem. “L-għan hu li nassiguraw s-sostenibbiltà tal-miżuri li implimentajna. Qatt aktar pajjiżna m’għandu jerġa’ jispiċċa f’lista bħal din. Fuq kollox se naraw li fiż-żmien li ġej noħolqu aktar opportunitajiet biex il-privat jinvesti, anke b’sinerġiji mal-Gvern, u jinvesti flusu ħalli joħloq investiment u xogħol ta’ kwalità.”

Fil-messaġġ tiegħu, Dr Abela wkoll fakkar fil-mandat ġdid u b’saħħtu li l-elettorat ta lill-Partit Laburista f’Marzu li għadda u kif “dan ikompli jimliena b’aktar ħeġġa u determinazzjoni biex inkomplu mmexxu ’l quddiem lil dan ilpajjiż.”

Hu kkonkluda jgħid li “hemm fejn bdejna naslu u allura rridu nsostnu dak li ksibna. Iżda hemm oqsma fejn irridu naħdmu iżjed biex naslu u se nkunu qed naħdmu iżjed biex naslu f’dawn l-oqsma. Sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna pajjiż aħjar. Dak il-pajjiż li verament jixraq lil uliedna u lilna.”

L-imsieħba soċjali kollha laqgħu b’mod pożittiv l-aħbar mill-FATF u wrew il-konvinzjoni tagħhom li Malta għandha biss x’tiggwadanja mid-deċiżjoni. Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), qal li r-riformi li saru fl-aħħar snin kienu kruċjali u saħaq li l-Gvern għandu jkompli bit-triq tar-riformi, li permezz tagħhom ikompli jgħin

lill-ħaddiema.

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), Joseph Farrugia, qal li din l-aħbar tfisser li pajjiżna se jattira iżjed investiment, waqt li wkoll faħħar l-impenn tal-Gvern fl-aħħar xhur biex wasal dan ir-riżultat.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet, fi stqarrija, li l-esperjenza tal-aħħar sentejn bniet kompetenzi fi ħdan l-industrija tas-servizzi finanzjarji li mhux biss se jgħinuna nkunu iżjed selettivi bħala ġurisdizzjoni dwar it-tip ta’ negozju li nservu, imma wkoll se tipprovdi għarfien akbar fil-qasam regolatorju li wkoll iwessa’ dak li noffru fl-industrija.

Il-Kamra tal-Kummerċ għan-Negozji Żgħar u Medji tenniet li l-każ tal-FATF għandu jservi bħala lezzjoni għalina lkoll għal żmien twil li għad irid jiġi. Nawguraw li Malta tibqa’ taħdem u tikseb ir-riżultati f’dan ir-rigward.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) qalet li, jekk xejn, l-aħbar turi li kull meta jkun hemm impenn kollaborattiv f’kull livell u direzzjoni strateġika biex jiġu implimentati r-riformi meħtieġa, Malta tista’ tagħmel id-differenza. Hi qalet li l-Gvern kellu rwol importanti x’jilgħab matul il-pandemija u issa qed jilgħab parti importanti biex jiġġieled l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna. “U jekk hemm sinerġija bejn il-partijiet kollha konċernati, il-pajjiż jista’ jilħaq il-miri mfasslin. Dan għandu jservi ta’ benchmark biex jingħelbu sfidi oħrajn ’il quddiem f’diversi oqsma,” qalet ilGBC.

L-Istitut Malti tal-Accountants u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera wkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għad-deċiżjoni tal-FATF.

Fl-istess waqt li kkonċentrajna sew fuq dawn il-bidliet, ma naqqasniex il-ħidma f’setturi importanti

PASS EQREB GĦAL TKATTIR TA’ IŻJED ULIED U ĠENITURI

L-emendi l-ġodda fil-liġi tal-In Vitro Fertilisation (IVF), li għandhom l-għan li jwessgħu sew il-possibbiltajiet li jitwieldu iżjed ulied lil persuni li jsibuha diffiċli biex isiru ġenituri huma wkoll għaddew minn fażi oħra fit-triq biex jidħlu fis-seħħ meta nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament ġie konkluż id-dibattitu fl-istadju tat-Tieni Qari.

Id-dibattitu, li wkoll qabad lill-Oppożizzjoni mhux ippreparata u għal darb’oħra spiċċat f’sitwazzjoni mill-aktar imbarazzanti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għasSaħħa Chris Fearne qal li l-IVF toffri t-tama u s-soluzzjoni medika lill-persuni li jkollhom problemi ta’ infertilità.

Hu spjega l-punti ewlenin fil-protokoll marbut mal-liġi mressqa u li se jżidu l-possibilità li jkollna aktar ħajjiet b’firxa usa’ ta’ persuni, bl-ispejjeż iġorrhom dejjem l-Istat. Bil-liġi l-ġdida proposta, se jsiru emendi fejn jidħlu donazzjonijiet tal-gameti, l-età tal-ommijiet eliġibbli se titla’ sa 45 sena f’każ ta’ Oocyte Retrieval, waqt li trasferimenti ta’ embrijuni jista’ jsir sa 48 sena.

Se jiġi pprovdut ukoll qafas legali biex f’każi ta’ ċerti kundizzjonijiet ġenetiċi serji jsir il-PGT-M jew Pre-implantation Genetic Testing for Monogenic Diseases, waqt li ġenituri prospettivi li għandhom embrijuni krijopriservati barra minn Malta jistgħu wkoll jittrasferixxuhom lejn pajjiżna biex ikomplu bil-proċess lokalment.

Tul id-dibattitu, Mr Fearne wkoll iċċara l-fatt li l-embrijuni li hemm iffiriżati se jiġu kollha impjantati. “Kellna 461 embrijun li kienu ffriżati u ġew impjantati … u għandna numru ta’ embrijuni li huma ffriżati, li kollha hemm il-pjan li jiġu impjantati, għax inti meta tagħmel l-IVF, ma tagħmlux b’kapriċċ. Meta tagħmel l-IVF u tgħaddi minn din il-proċedura kollha, l-embrijuni li jkollok iffriżati tkun tridhom, u allura, iva, l-embrijuni li għandna ffriżati kollha qegħdin ipprogrammati li jiġu impjantati.”

Id-Deputat Prim Ministru saħaq kif Malta għandha u se jkollha r-riżorsi meħtieġa sabiex jitħaddmu l-emendi fil-liġi tal-IVF.

Tul id-dibattitu l-Partit Nazzjonalista, li wkoll illimita ruħu għal ftit kelliema biss, inqabad li lanqas biss kien qara l-emendi li kienu mressqin. Bernard Grech spiċċa saħansitra jirredikola ruħu meta insista li għandha tiddaħħal referenza għal proċedura importanti fil-proċess mediku, dik tal-body polar testing, iżda meta nġibditlu l-attenzjoni li dan kien diġà fl-abbozz li ilu quddiemu ġimgħa u insista biex jiġi identifikat eżatt fejn qiegħed kelma b’kelma, kellu jbaxxi rasu meta din inqratlu mid-Deputat Prim Ministru.

MILL-GRUPP PARLAMENTARI ĦADD MHU LEST JASSISTI LIL GRECH

Perici Calascione, li ma telax fl-elezzjoni u kkontesta għal Kap fl-2017 mingħajr suċċess, jimla t-toqba fl-aħħar nofs siegħa … inqas minn sena ilu tneħħa minn President tal-Eżekuttiv “biex il-PN jiġġedded” u issa se jitwikkew bih Viċi Kap

Il-kariga numru tnejn tal-Partit Nazzjonalista se timtela minn Alex Perici Calascione, biex il-Viċi Kap ta’ Bernard Grech mhux se jkun ġej mill-Grupp Parlamentari tiegħu.

Filwaqt li f’partiti oħrajn jeżisti l-mudell ta’ żewġ viċi kapijiet jew deputati mexxejja, fejn wieħed li jkun iffokat fuq il-partit, jista’ ma jkunx deputat, tradizzjonalment filPN in-numru tnejn dejjem kien Deputat Parlamentari, mhux l-inqas għax mill-Grupp Parlamentari kien iservi ta’ Viċi Prim Ministru meta fil-poter.

Simon Busuttil kien Membru Parlamentari Ewropew meta daħal għal din il-kariga, iżda dakinhar daħal għal ftit xhur peress li kienet ġejja l-elezzjoni u tant kien hemm interess li saħansitra kien hemm elezzjoni taħraq ma’ Tonio Fenech.

Min-naħa l-oħra r-rwol iffokat fil-Partit jaqdih is-Segretarju Ġenerali.

Wara tibdil fl-istatut, il-PN elimina waħda miż-żewġ pożizzjonijiet li sa dawn il-jiem kienu okkupati minn Robert Arrigo u David Agius.

Din id-darba, iżda, l-ebda deputat ma kien lest joħroġ għat-tellieqa u jkun il-Viċi ta’ Grech.

Waqt li Arrigo kien ħabbar mill-ewwel wara t-telfa elettorali tas-26 ta’ Marzu li għadda li m’għandu l-ebda interess li jokkupa xi pożizzjoni oħra fil-Partit, Agius baqa’ jittratieni salaħħar biex jgħid jekk hux se jerġa’ jikkontesta għall-pożizzjoni. Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa mar fuq l-istazzjon tal-Partit stess biex jagħti l-aħbar madwar 12-il siegħa qabel jagħlaq iż-żmien għan-nominazzjonijiet.

Dan kollu qed ikompli jixhed innuqqas ta’ interess u apatija kbira fil-Partit, b’Perici Calascione jaċċetta wara pressjoni, anke għax ilu mħajjar li jilħaq l-ogħla karigi tal-PN. Hu kien ikkontesta għall-kariga ta’ Kap fl-2017, iżda mingħajr suċċess.

Minbarra hekk, hu magħruf ukoll kif il-kontestant għall-Viċi Kap hu qrib tal-establishment jew il-fazzjoni tal-Eks Kap Simon Busuttil u kien jippresiedi fuq l-Eżekuttiv Naz-

BERNARD GRECH … l-ebda deputat ma jrid joffrilu spalla

Avviż Nisa Laburisti

L-Eżekuttiv tan-Nisa Laburisti jixtieq jinforma lill-membri nisa tal-Partit Laburista li l-Konferenza Ġenerali ta’ Nisa Laburisti se tkun qed issir fiċ-Ċentru Laburista l-Ħamrun nhar it-Tnejn, 27 ta’ Ġunju 2022 fis-18:00.

L-aġenda se tkun: 1. Ħatra ta’ Chairperson 2. Qari ta’ Minuti 3. Qari ta’ rapporti 4. Diskors mill-President ta’ Nisa Laburisti 5. Qari ta’ nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti 6. Ħatra ta’ Awdituri 7. Mozzjonijiet/Diskussjonijiet: Tisħiħ Legali – il-Qorti tal-Familja 8. Diskorsi tal-okkażjoni mit-tmexxija tal-Partit

In-nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ Uffiċjali tal-Eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti, kif ukoll mozzjonijiet għall-Konferenza Ġenerali ta’ Nisa Laburisti jiġu milqugħa minn nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju bejn it-08:30 u s-19:30 kif ukoll nhar il-Ħamis, 23 ta’ Ġunju bejn it-08:30 u s-18:00. L-ebda nomina ma tiġi aċċettata wara l-ħin stabbilit skont dan l-avviż.

Numru ta’ deputati li bdew jissemmew fil-pubbliku li setgħu kienu interessati fil-kariga ma damux wisq biex jibdew jaqgħu wieħed wieħed

This article is from: