Il-Pont Jannar 2014

Page 1

Ħarġa numru 16: Jannar, 2014

Editorjal

S

piccat is-sena 2013 u bdiet sena ġdida, issena 2014. Il-PONT daħal fit-tielet sena tiegħu u n-numru ta’ qarrejja dejjem qed jiżdied bħalma qed jiżdied wkoll in-numru ta’ kontributuri. Lil dawn kollha, ĦAJR minn qalbi. Min għandu l-ġabra kollha ta’ dawn is-16-il ħarġa ta’ din ir-rivista letterarja online jaf li IL-PONT ta spazju u leħen lil bosta kittieba, kemm magħrufin kif ukoll inqas magħrufin. Huma kittieba nisa u rġiel, Maltin u barranin, żgħażagħ fiż-żmien u żgħażagħ fil-qalb. Kif diġà bosta jafu IL-PONT għandu l-għan li jservi ta’ punt ta’ kuntatt bejn kittieba differenti, imma anki bejn il-qarrejja u l-kittieba. Però, għan ieħor ta’ IL-PONT huwa li jsaħħaħ l-imħabba lejn il-ktieb u l-qari, u dan fi żmien meta l-ktieb fil-forma tradizzjonali tiegħu donnu qed jitlef mis-saħħa tiegħu, jew għallinqas hemm min jinsisti li dan hu stat ta’ fatt. B’xorti tajba l-industrija tal-ktieb hawn Malta miexja b’ritmu tajjeb, u dan bis-saħħa ta’ għadd ta’ djar tal-pubblikazzjoni imma anki bissaħħa ta’ bosta awturi kuraġġużi li jiktbu u jippubblikaw anki b’sagrifiċċju personali u finanzjarju. Dan minkejja li l-bejgħ tal-ktieb lokalment jista’ jmur ħafna aħjar u minkejja li l-Maltin mhumiex minn ta’ quddiem fost il-popli li jħobbu l-ktieb u l-qari. Ħasra tassew, l-aktar meta wieħed jidħol f’ħanut tal-kotba u jara kemm hemm varjetà kbira fuq l-ixkaffi anki f’rabta mal-ktieb Malti u bil-Malti.

Hemm ktieb għal kull wieħed u waħda minna. Għandna nkunu aħna stess li nagħtu spinta ’l quddiem lill-industrija tal-ktieb billi niftakru li bħala rigali mhemmx biss iċ-ċikkulatini, il-fwiħat, il-ħwejjeġ u mitt elf ħaġa utli u inutli oħra, imma anki l-ktieb, fuq kollox il-ktieb Malti. Il-ktieb hu xi ħaġa tanġibbli li tibqa’. Huwa rigal mhux biss mill-kittieb għall-qarrej, imma anki minn min jagħżlu u jagħtih lil persuna għal qalbu. Il-ktieb jista’ jingħata f’okkażjonijiet bħalma huma l-Milied, il-bidu tas-sena, għeluq snin dak li jkun, imma anki bħala awgurju tajjeb matul issena kollha. Dan jifhmu kull min għandu l-ktieb għal qalbu, u anki kull min siefer barra u daħal fi ħwienet tal-kotba enormi ffrekwentati minn xerrejja u qarrejja li jgħaddu ħin twil iqallbu fl-ixkaffi biex isibu l-ktieb jew kotba adatti kemm għalihom kif ukoll għal persuni importanti f’ħajjithom. Din il-kultura tal-imħabba lejn il-ktieb u l-qari għandha tibda sa minn meta nkunu ċkejknin, mela fil-familja, u tkompli tissaħħaħ fl-iskola. Hemm bżonn li l-lezzjonijiet tal-qari u tal-apprezzament talletteratura jinqatgħu mill-iskemi tradizzjonali u monotoni u jingħataw format ġdid fejn dak li jkun jingħata l-libertà li jagħżel fost għadd ta’ kotba adatti għall-età tiegħu, imma anki l-libertà li jiddiskuti fi grupp b’mod miftuħ dak li laqtu u dak li ma għogbux.


L-AĦBARIJIET SERATA MUŻIKO-LETTERARJA F’ĠIEĦ KELINU VELLA HABER

minn Lina Brockdorff u Josephine Mahoney – li bħal ħafna oħrajn jafu l-bidu tal-karriera tagħhom lil Kelinu Vella Haber.

Nhar id-29 ta’ Novembru 2013, il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Akkademja tal-Malti taw ġieħ lill-Baruni Kelinu Vella Haber f’serata mużikoletterarja f’għeluq il-100 sena minn twelidu. Ilprogramm fetħu Olvin Vella, President talAkkademja tal-Malti, b’diskors li fih radd ħajr lillBaruni Vella Haber għall-kuraġġ u d-determinazzjoni li wera fi żminijiet meta l-Malti kien mirfus. Paul P. Borg, li fl-2003 ppubblika l-bijografija Kelinu Vella Haber – Ħidmietu u l-Moviment tal-Malti, ta ħjiel ta’ ħajjet Kelinu permezz ta’ dokumentarju bilgħajnuna ta’ powerpoint. Il-pjanista Stephen Attard u Daniel Gauci bl-ewfonju ferrħu l-udjenza b’siltieti mużikali ta’ Benedetto Marcello u Astor Piazzolla. Richard Matrenza ta t-tifkiriet tiegħu fuq Kelinu u lMoviment tal-Malti u Patrick Sammut tkellem fuq ilpoeżija ta’ Kelinu Vella Haber. Il-poeżiji ta’ Kelinu Meta Nasal, Ħelsien u Mħabba nqraw minn Dr George Farrugia u Rita Saliba. It-tliet ulied ta’ Kelinu Vella Haber, Frances Arpa, Joyce Darmanin u d-dentist Michael Vella Haber, taw rendikont qasir dwar missierhom bħala bniedem fil-ħajja familjari li jafu huma, u fuq kollox bħala missier. Fil-kelmtejn qosra tiegħu, Kelinu Vella Haber fakkar li disgħin sena ilu, meta kien għadu tifel ta’ għaxar snin, kien qed imut flistess bini fejn kienet qed issir is-serata. Kien ġie jitlob fuqu Mons. Depiro u s-soru qaltlu li issa ma jmutx għax Mons. Depiro kien qaddis. Hekk seħħ u llum fl-għomor venerabbli ta’ mitt sena għadu magħna. Imbagħad mill-memorja qal il-poeżija Barka ta’ Omm miktuba minnu stess. Is-serata kommemorattiva saret fis-sala ewlenija talMinisteru għal Għawdex fost ġemgħa sabiħa ta’ Għawdxin u Maltin. Fi tmiem is-serata, il-President tal-Akkademja tal-Malti ppreżenta lill-Baruni Kelinu Vella Haber trofew sabiħ bħala apprezzament għallħidma sfiqa u bla heda tiegħu b’risq l-ilsien Malti. IlMinistru Dr Anton Refalo fisser kemm kien tassew xieraq li niċċelebraw lill-Baruni Vella Haber b’radd ta’ ħajr għall-ħidma kbira tiegħu f’ġieħ art twelidu u għall-eżempju kbir li tana. Huwa fisser li bħal Kelinu, għandna nieħdu ħsieb inrawmu liż-żgħażagħ għax huma l-qofol u t-tama ta’ pajjiżna. Is-serata tmexxiet

Fuq quddiem jidhru l-Baruni Kelinu Vella Haber flimkien mal-familjari tiegħu.

IMFAKKAR DR GIOVANNI CURMI Nhar l-4 ta’ Diċembru 2013, fl-Iskola Sekondarja Ogħla tan-Naxxar tfakkar il-kittieb, edukatur u poeta Dr Giovanni Curmi, f’għeluq l-40 sena minn mewtu. L-okkażjoni nfetħet b’diskors ta’ merħba mill-Kap tal-Iskola, Ms Mary Attard. Patrick Sammut tkellem dwar il-ħajja u x-xogħol ta’ Dr Giovanni Curmi blgħajnuna ta’ powerpoint. Il-Prof. Joseph M. Brincat kompla billi ttratta l-Ħidma Letterarja ta’ Giovanni Curmi. Marcel Zammit Marmarà qara xi ittri ta’ Giovanni Curmi lil Karmenu Vassallo. Studenti talIskola Sekondarja Ogħla daqqew siltiet muzikali u qraw ukoll poeżija li Giovanni Curmi kien iddedika lil bintu, is-Sa Ileana Curmi, li kienet preżenti għallokkażjoni. Wara sara riċeviment żgħir.

KUNJOMIJIET MALTIN TA’ NISEL TALJAN: ASPETTI GRAMMATIKALI

XI

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2013, fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurriklu, il-Ħamrun, Dr Mario Cassar għamel taħdita dwar kunjomijiet Maltin li ġejjin mit-Taljan u ta spjegazzjoni grammatikali tagħhom. Dawk preżenti saru iktar konxji li mqar fil-kunjomijiet li nġorru wara isimna seħħ proċess lingwistiku sħiħ matul iż-żminijiet. It-taħdita ġiet organizzata millAkkademja tal-Malti u mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu.


L-AĦBARIJIET SERATA KOMMEMORATTIVA F’GĦELUQ IL-25 SENA MILL-MEWT TA’ MARJANU VELLA, POETA Wieħed mill-għanijiet tal-Għaqda tal-Malti – Università huwa li tfakkar awturi Maltin li għamlu ġieħ lil ilsienna permezz tal-kitba. Minħabba li l-2013 kienet il-25 sena mill-mewt ta’ P. Marjanu Vella, nhar it-12 ta’ Diċembru, l-Għaqda organizzat serata kommemorattiva dwar Vella u kitbietu, ġewwa lBiblijoteka Nazzjonali, il-Belt. Il-kelliema kienu Dr Adrian Grima, Dr Bernard Micallef u l-Prof. Oliver Friggieri, li tkellmu fuq kitbiet Vella b’mod akkademiku, filwaqt li Norbert Ellul Vincenti, li kien jaf lill-poeta personalment, kien mistoqsi dwar kif ilkitbiet ta’ Vella għandhom elementi awtobijografiċi. Is-serata kellha għamla ta’ forum. Wara dawk preżenti kellhom ċans jintervjenu. Inqraw ukoll xi poeżiji li Vella kien ippubblika f’Leħen il-Malti, irrivista tal-Għaqda. Wara kien hemm riċeviment żgħir. “GĦALL-KBAR BISS” - ATTIVITÀ MINN VERSAGĦTINI Din l-attività saret nhar l-14 ta' Diċembru fil-Librerija Pubblika ta' Beltissebħ, bejn id-9:00am u s-1:00pm. Kien hemm qari, kemm oriġinali kif ukoll siltiet tradizzjonali mil-Letteratura Maltija. Fost dawk li attendew għall-okkażjoni kien hemm Narcy Calamatta li qara silta mid-dramm tiegħu Meta ħatfu lil Piano, Doris Camilleri li qrat siltiet minn kotba varji tagħha, Rose u Joe Baldacchino (miż-Żejtun) li qraw anki poeżiji miktubin bid-djalett, u Patrick Sammut. L-attività kienet organizzata minn Miriam Cassar, f’kollaborazzjoni mal-Librerija Pubblika ta’ Beltissebħ.

SERATA LETTERARJA DWAR IL-MILIED FIL-LIBRERIJA NAZZJONALI T’GĦAWDEX Nhar il-21 ta’ Diċembru 2013, għadd ta’ kittieba Għawdxin fosthom Joe Camilleri, John Cremona, Charles Bezzina, Dun Ġorġ Mercieca, Anton F. Attard, Joe W. Psaila u Patri Wistin Attard, iltaqgħu flimkien fil-Librerija ta’ Triq Vajrinġa, Victoria, u qraw poeżiji, novelli u leġġendi dwar il-Milied. Il-Kav. Joe M. Attard li ħa din l-inizjattiva, bil-koperazzjoni sħiħa tas-Sur Ġorġ Cassar, l-uffiċjal inkarigat mil-Libreriji f’Għawdex, inkluda wkoll xi xogħlijiet ta’ kittieba Għawdxin li ma għadhomx magħna, fosthom Gorġ Pisani, Patri Mattew Sultana Kapuċċin, il-Kan. Joe Mejlak, u Mary Mejlak, li nqraw minn Antoinette Grech, Francesco Pio Attard, Joseph Galea, Ġorġ Cassar Jr., u Paul Pisani. Is-serata kienet imżewqa mill-kant tal-għanjiet tal-Milied mill-kor tat-tfal, ‘Piccole Stelle’ taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Cefai Spiteri u mill-grupp tal-kitarri tat-tfajliet immexxi minn Monica Marie Parnis. Wara l-programm ilmistednin flimkien mal-parteċipanti qasmu l-awguri u ħadu tazza nbid imsaħħna u xi ħelu tal-istaġun fosthom biċċiet tal-kagħak tal-għasel!

Il-Kav. Joe M. Attard waqt il-Lejla Mużiko-Letterarja fil-Librerija Nazzjonali t’Għawdex

KITTIEB SIRJAN JIRBAĦ PREMJU PRESTIĠJUŻ

Fir-ritratt jidher waqt mill-attività “Għall-Kbar Biss”

Il-kittieb Sirjan Khaled Khalifa rebaħ il-Medalja Naguib Mahfouz għal-Letteratura 2013 li tingħata mill-Università Amerikana fil-Kajr. Khalifa ngħata dan il-ġieħ għar-rumanz tiegħu La Sakakin fi Matabekh Hazehi Al-Madina (No Knives in this City’s Kitchens) li kien ippubblikat fl-2013 minn Al-Ain.


L-INTERVISTA Alfred Massa twieled fl-1938 u joqgħod Ħal Tarxien. Huwa poeta (2 ġabriet poetiċi: Fjur talĠebel, 1994; Diwi fil-Maqdes, 2000), rumanzier (kiteb 10 minnhom, l-aħħar wieħed hu Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda, 2012), novellier, kritiku letterarju u artikolista. Illum hu President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. Kitbietu ġew ippubblikati anki fl-Italja u fl-Amerika, u hu membru ta’ għaqdiet kulturali Maltin u barranin. Meta bdejt tikteb il-poeżija bl-Ingliż u bit-Taljan? Jien l-ewwel ma bdejt nikteb poeżiji bl-Ingliż. Wara, fuq parir tal-Kap tal-iskola fejn kont ngħallem, ilmibki Reggie Vella Tomlin (iben E.B. Vella) bdejt nikteb bil-Malti. Tinsiex, li l-ewwel pubblikazzjoni tal-Għ.P.M. kienet Ġabra poetika bl-Ingliż: A Poetic Galaxy (1983); dak iż-żmien jien kont Viċi President u ħadt sehem fiha b’ħames poeżiji. Minn hemm tħajjart biex kultant issuktajt nikteb xi versi b’Ilsien Shakespeare. Kienet l-Għ.P.M. ukoll li ħajritni nikteb bit-Taljan. Fis-snin tmenin lGħaqda bdiet torganizza l-Premio Città di Valletta li laqqagħna ma’ diversi poeti Taljani. Lejn nofs ittmeninijiet numru ta’ poeti membri tal-Għaqda morna darbtejn Catanzaro u qsamna lideat ma’ numru sabiħ ta’ poeti mis-Sud tal-Italja. Barra minn dan, jien kont immur kważi kull sajf f’raħal (Ispica) fi Sqallija u hemm iltqajt ma’ poeti Sqallin u attendejt għal xi manifestazzjonijiet tagħhom. Tajjeb inżid li dak iż-żmien f’Malta kien hawn interess kbir f’konkorsi poetiċi organizzati minn Għaqdiet Kulturali Taljani; dan kollu kien ħajjarni biex nibda ninseġ versi b’Ilsien Dante wkoll. Żgur li l-kitba ta’ poeżiji b’ilsna oħra tatek lopportunità li tiltaqa’ ma’ bosta kittieba anki lil hinn minn xtutna. Xi tgħid dwar dan? Iva. Kelli diversi okkażjonijiet niltaqa’ ma’ poeti barranin. L-aktar meta sifirt l-Italja. Imma wkoll permezz tal-korrespondenza. F’żgħożiti niftakar iltqajt ma’ Cecil Day-Lewis u anki ma’ xi poeti Franċiżi li kienu Malta għal btala u kont intervistajthom għall-paġna letterarja tal-ġurnal Il-

Alfred Massa

Ħajja li kelli f’idejja. Dawk kienu opportunitajiet sbieħ. Għalhekk, inħeġġeġ it-tmexxija tal-Għ.P.M. biex tibqa’ f’kuntatt ma’ poeti barranin u forsi, kif għamlet fl-imgħoddi, tħajjar uħud minnhom jiġu jżuruna. Għax minn kuntatti diretti bħal dawn wieħed jista’ jitgħallem ħafna. Illum, li m’għadekx il-President tal-Għaqda Poeti Maltin, x’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-poeżija? Sakemm kont membru fil-Kumitat tal-Għ.P.M. dejjem kont fuq ta’ quddiem fl-attivitajiet li kienet torganizza. Tinsiex, jien kelli sehem kbir fit-twaqqif ta’ din l-Għaqda. Meta mbagħad kont President komplejt fejn ħalla l-predeċessur tiegħi u pprovajt (bl-għajnuna ta’ sħabi fil-Kumitat) nesplora attivitajiet ġodda; fosthom li l-Għ.P.M. tiġri wara l-poplu u mhux tistenna l-poplu jiġi għandha. Saru diversi attivitajiet millGħaqda, kif taf int, li ssuktaw jgħollu isem l-Għ.P.M. Ħallejt l-Għaqda ħajja għall-aħħar u hekk għadha u nittama li hekk tibqa’ fil-ġejjieni. Illum ir-relazzjoni tiegħi mal-poeżija għadha ħajja, imma fuq linja personali. L-aktar minħabba raġunijiet li inti tafhom tajjeb. Illum nieħu gost naqra u kultant ninseġ xi versi wkoll. Fejn nista’ għadni nagħti sehem żgħir lill-Għ.P.M. Proġett għall-ġejjieni f’dan ir-rigward? Ix-xewqa tiegħi hi li għad nara l-poeżiji li għandi filkexxun mitbugħin. Ktibt ukoll Oratorjo Ħal Tarxien, Iben Marija li ġie mmużikat minn Mro Hermann Farrugia Frantz. Nittama li jittella’ din is-sena. Tinsiex, il-bniedem ħafna drabi huwa lsir tassitwazzjoni/jiet li jsib ruħu fiha/fihom. Persważ, li inti tifhimni aktar minn ħaddieħor. Jien m’għandix (qatt ma ħlomt li jkolli) ix-xewqa ta’ Shakespeare, li nikteb biex insir immortali; nikteb għall-gost personali u biex inwassal messaġġ pożittiv lillqarrejja. L-intervista sħiħa tista’ tinqara fil-ħolqa http:// patrickjsammut.blogspot.com/2013/12/intervista-ma-alfredmassa.html


ŻEWĠ KOTBA TAĦT IL-LENTI IL-LETTERATURA FITTRADUZZJONI LITERATURE IN TRANSLATION (Faraxa, 2013) huwa xogħol ta’ membri akkademiċi tadDipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, itTerminoloġija, u lInterpretar tal-Università ta’ Malta. Jinqasam f’ħames taqsimiet ewlenin li fihom insibu traduzzjonijiet minn Toni Aquilina, Charles Briffa, Joseph Eynaud, Sergio Portelli u Clare Vassallo. Toni Aquilina jaqleb għall-Malti xogħlijiet ta’ Gertrud Fussenegger u Albert Camus. Charles Briffa jwasslilna xogħlijiet ta’ Thomas Hardy, D.H. Lawrence u William Somerset Maugham, dejjem f’ilsienna. Joseph Eynaud jaħdem bil-kontra billi jaqleb mill-Malti għat-Taljan ix-xogħol ta’ Oliver Friggieri, Kummiedja Din, filwaqt li Clare Vassallo taqleb mill-Malti għall-Ingliż Riħa Differenti u Ir-Riħa ta’ Totò ta’ Pierre J. Merjlak. Min-naħa tiegħu Sergio Portelli jwasslilna fil-lingwa Maltija kitbiet ta’ Jorge Luis Borges, Alberto Moravia u Miguel de Unamuno. Il-ktieb għandu Daħla bl-Ingliż mir-Rettur talUniversità ta’ Malta, il-Prof. Juanito Camilleri, u oħra mill-Prof. Joseph Eynaud bl-isem ta’ “The Future is Multilingual”. Għal kull taqsima hemm Nota qasira tat-tradutturi dwar l-isfond tal-ħajja u l-kitbiet tal-awturi li huma għażlu li jaħdmu fuqhom. Dan il-volum jiċċelebra l-ewwel għaxar snin tad-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, itTerminoloġija, u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta. Juri wkoll l-isfidi li toffri t-traduzzjoni, imma anki l-kapaċitajiet differenti u l-flessibilità tal-ilsien Malti.

VERĠNI SAGRI, DEMONJI U BOLOH GĦAL ALLA KITBIET DWAR ITTEATRALITÀ RELIĠJUŻA (Horizons, 2013) huwa volum mhux tas-soltu: jikkonfronta temi reliġjużi -teatriċi li sa issa qatt ma kienu ttrattati f’Malta. Ilktieb hu riċerkat b’mod fitt imma li xorta waħda jżomm id-dinamiċità li tant qarrejja draw jassoċjaw ma’ Mario Azzopardi. Din id-darba Azzopardi qed juża l-esperjenza teatrali tiegħu biex jintraċċaha flepisodji tal-mistiċi, bl-imġiba straordinarja tagħhom. Hemm min iqis li din tagħhom kienet (jew hi) imġiba patoloġika, ossessjonata u miġnuna. Hi x’inhi, m’hemmx dubju dwar leċċentriċità ta’ bosta qaddisin, kif lanqas ma hemm dubju dwar l-alluċinazzjonijiet demoniċi li ppersegwitawhom. Kollox hu deskritt b’mod grafiku, tant li jista’ jkun li l-ktieb iħawwad lil xi wħud u “jiskandalizza” lil xi oħrajn. Żgur li wara li jaqra dan il-ktieb, il-perspettiva tal-qarrej dwar dak li hu qaddis jew indemonjat se tinbidillu. Għall-ewwel darba f’Malta, il-ktieb iħares lejn il-fenomenu tattnixxija ta’ demm misterjuż li allegatament nixxa mill-feriti ta’ novizz Ġiżwita, bl-imkatar miżmumin fl-arkivji tal-Ġiżwiti fin-Naxxar. F’Appendiċi oriġinali, Azzopardi joħloq abbozz drammatiku bbażat fuq il-każ notorju ta’ Marie-Catherine Cadière kontra l-konfessur tagħha, il-Ġiżwita Jean-Baptiste Girard, akkużat li sseduċieha fl-1731.


FESTIVAL TAL-KTIEB 2013 - POST MORTEM Sur Editur, Qrajt b’interess l-editorjal tiegħek f’Il-Pont ta’ Diċembru li kien jittratta dwar il-Festival tal-Ktieb. Kif għadna nixtarru dan l-avveniment annwali, jekk tippermettili nixtieq ngħaddi ftit kummenti jew aħjar suġġerimenti. Jien mexxejt is-sessjoni Poetry in Action. Ħadt gost ħafna bit-tfal li kelli quddiemi għax rajthom jieħdu interess veru f’dak li konna qegħdin nagħmlu imma l-istorbju tas-sala tellifhom mhux ħażin. Bilkemm stajna nikkomunikaw bejnietna u biex tagħqad maġenbna kien hemm innies jieħdu l-kafè u televiżjoni għaddej kontinwu. Ittfal jibbenefikaw ħafna iktar jekk sessjonijiet bħal dawn ikunu maqtugħin għalihom ’il bogħod millħamba. It-tieni: jien u miexja smajt tifel jgħid lil sieħbu li kellu erbgħin euro biex jixtri l-kotba. Jien naħseb li tfal tal-iskola primarja m’għandhomx jingħataw daqshekk flus f’idejhom biex jonfquhom f’waqt wieħed għax dan iwassal messaġġ ħażin favur l-infiq żejjed u l-ħela. Oħra. Jekk irridu noħolqu opportunità indaqs għal kulħadd, fit-tfassil ta’ dan l-avveniment għandu jingħata attenzjoni speċjali, anzi prijorità lill-kittieb li jkun iffinanzja x-xogħol tiegħu huwa stess għax dan ħafna drabi jkun iż-żgħir li jsib il-bibien magħluqa kull fejn iħabbat matul is-sena u din tkun l-unika okkażjoni xierqa fejn jesebixxi l-ktieb tiegħu u jirkupra ftit mill-ispejjeż li jkun ħareġ. Mill-bqija tħossok f’dinja oħra meta tara l-pubbliku jattendi, jifli u jixtri l-kotba li b’tant dedikazzjoni u tbatija l-kittieb ikun ħaseb biex jistampa għalihom. Grazzi tal-ispazju li tajtni biex nuri fehmti. Therese Pace (Email – 5 ta’ Diċembru, 2013)

rivista Leħen il-Malti. Jiena kkontribwejt għarrivista għall-ewwel darba u kuntenta ħafna. Tislijiet. Mary Chetcuti (Email – 8 ta’ Diċembru, 2013)

Għażiż sieħbi Patrick, Ħajr tar-rivisti li bgħattli. Għoġbuni u intrigawni ħafna. Nittama li għandek ċirkolazzjoni mdaqqsa. Qrajt l-editorjal fuq il-festa tal-ktieb. Jien mort ilfesta tal-ktieb. Fraħt niltaqa’ ma’ għadd ta' kittieba li kollha kellhom xi ħarġa ġdida xi jbigħu. Xtrajt xi ftit kotba żgħar, l-iktar fuq siti storiċi Maltin. L-editorjal tiegħek wera xi ftit nuqqas ta' sodisfazzjon. Għandel raġun. Jien ma nafx min preċiż jorganizza din il-fiera. Ma nafx jekk kull sena jsirx post mortem. U dnub li l-kelma latina mortem qiegħda f'postha hawn. Nixtieq nissuġġerixxi lay-out design ferm iżjed innovattiv u krejattiv minn dak li qed naraw kull sena. Ħabel ta' karrettuni mfawrin bil-kotba bla attrazzjoni speċjali ma jġiegħel lil ħadd iħossu qiegħed f'xi festa. Ħassejt nuqqas ta' għodod elettroniċi interattivi. Ma kienx hemm public relay sound system b'xi mużika u riklami ta' offerti speċjali, eċċ. Il-kafè u siġġijiet fejn tieqaf mistrieħ kienu moħbijin wara nett. Min jieqaf hemm żgur iħossu maqtugħ mill-'festa'. Insomma, is-suq tat-triq ma jtikx sens ta' okkażjoni speċjali. Qisek mort f'suq fuq bankina kif hemm ta' kuljum fejn kull ġnien u xmara barra minn Malta. Ħlief li la ġnien u wisq inqas xmara ma hemm filMCC. Il-ħobż tih lil min jaf jieklu. Jekk le ser nibqgħu fejn konna. Fid-dlam. Sliem.

Sur Editur, Narcy Calamatta (Email – 21 Diċembru, 2013) Qrajt b'interess l-ewwel artiklu ta' Il-Pont li jittratta l-Fesitval tal-Ktieb u nixtieq ngħid li l-attendenza kienet fqira għax il-Festival ħabat fl-istess tmiem ilgimgħa li fih il-Gozo Channel għamlet il-vjaġġi tagħha kollha b'xejn u għalhekk in-nies kbar u żgħar ħatfu l-opportunità ta' Għawdex. L-attivitajiet ta' Malta kollha batew. Jiena għażilt il-Festival u mort is-Sibt. Prosit lill-Għaqda tal-Malti għall-istand u r-

Kull min jixtieq jikteb lill-Editur jew jibgħat materjal relevanti - li m’għandux ikun twil ħafna—jista’ juża dan il-kuntatt: sammutpatrickj@gmail.com Minn hawn nawgura lill-qarrejja ta’ IL-PONT sena 2014 mimlija sliem, saħħa u risq.


IL-POEŻIJI KUNTRASTI Sbieħ is-sonati, l-opri, s-sinfoniji, Għanjiet li jgħaxxqu bl-isbaħ melodiji: ’Mma l-isbaħ għana it-tħaxwix ta’ mewġa, Imħeddla tbus il-blat b’xoffa ħafifa, Jew it-tektik mellies tal-qtar tax-xita, Fuq weraq il-ballut dħul il-ħarifa! Jgħaxxqu l-fwejjaħ ta’ Chanel u l-bqija, Tat-trab tal-ħwejjeġ u tal-bjankerija: ’Mma l-aktar fwieħa ħelwa hi tal-warda, Li toħroġ mill-petali bellusija; Jew dik li toħroġ meta l-ewwel xita, Wara sajf sħiħ ixxarrab il-ħamrija! Sbieħ huma l-kwadri mlewna tal-pitturi, Ġo djar, mużewijiet u armaturi; ’Mma l-isbaħ kwadru tpinġih int, Mulejja, Xħin kull filgħodu tfeġġ ix-xemx bikrija, Imbagħad erħilek tpinġi ieħor isbaħ, Xħin terġa’ tgħib ix-xemx fi ħdan l-għaxija! ALFRED PALMA IL-BARBA Għamnewwel kien tilef is-sieħba li marret titmermer f'demus kollu ndewwa fuq l-Għolja tal-Ħorr. Niftakar, kemm lefaq il-barba f'dik l-għodwa tal-fatma minn min kien iħobb. Kemm niket kien qiegħed isorr. Illum, il-barba, miskin, ukoll qiegħed f'saħħtu inin, u nemmen, li ma jdumx ma jkun jgħodd mal-mejtin. O x'ħasra, jaħasra, għalija il-barba kien ħatar li fuqu tweżint kull meta ħassejtni qed nagħraġ, minkejja li miegħu, elf darba tlewwimt.

Ħalluni inhellel tifħiru, intenni aġiru, minkejja li wasal it-tmiem, għalkemm dak illi nħoss ġewwa fija, mhux faċli li ninsġu fi kliem. CHARLES MIFSUD ĦAJKU Lura lejn id-dar għelieqi kbar u ħodor xi ġmiel ta’ kulur! MIRIAM ELLUL UNA LACRIMA, NELSON... Una lacrima, Nelson, per te che non potevi più piangere per la polvere bianca negli occhi quando la luce abbacinante spaccava le pietre, le idee, i desideri, la speranza di un mondo nuovo dove i colori non fossero separazione, ma armonia, pace, patto fra gli uomini di buona volontà. Con i tuoi pugni, Nelson, colpivi l’ingiustizia anche se i tuoi carcerieri pensavano che stessi picchiando l’aria bastarda della prigionia, là, a Robben Island, con il numero 466/64, vent’anni di sbarre e calce e silenzio. Ma il mare rifletteva il cielo e il cielo era navigato dalle nubi, vele d’acqua e aria, che portavano alla libertà, all’utopia oltre l’orizzonte, quella di un mondo di uguali, tessere del mosaico cosmico. Una lacrima, Nelson, per te che non potevi più piangere, e un pugno di polvere d’oro negli occhi del sogno, nel cuore, dal sole che tutti ci bagna, fratelli senza saperlo. Una lacrima, Nelson… ALBERTO FIGLIOLIA


MINN FUQ L-IXKAFFA LEĦEN IL-MALTI—RIVISTA TAL-GĦAQDA TAL-MALTI—UNIVERSITÀ, GĦADD 32, LXXXII 2013. Din il-ħarġa tinqasam f’żewġ taqsimiet ewlenin: il-Kitbiet Letterarji li fiha tiġbor kemm kitbiet ta’ proża (12 b’kollox) kif ukoll ta’ poeżija (15 b’kollox), u l-Kitbiet Akkademiċi. Din tal-aħħar tinqasam f’żewġ partijiet: hemm parti magħmula minn ħames studji ta’ natura differenti, filwaqt li t-tieni parti tikkonċentra fuq il-poeta Karmelitan Anastasju Cuschieri, bi tliet studji dwaru u poeżija miktuba mill-pinna ta’ Charles Coleiro. Is-sabiħ ta’ pubblikazzjoni kollettiva bħal din hu li tagħti spazju lil kittieba u poeti kemm magħrufa u stabbiliti, kif ukoll oħrajn li għadhom qed jistabbilixxu ruħhom. Wieħed isib ukoll Editorjal miktub minn Emanuel Psaila li jikteb hekk: “Ktieb huwa spjegat biss b’ittri sempliċi [...] Biss dawn l-ittri żgħar waħda ħdejn waħda flimkien jiżviluppaw f’katina qawwija, f’dinja sħiħa maqtugħa għaliha, fi ktieb wieħed mimli ħolm, karattri u immaġinazjonijiet, magħmulin bil-ħila tal-awtur u mill-fertilità ta’ moħħ il-qarrejja.”

FJURI FIR-RIĦ ta’ Anthony Farrugia, 2012. Dan hu rumanz ta’ mitt paġna li jinqasam fi 22 kapitlu. Huwa miktub b’lingwa u stil faċli u mexxej anki għax hu mmirat għall-qarrejja li jixtiequ jaqraw storja interessanti bla ebda tbatija ta’ xejn. It-temi ttrattati huma l-imħabba - dik vera u dik falza -, ilfamilja, l-adozzjoni, it-tradiment, l-egoiżmu, il-maħfra u n-nuqqas tagħha, issuppervja, il-firda u r-rikonċiljazzjoni. Huwa rumanz li jissejjes fuq numru ta’ personaġġi u relazzjonijiet umani differenti bis-sabiħ u l-ikrah tagħhom. Lejn l-aħħar kollox bħal isib postu biex jinħoloq tmiem pożittiv. Kif jikteb l-awtur fil-Kelmtejn Qabel: “bħal fjuri fir-riħ, il-persunaġġi tagħna jkomplu jissieltu biex, ukoll għal ftit, jemmnu li, darba jieqaf ir-riħ, huma setgħu jkomplu jwarrdu, u jinsew li r-riħ ikun waqaf biss għal ftit, iżda kien għadu hemm u seta’ jerġa’ jibda jonfoħ minn ħin għallieħor... Forsi aktar qawwi, u aktar bla ħniena, minn qabel!” Dan hu rumanz li għandu jinżel tajjeb ma’ kull min japprezza kitba nadifa u fl-istess ħin divertenti.

L-GĦANJA TA’ L-IMDINA U POEŻIJI OĦRA ta’ Joe Zammit Tabona, 2003. Isem Joe Zammit Tabona jintrabat l-ewwel nett mal-belt tal-Imdina, u t-tieni malkitba tas–sunett, kemm dak Taljan kif ukoll dak Ingliż. F’dan il-ktieb ta’ ftit iktar minn 50 paġna l-poeta jiġbor 50 poeżija, 4 minnhom bl-Ingliż u l-bqija bil-Malti. Parti kbira minnhom huma sunetti ddedikati lill-Belt Qadima, oħrajn huma miktubin dejjem fuq stil tradizzjonali bir-rima u jittrattaw aspetti differenti bħalma huma poeti Maltin prominenti bħal Ġorġ Pisani u Dun Karm, il-mewt, it-twemmin, u oħrajn. Fid-Daħla kritika l-Prof. Oliver Friggieri jikteb: ”Kemm meta jħaddem il-Malti u kemm meta jinqeda bl-Ingliż, il-poeta jittratta l-kelma bil-qima li tixirqilha. Jorqomha, iħobbha u jixħetha f’postha biex tibni mużajk ta’ ħsibijiet u sentimenti. Ir-rispett tiegħu lejn ilkelma xierqa, mogħtija x-xeħta klassika, hi turija ta’ rispett li jixraq lis-suġġett magħżul, it-tema fundamentali li tgħaqqad lill-poeżiji kollha f’paġni ta’ ktieb wieħed.”


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.