Il-Pont Novembru 2012

Page 1

Ħarġa numru 2: Novembru, 2012

Editorjal rrid nammetti li l-ewwel ħarġa ta’ ILPONT intlaqgħet tajjeb tassew. Jiena bgħattha lil għadd imdaqqas ta’ ħbieb li naf li jinteressaw ruħhom fil-letteratura permezz tal-posta elettronika, u huma reġgħu bagħtuha lill-ħbieb tagħhom. Hekk iċ-ċirku tal-qarrejja kiber iktar u nemmen li għad jinfirex iktar. Dan jagħmilli bosta kuraġġ biex inkompli naħdem fuq pubblikazzjoni elettronika bħal din.

I

Kif qed taraw mela l-idea tal-”pont” jew kuntatt bejn qarrejja u kittieba bdiet diġà taħdem. U minn dak li qrajt mill-kummenti li rċevejt dan il-kunċett se jkompli jissaħħaħ aktar ma ż-żmien jgħaddi. IL-PONT huwa miftuħ għal kull min għandu materjal relevanti u ta’ ċertu livell u interess u jixtieq jaqsmu ma’ nies oħra li jinteressaw ruħhom fl-istess qasam tal-letteratura in partikolari, u tal-kultura in ġenerali.

Imbagħad kien hemm bosta li bagħtu l-kummenti tagħhom biex jifirħuli u jiżżuni ħajr ta’ din l-inizzjattiva. Oħrajn għamlu pass ’il quddiem u saħansitra bagħtuli materjal relevanti għal din ir-rivista. Huwa materjal li parti minnu qed jidher f’din it-tieni ħarġa. Lil oħrajn ktibtilhom lura u għedtilhom ilestu biex xi darba jew oħra jwieġbu għal sett ta’ mistoqsijiet għal intervisti oħra li jidhru filħarġiet ta’ IL-PONT tal-ġejjieni u wegħduni li se jikkollaboraw. Lil dawn kollha nirringrazzjahom minn qalbi.

Nerġa’ nfakkar li kull min jixtieq jikteb lillEditur jew jibgħat materjal relevanti - li m’għandux ikun twil ħafna—jista’ juża dan il-kuntatt: sammutpatrickj@gmail.com


L-AĦBARIJIET LEJLA TA’ POEŻIJA F’ĠIEĦ ANTON BUTTIGIEG Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Ottubru 2012, l-Għaqda Poeti Maltin, tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-“Poeta tanNatura”, Anton Buttigieg. Din id-darba l-post magħżul kien ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone filMosta (li llum hu wkoll Ċentru Kulturali Nazzjonali), immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Illejla tmexxiet mill-P.R.O. tal-Għ.P.M., Miriam Ellul. Id-diskors tal-ftuħ sar mill-President ta’ din l-għaqda, Charles Magro. Hu qal li hu xieraq li jitfakkar il-mitt anniversarju mit-twelid ta’ dan il-poeta li kien ukoll President ta’ Malta. Fakkar li Buttigieg kiteb bosta poeżiji dwar in-natura għax hemm kien isib is-serħan u l-armonija, filwaqt li kien jemmen li l-bniedem ftit għandu post fil-versi tiegħu ladarba dan hu sinonimu ta’ qirda. Wara nqraw bijografija ta’ Anton Buttigieg u studju kritiku dwar il-forom metriċi u prosodiċi mħaddma minn dan il-poeta matul is-snin. Il-membri tal-Għ.P.M. qraw għadd ta’ poeżiji kemm miktubin mill-istess Anton Buttigieg, kif ukoll poeżiji oriġinali miktubin minn xi membri tal-Għ.P.M. u persuni preżenti - ispirati minn dan il-poeta romantiku. Għal din is-serata kienu preżenti t-tliet ulied ta’ Anton Buttigieg: Dr. John Buttigieg, is-Sinjura Rose Brincat u Dr. Emmanuel Buttigieg, magħruf ukoll bħala Manol. Dan tal-aħħar qara tliet poeżiji minn tiegħu ddedikati lil missieru, filwaqt li Dr. John Buttigieg irrakkonta xi aneddoti interessanti dwar meta kien

Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. flimkien mal-familja Buttigieg.

jgħix ma’ missieru fil-Ħamrun. Għal darb’oħra l-intervalli mużikali tħallew f’idejn il-kantanta lirika Analise Sciriha li żewqet is-serata billi kantat għanjiet klassiċi b’ilsna differenti. Wara s-serata kien hemm bibita għal dawk li attendew. SERATA F’ĠIEĦ ANASTASJU CUSCHIERI F’GĦELUQ IL-50 SENA MINN MEWTU F’għeluq il-50 sena mill-mewt ta’ Anastasju Cuschieri O. Carm., nhar il-24 ta’ Ottubru, 2012, id-Dipartiment tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti (Università), bl-għajnuna ta’ għadd ta’ studenti talMalti, tellgħu taħdita fil-librerija tal-Università ta’ Malta. Il-kelliema kienu Rev. Dr Charlò Camilleri O. Carm. li tkellem dwar il-poeta Cuschieri bħala figura intellettwali li fiha ngħaqdu ħafna ħiliet akkademiċi, poetiċi u politiċi; Dr Josette Attard li tkellmet dwar Cuschieri bħala filosofu u dwar il-kitbiet estetiċi tiegħu; u s-Sur Charles Coleiro li tkellem dwar il-poeta mil-lat personali. Dakinhar infetħet ukoll wirja ta’ manuskritti, ritratti u kotba f’rabta malpoeta tal-Madonna u tal-Kelma Maltija. Din il-wirja damet miftuħa fil-librerija tal-Università sal-31 ta’ Ottubru.

Marcel Zammit Marmarà u l-panel li tkellem dwar Patri Anastasju Cuschieri.


L-AĦBARIJIET MALTA TIEĦU SEHEM GĦALL-EWWEL DARBA FIL-FESTIVAL TAL-LETTERATURA “TANPINAR” F’ISTANBUL, IT-TURKIJA. Il-Festival tal-Letteratura, TANPINAR, (ITEF) joffri opportunità lil dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura. Il-partiċipanti jiġu minn madwar għoxrin pajjiż. Dan il-festival, imsemmi għall-kittieb famuż Ahmed Hamdi Tanpinar, issa wasal fir-raba’ sena tiegħu u sar f’erba’ bliet fit-Turkija, li huma Istanbul, Ankara, Izmir u Hatay. Din is-sena Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’dan il-festival u d-delegazzjoni Maltija kienet tikkonsisti minn Charles Casha bħala awtur u Joyce Grech, id-direttur Eżekuttiv talKunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Wara waħda mil-laqgħat li Charles Casha kellu fl-iskola Istek, huwa kellu intervista qasira minn ġurnalista tat-TV għall-programm tat-Tfal. FilKonsulat Casha kellu wkoll żewġ intervisti minn żewġ ġurnalisti, Hande Kurt mill-Voice of Tourism u Ozkan Altintas mitTurkiyeturism.com. Huwa tkellem dwar il-karriera tiegħu, il-kotba li kiteb u Malta. Joyce Grech kellha wkoll intervista minn Ozkan Altintas dwar l-industrija tal-pubblikazzjonijiet f’Malta u l-qagħda ġenerali tal-kotba f’Malta. Għal aktar tagħrif dwar l-ITEF wieħed jista’ jara l-website : www.itef.com.tr

Id-delagazzjoni Maltija kellha l-opportunità li tiltaqa’ ma’ awturi minn pajjiżi Ewropej u tiddiskuti dwar il-kitba, it-traduzzjoni, l-industrija tal-pubblikazzjoni u l-bejgħ u r-reklamar tal-kotba. Bħala awtur Charles Casha kellu żewġ żjarat flIskola Istek Bilge Kagan (Skola Privata) fejn kellem lill-istudenti dwar il-karriera tiegħu bħala kittieb, dwar Malta u l-Ilsien Malti, u wieġeb diversi mistoqsijiet interessanti li għamlu l-istudenti u xi għalliema. Joyce Grech ħadet sehem attiv f’diskussjonijiet organizzati mill-Grupp Professjonali tal-Festival, fejn ġew diskussi problemi li għandhom x’jaqsmu mal-Industrija tal-Pubblikazzjoni u diffikultajiet li jinqalgħu fit-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji minn ilsien għal ieħor. Din iż-żjara setgħet issir biss bil-għajnuna talOrange Travel Group u s-sapport kontinwu tasSur Reuben Gauci, Konslu Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul.

Charles Casha fl-iskola Istek flimkien ma’ awtur Irlandiż (Conor) u l-istudenti.

IL-FIERA TAL-KTIEB FIL-BELT VALLETTA Bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru 2012 se jkun hemm il-Fiera tal-Ktieb. Bħal kull sena din se tkun okkażjoni fejn eluf ta’ Maltin ikunu jistgħu jixtru għadd ta’ kotba li jittrattaw kull suġġett u b’ilsna differenti. Niftakru li llum għandna disponibbli wkoll eluf ta’ kotba bil-Malti u dwar Malta. Niftakru li x-xahar li ġej jasal il-Milied. Nagħtu ktieb bħala rigal li min nixtiqulu t-tajjeb.


L-INTERVISTA Emmanuel Attard Cassar

E

mmanuel Attard Cassar twieled fl-1956 fi Gwardamangia. L-ewwel 41 sena tiegħu għexhom fil-Furjana sakemm iżżewweġ u mar joqgħod il-Qrendi, imma llum joqgħod Ħ’ Attard. Hu u martu Maria għandhom żewġt itfal (adottati) li jisimhom Valentina u Jack. Iggradwaj mill-Università ta’ Malta bħala għalliem tal-Matematika. Permezz ta’ scholarship mogħti mill-Gvern Taljan studja ġewwa Pisa fejn iggradwa fix-Xjenza tal-Informazzjoni. Illum jgħallem dan is-suġġett fil-Junior College. Liema huma dawk it-temi li tikteb dwarhom? Liema stili ta’ kitba tuża l-aktar fi vrusek, dawk tradizzjonali jew dawk moderni? Għaliex dan? L-istil tal-poeżija tiegħi hu l-aktar dak tal-vers ħieles. Il-poeżiji tiegħi normalment ikunu qrib it-tletin vers u ġieli anki iqsar. Nikteb l-aktar dwar it-temi li wara kollox huma universali: il-familja, l-imħabba u temi soċjali. Fil-proża nikteb l-aktar dwar temi soċjali b’referenzi politiċi. Nikteb ukoll stejjer umoristiċi. Ngħid ukoll li nħobb inkun ċar f’dak li nikteb. Meta naqra niddejjaq meta ma nifhimx u allura niddejjaq jekk xi ħadd ma jifhimx dak li nikteb. Hawn min jgħid li kitba irid jinterpretaha min jaqraha qisu li tnejn jistgħu jinterpretaw b’mod oppost l-istess kitba. Dan l-istil modern lili ma jogħġobnix. Kif għidt qabel, meta naqra rrid nifhem u meta nikteb irrid min jifhimni.

li ma jkunux magħrufa minn kulħadd. Imma dan ma jfissirx li min m’għandux dan it-tagħrif ma jistax jifhem l-istorja. Poeżija tajba nħoss li għandu jkollha ritmu u espressività li jridu jikkumplimentaw lil xulxin. Ir-ritmu hu importanti bħalma hi importanti l-vuċi meta titkellem. Tista’ tkun vuċi baxxa imlissna b’dispjaċir jew għolja mlissna birrabja. Dan, naturalment, irid jinħass fil-kitba. Imbagħad hemm l-espressività. Hawn tgħin ħafna l-metafora għalkemm mhix bilfors neċessarja dejjem. Naħseb li kittieb jew poeta kbir hu f’dan il-qasam li jinqata’ mill-oħrajn f’dak li hu livell letterarju. Tnejn jistgħu jikkundannaw il-gwerra, per eżempju, imma wieħed jista’ jesprimi dak li qed jgħid b’lingwaġġ superjuri.

Naf li inti kont spiss involut attivament f’Għaqdiet Letterarji differenti. X’inhu s-sabiħ ta’ impenn bħal dan? Hu dejjem sabiħ li inti tkun preżenti fl-għaqdiet letterarji b’mod attiv, impenjattiv u kreattiv. L-għaqdiet naħseb li huma importanti ħafna. Jiena kelli ħafna opportunitajiet naqra xogħlijiet minn tiegħi f’diversi attivitajiet ma’ Malta u Għawdex (naturalment bħal ħafna oħrajn). Dan tani l-opportunità wkoll nisma’ xogħlijiet ta’ oħrajn li xi wħud minnhom kienu barranin.

Temmen li l-poeżija għandha tkun kumplessa, ermetika, diffiċli biex tinftiehem? X’għandhom ikunu l-elementi ewlenin li jagħmlu poeżija tajba skond inti? Diġà tajt tweġiba għal dan. Ma naqbilx mal-ermetiżmu. Jista’ jkun eżerċizzju akkademiku interessanti. Jista’ jipprovoka analiżi psikoloġika li twassal għal xi għarfien. Iva. Imma ma naħsibx li barra ċ-ċirku tal-istudjużi din it-tip ta’ kitba għandha xi validità. Għalija l-kitba trid tkun mifhuma minn kulħadd. Dan ma jfissirx li se tkun mifhuma minn kulħadd fuq l-istess livell. Per eżempju, storja jista’ jkollha tifsiriet kulturali u storiċi

L-intervista sħiħa tista’ tinqara f’dan il-link: http://patrickjsammut.blogspot.com/2012/10/intervista -ma-emmanuel-attard-cassar.html


L-IMĦABBA U L-POEŻIJA MAL-MESSA TAL-IMĦABBA KULĦADD ISIR POETA — PLATUN

P

latun kien filosfu Grieg, u l-kelma tiegħu hi kelma ta’ għerf, kelma ta’ min jomgħodha u jixtarrha sew. Din is-sentenza tiegħu donni nħoss il-bżonn li, flok minn rasha naqbadha minn denbha. Se nħares l-ewwel lejn il-kelma “poeta”. Min hu l-poeta? Għalija poeta hu dak li għandu qalb nobbli, qalb mimlija sentiment, qalb li tħoss u tirreaġixxi għal dak li jseħħ madwarha, qalb li tifraħ ma’ min jifraħ u tibki ma’ min jibki. F’dan is-sens wiesa’ kulħadd jista’ jkun poeta. Imbagħad hemm xi wħud li s-sentimenti u l-ħsibijiet profondi tagħhom ikunu kapaċi jsarrfuhom f’kitba artistika. Dawn huma l-poeti fis-sens dejjaq tal-kelma.

l-imħabba fraterna (bejn l-aħwa) li wkoll jispiraw il-poeżija imqar jekk biss fis-sens wiesa’ li ġa semmejna fil-bidu. Hemm ukoll l-imħabba ta’ bejn il-ħbieb, kemm bejn persuni tal-istess sess u kemm bejn oħrajn ta’ sess differenti. Qed nifhem ngħid imħabba li tibqa’ biss fuq livell ta’ sentiment, u xejn fiżiku. Persuni li japprezzaw it-tajjeb ta’ xulxin, jifhmu u jgħinu lil xulxin, iħossu għal xulxin f’imħabba reċiproka… ’il bogħod ferm mill-imħabba erotika u sesswali.

Imma l-kitba artistika waħidha, bla sentiment, bla ħsieb profond, ma tagħmlekx poeta. Wieħed li jikteb versi ta’ dan it-tip, versi bla sentiment u bla emozzjoni, ma jistax jissejjaħ poeta fil-veru sens talkelma. Jista jissejjaħ “qabbiel” jew “versifikatur”, imma mhux poeta.

Din it-tip ta’ mħabba tissejjaħ sewwa sew “Imħabba Platonika”, u nemmen li Platun għaliha wkoll kien qiegħed jirreferi bis-sentenza li qegħdin nikkunsidraw. Fil-“Miklem Malti”, id-dizzjunarju monumentali ta’ Erin Serracino Inglott, l-awtur jiddeskrivi l-imħabba platonika bħala “sentiment għoli, nobbli, maħlul minn kull ġibda sesswali.” F’din il-linja hija magħrufa l-imħabba anki ta’ qaddisin kbar bħalma huma San Franġisk t’Assisi u Santa Kjara, San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża ta’ Avila. Kif ukoll San Ġwann Bosco u Don Rua. U biex insemmu tnejn Maltin kellna wkoll lil San Ġorġ Preca u Ewgenio Borg.

U l-imħabba? L-imħabba hija dik li tispira u tanima l-poeta, speċjalment dak liriku. Wieħed mill-ewwel tiġih f’rasu l-imħabba konjugali, jew matrimonjali, li twassal biex mara u raġel tant isiru jinħabbu li jingħataw kompletament lil xulxin fiż-żwieġ, għaqda li twassal għall-prokreazzjoni tal-ulied. Ilkoll nafu kemm din l-imħabba wasslet biex inkitbu poeziji sbieħ, mimlijin emozzjoni.

Barra mit-tipi differenti ta’ mħabba li semmejna hemm ukoll dik li tissejjaħ virtù teologali — l-imħabba lejn Alla. Inkitbu volumi sħaħ ta’ poeżija religjuża imsejsa fuq l-imħabba lejn Alla. Fil-kitba mistika tal-qaddisin li għadna kif semmejna tinħass sew il-lehma poetika. San Ġwann tas-Salib huwa meqjus bħala poeta mistiku kbir, u huwa wkoll wieħed mill-qaddisin protetturi tal-poeti.

Imma l-imħabba li twassal għal poeżija mhux bilfors tkun imħabba konjugali. Tista’ tkun imħabba lejn innatura, ngħidu aħna. Biżżejjed insemmu poeti bħal William Wordsworth u Anton Buttigieg li kienu tant ispirati min-natura fil-poeżija tagħhom. Tista’ tkun imħabba lejn il-patrija — niltaqgħu ma’ ħafna poeżiji patrijottiċi, anki fil-letteratura Maltija. Tista’ tkun ukoll imħabba lejn il-ġustizzja, lejn il-verità… u l-bqija.

San Ġwann l-Evanġelista jgħidilna li “Alla hu mħabba, u min iħobb huwa mwieled minn Alla u jagħraf ’l Alla.” U la Alla huwa mħabba, Alla huwa wkoll poeta. Alla nnifsu huwa poeta kbir, mhux biss minħabba li l-versi poetiċi tiegħu huma mxerrdin mal-Bibbja ispirata minnu, imma wkoll għax hu, bħal kull poeta veru, ħalaq, u għadu joħloq, is-sabiħ u l-artistiku.

Imma anki jekk inħarsu lejn l-imħabba bħala sentiment bejn żewġ persuni nsibu diversi tipi ta’ mħabba barra dik konjugali. Hemm, ngħidu aħna, l-imħabba filjali (bejn il-ġenituri u l-ulied) u

Kif qal Platun, l-imħabba, hi ta’ liema xorta hi, għandha dejjem twassal għall-poeżija.

Carmel G. Cauchi


KIF TINQARA POEŻIJA IT-TEKNIKA FIL-POEŻIJA MOQRIJA

B

ħal kull mestier ieħor, il-qari għandu l-mod propju u adattat ta’ kif isir biex wieħed jieħu l-aħjar frott minnu. Hemm il-qari ta’ malajr bħal meta wieħed ikun jaqra riċetta, lista tax-xiri jew titlu ta’ artiklu f’ġurnal u hemm il-qari fit-tul li jrid jinqara bil-mod biex wieħed jifhem tajjeb u jsegwi l-istorja. Meta niġu, imbagħad, għall-qari, jew aħjar, għad-deklamazzjoni tal-poeżija, dan japplika iktar u iktar. Il-qari tal-poeżija jeħtieġ teknika iktar raffinata. X’nifhmu b’teknika? Hija l-mod tajjeb ta’ preparazzjoni għall-qari u esekuzzjoni tajba tal-qari fih innifsu.

X’inhi l-poeżija? Għalija l-poeżija hija bħal messaġġ li jkun ġie miktub bil-code u bħala tali jista’ ma jiftiehemx mill-ewwel minn min jiġi f’idejh. Issa jekk tirċievi messaġġ li jkun miktub bil-code, biex tispjegah l-ewwel trid tkun tifhem il-code biex tasal tifhem xi jrid jgħid il-messaġġ, imbagħad tkun tista’ tfiehmu lil ħaddieħor. Hekk, mela, il-poeżija trid l-ewwel tinftiehem sewwa mill-qarrej biex jieħu l-messaġġ tagħha li mbagħad ikun jista’ jwasslu lis-semmiegħa. Hu diġà diffiċli li tifhem poeżija sewwa mill-ewwel għax il-poeżija minnha nfiha taf tkun xi ftit ermetika u indeċifrabbli, aħseb u ara kemm hu diffiċli biex tfehemha permezz tal-qari lil min m’għandux it-test quddiemu. Għalhekk hemm xi affarijiet li wieħed jinħtieġ li jwettaq biex dak li jaqra jkun mifhum u apprezzat kemm jista’ jkun. Fil-fehma tiegħi dawn huma: 1. Jaqra t-test ħafna drabi fil-privat minn qabel sakemm jifhem il-messaġġ tal-poeżija; 2. Jiftaħ ħalqu sewwa waqt il-qari u jaqra b’leħen għoli biżżejjed biex jinftiehem; 3. Joqgħod attent għall-punteġġjatura u josservaha dejjem hekk li fejn tinħtieġ pawsa jagħmilha u fejn tispiċċa sentenza jagħmel waqfa itwal; 4. Jgħolli u jbaxxi l-vuċi skont il-ħtieġa tat-test

mhux b’tali mod li tagħmilha drammatika żżejjed imma biżżejjed biss tenfasizza fejn meħtieġ biex l-emozzjonijiet li jrid iwassal jittrażmettihom eżatt kif xtaq l-awtur. (Waqfa f’ħin mhux suppost tista’ tbiddel tifsira kompletament); 5 Għandu jieħu l-ħin tiegħu, ma jaqrax jgħaġġel biex jagħti ħin lis-semmiegħ jassorbi t-test. Il-qarrej għandu jkun konxju tar-responsabbiltà li jġorr biex it-test jitwassal bl-iktar mod xieraq u espressiv li jistħoqqilha kull poeżija, li hija waħda mill-forom tal-arti l-iktar eletta, biex jgħin kemm jista’ lis-semmiegħ jasal għall-messaġġ mixtieq. Qarrej li ‘jomgħod’ il-kliem jew jaqra b’ton monotonu jew b’vuċi baxxa wisq jew ma jimxix mar-ritmu tal-poeżija jissogra li jrendi l-isbaħ poeżija f’passaġġ medjokrI u jtellef l-interess fludjenza. Dan kollu jgħin jew itellef milli poeżija tolqot il-moħħ u l-qalb ta’ min jismagħha. Għaldaqstant, il-poeta, il-poeżija nnifisha, kif ukoll il-qarrej flimkien għandhom sehem importanti biex poeżija ssib alloġġ f’qalb is-semmiegħ u ssorġi hemm għal dejjem bla ma tintesa. Therese Pace

Therese Pace taqra poeżija minn tagħha waqt waħda mil-Lejliet ta’ Poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin.


IL-POEŻIJI L-GĦASFUR LI MA TARX...

PASSI FUQ IR-RAMEL

X’tagħmel ja għasfur ċkejken imwerwer b’rixek għadu tiela’ qalb tiben f’bejta sħuna jekk żiffa riħ ittajrek mill-ventilatur u taħt ir-riħ fiż-żliq tat-triq issabbtek?

Il-passi tat-tfal fuq ir-ramel jirfsu tal-kbar u tal-kbar jirfsu tat-tfal mingħajr ħsieb u distinzjoni u l-mewġa tidħol inkiss inkiss u tkaxkar magħha l-passi skont ir-riħ u d-direzzjoni, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni. JOE AXIAQ L-Awstralja

X’tagħmel ja għasfur ċkejken jekk ommok bieżla tnaqqar żerriegħa mbierka bl-insettiċida?

I BAMBINI Un bastimento di stelle cavalca l’azzurro dei bambini - lievito che scivola dalle mani e si spande in galassie nuove-. Da timidi germogli sbocceranno forse forti liane, ma intanto il candore del sentimento mi lascia ancora occhi di speranza.

X’tagħmel ja għasfur ċkejken jekk ’l ommok tfittex l-ikel qalb ix-xagħri fuq l-irdum qrib l-għadajjar qalb il-friegħi, jiftħulha qalbha beraħ bid-demm itir u rix magħqud u ċomb qalil u nar? X’tagħmel għasfur ċkejken jekk tħallik tmut ftit ftit?

PAOLA MARA DE MAESTRI Sondrio, Italja

PAUL P. BORG

LIMERIKK

ĦAJKU

Fanfarun, u kien kburi għall-aħħar L-għaxqa tiegħu min lilu jfaħħar; Bena wkoll monument Għal dak l-aħħar mument… Taħt it-trab bħal kulħadd fih issakkar.

Poeta jogħxa b’xena ssaħħar bla jaħseb l’hu parti minnha. FRANK ZAMMIT L-Awstralja JOE SANT


MINN FUQ L-IXKAFFA L-ALTRUWISTA ta’ Salv Sammut, Pubblikazzjoni Bronk, 2012. Minn kliem Noel Grima: “Stejjer żgħar, dwar nies żgħar, individwi mitlufin jgħixu l-ħajja tagħhom kif tiġi, ir-relazzjonijiet kobba mħabbla bejniethom. Malta li qed tinbidel, imma li għadha dak li minn dejjem kienet. Esperjenzi li jmorru aktar ’l hemm minn xtutna. Ġenerazzjoni wara oħra, kull waħda bil-problemi tagħha u bilkumplikazzjonijiet tagħha. Stili ġodda ta’ ħajja jieħdu post stili tal-passat. Imma l-kuntentizza la kienet teżisti fl-imgħoddi u lanqas illum. Jew aħjar illum jgħadduha kif kienu jgħadduha fil-passat.” Minn kliem Albert Marshall: “… huwa rumanz li jesplora temi skomdi b’kuraġġ u b’awtorità. Sammut jinseġ rakkont mexxej imnebbaħ minn problemi soċjali reali …”

NISMAGĦHEM JGĦIDU… Vol. 2 ta’ Paul P. Borg, 2012. Mill-qoxra ta’ wara: “Dan it-tieni volum jerġa’ joħodna fl-imgħoddi tal-ħajja Maltija biex inkunu nafu sewwa fejn ninsabu llum u fuq kollox fejn irridu naslu. Dan hu dokument soċjali mimli tagħrif li juri l-Maltin min huma u xi jgħidu. It-tagħrif inġabar qabel jintilef darba għal dejjem ma’ kull xiħ u ma’ kull xiħa li jmutu […] B’din is-sensiela, Paul P. Borg ikompli bil-ħidma etnografika tiegħu fil-kuntest Malti li kien beda bi Snajja’ u Xogħol il-Maltin u b’kitbiet oħrajn. Din hi ġabra ta’ qari mimli interess u tagħrif għal kulħadd, l-aktar għaż-żgħażagħ u studenti biex jitgħallmu fuq l-ambjent u l-kultura Maltija, kif ukoll fuq ġrajjiet, artiġġjanat u ħidmiet li issa nqatgħu mill-ħajja tagħna darba għal dejjem.”

DIJA—LIRIKA 2007-2010 ta’ Joe P. Galea, Carmelite Insitiute Malta, 2011. Minn kliem Charlò Camilleri, O. Carm.: “F’din il-ġabra, ir-ruħ donnha tinsab għal dejjem imsallba fuq is-salib tad-dlam tal-fidi u fid-dlam tad-dubju, li jfakkarna fit-tiġrib u d-dlam tal-eżistenzjaliżmu reliġjuż ħiereġ mill-esperjenza tat-tixjin u tal-illużjoni […] Aktarx li huwa f’dan l-aspett partikulari li l-lirika ta’ Galea tagħti nifs u leħen lil dawk l-Insara li f’pajjiżna ma jsibux lilhom infushom fil-kuntest tal-Kattoliċiżmu lokali mgħobbi aktarx bil-piż tat-tradizzjonaliżmu, tad-devozzjonaliżmu, u xi minn daqqiet tal-moraliżmu. L-esperjenza eżistenzjali mperrċa quddiemna f’dawn il-vrus tiftaħ ukoll it-triq f’pajjiżna għad-djalogu mal-kurrent tal-eżistenzjaliżmu ateu—dak soffert, mhux dak banali— maqbud bla tama bħal f’labirint.”


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.