Viżta Pastorali tal‑Arċisqof
fil‑Parroċċa ta’ Ħal Safi
www.knisja.mt Ritratti tal-Viżta Pastorali: www.knisja.org/ritratti
5 – 7 TA’ MEJJU 2018
Messaġġ ta’ Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-Viżta Pastorali fil-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi Għeżież membri tal-Parroċċa ta’ Ħal Safi, huwa ta’ ferħ kbir għalija li niġi f’din il-Parroċċa għażiża għall-Viżta Pastorali. Il-komunità parrokkjali li tnisslet fis-seklu sittax kellha l-bidu tagħha fix-xewqa ta’ komunità żgħira ta’ nies marbuta mal-ħidma tal-art. Ħassew il-bżonn li ma jkunux magħqudin biss fuq livell soċjali iżda wkoll bħal nies li jemmnu u li jixtiequ l-grazzja ta’ Alla permezz tas‑sagramenti. Riedu jkunu magħrufa huma wkoll li kienu mxennqa għas-sema pajjiżhom. Ir-rabta mal-Appostlu Missierna, fil-mument tal‑konverżjoni tiegħu, kienet sa mill-bidu u għadha sal-lum. Huwa mument li jqanqalna nħarsu lejna nfusna biex, filwaqt li nħossuna kburin mill‑imgħoddi tagħna u minn dak li ħadmu għalih u qalgħu missirijietna, napprezzaw il-preżent u nħarsu b’tama u b’entużjażmu lejn il-ġejjieni, konvinti mill‑grazzji li għandna minn Alla u mill‑ħajja tagħna ta’ aħwa, taħt il‑ħarsien, bit-tagħlim u bl‑eżempju ta’ Missierna San Pawl. Matul din il-Viżta Pastorali nixtieq immiss b’idejja r-realtà li qed tgħixu bħala komunità Nisranija u nitlobkom tgħinuni nifhimha iżjed. Bħala l-Isqof tagħkom imsejjaħ minn Ġesù biex jagħti ħajtu għalikom; nixtieq niltaqa’ magħkom bħala komunità Nisranija, niltaqa’ magħkom bħala Nsara li tgħixu f’din il‑parroċċa għażiża. Ser niltaqa’ mat-tfal, maż-żgħażagħ, mal-familji; ser niltaqa’ magħkom ilkoll, b’mod speċjali l-morda u l-anzjani. Nixtieq li ż-żjara tiegħi fostkom bħala l-Isqof tagħkom tkun esperjenza sabiħa għalina lkoll. Il‑Mulej iberikkom. X Charles J. Scicluna Arċisqof ta’ Malta
Stedina Is-Sibt 5 ta’ Mejju 5:45 pm 6:30 pm 7:45 pm
L-Arċisqof jamministra s-Sagrament tal-Qrar fil-Knisja Parrokkjali. L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali u wara jiltaqa’ ma’ dawk preżenti. L-Arċisqof jiltaqa’ mal-operaturi pastorali għal laqgħa ta’ djalogu fil-M.U.S.E.U.M. tas-subien.
Il-Ħadd 6 ta’ Mejju 9:15 am L-Arċisqof jamministra s-Sagrament tal-Qrar fil-Knisja Parrokkjali. 10:00 am L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa li għaliha huma mistiedna t-tfal, l-adolexxenti u l-katekisti, fil-Knisja Parrokkjali. 11:30 am L-Arċisqof jiltaqa’ mal-Kunsill Lokali u rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili għal laqgħa ta’ djalogu fis-sala tal-Każin tal-Banda San Pawl. 7:30 pm L-Arċisqof jiltaqa’ maż-żgħażagħ għal laqgħa ta’ djalogu fis-sala tal-Kunsill Lokali. It-Tnejn 7 ta’ Mejju 10:30 am L-Arċisqof jiltaqa’ mal-istudenti u l-istaff tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ San Benedittu. 12:15 pm L-Arċisqof iżur lis-sorijiet Dumnikani għat-Talb ta’ Nofs il-Jum fil-kappella tagħhom b’ringrazzjament lil Alla tal-Viżta Pastorali.