4 minute read
STEFANO DOMENICALI - Il-Kap tal-F1, għamel żjara f'Malta
from Roti March 2021
by Union Print
minn PIERRE P. VELLA
Waqt li tkunu qegħdin taqraw dan l-artiklu, il-Kampjonat tal-F1 2021 ikun qiegħed fil-bidu tiegħu bl-ewwel tiġrija ġewwa l-Bahrain, kampjonat fejn se nerġgħu naraw kontinwazzjoni tal-2020. Nafu li din is-sena, ir-regolamenti kellhom jinbidlu biss wara li s-sena li għaddiet kollox beda tard fejn ġie deċiż li dawn ir-regolamenti ġodda jidħlu fis-seħħ fl-2022. Żgur li se naraw kampjonat ieħor sabiħ u wieħed jistenna u jara l-qawwa tal-Mercedes u Lewis Hamilton sa fejn jistgħu jaslu biex jirbħu kampjonat ieħor li jkun it-tmien wieħed għas-sewwieq Ingliż.
Advertisement
Interessanti huwa l-fatt li t-tibdil se jkun is-suġġett tal-lum, għax fil-quċċata tat-tmexxija tal-Formula 1 kellna xi tibdil. Il-Formula 1 għamlet żmien twil immexxija minn Bernie Eccelestone u l-imperu li kellu madwaru. Nafu wkoll li dan minħabba ċirkostanzi varji, biegħ din il-kumpanija lill-konsorzju Amerikan, bl-isem ta’ F1 Liberty u Chase Carey ħa t-tmun tal-F1. Niftakar li l-istess Carey ġewwa l-Grand Prix ta’ Singapore fejn hu kien għaddej fil-paddock u ftit kienu dawk li sellmulu jew kellmuh. Jien għamilt ftit kuraġġ u mort inkellmu. Filfatt dak il-ħin irrealizzajt, li dan il-bniedem ma kienx ġej mill-kamp tal-karrozzi u kellu muntanja quddiemu; il-kultura tal-Formula 1 kienet xi ftit ġdida għalih, biss ir-raġel għamel biċċa xogħol tajba u kien bniedem soċjevoli ħafna. Matul il-perjodi tiegħu, Carey mexxa sew u pprova jdaħħal ftit kultura Amerikana fil-F1. Biss il-Formula 1 hi storja unika bbażata l-iktar fuq kultura Ewropea. Niftakru l-bidu tal-kampjonat ġewwa Silverstone fl-1950. Dawn huma snin ta’ storja kontinwa li kull sena wieħed ma jieqafx hemm imma jistenna s-sena ta’ wara b’ħeġġa kbira.
Nafu dak kollu li laqat lid-dinja fl-2020. Il-Formula 1 intlaqtet ukoll ... il-pjani nbidlu b’dak kollu li kien ippjanat għal din is-sena kellu jiġi ttrasferit għas-sena 2021, jiġifieri t-tibdil li qegħdin naraw huwa kontinwazzjoni tal-karozzi tal-2020. Kellna sewwieqa li telqu u oħrajn ġodda li ġew. Biss naħseb li l-iktar mossa pożittiva li seħħet kienet il-wasla jew aħjar ir-ritorn ta’ Stefano Domenicali. Dan kien persuna li kellu t-tmun tat-team Ferrari tal-Formula 1 għall-perjodu twil; biss minħabba ċ-ċirkostanzi li seħħew fis-sena 2013, kellu jkun il-ħaruf tas-sagrifiċċju fejn dan kellu jitlaq lit-team li hu kien ingħaqad miegħu u deher li kellu futur sabiħ. Biss, bħal kwalunkwe ħaġa fil-ħajja, id-destin jew aħjar in-nies ta’ madwarek ikollhom ħsibijiet oħra. Jien lil Stefano kellimtu għall-ewwel darba waqt il-Ferrari Finals ġewwa Valencia xi ftit tassnin qabel, fejn bdejna nitkellmu u għidtlu li jien minn Malta u hu qalli li l-mara tiegħu kienet ġiet Malta u kellha ħbieb minn Għawdex. Dakinhar bdejna ħbiberija talġenn u żgur li qatt ma mmaġinajt li kellha tibqa’ għaddejja sal-ġurnata tal-lum.
Fil-perjodu meta Stefano Domenicali kien telaq lill-Ferrari, jien kont qiegħed f’kuntatt mal-Kunsill tal-Inġiniera ta’ Malta fejn staqsewni jekk stajtx inġib f’Malta lil xi ħadt b’esperjenza fil-F1. Jien mill-ewwel ħsibt fi Stefano u saqsejtu jekk kellux ilħin, bir-risposta tiegħu kienet fil-pożittiv u mhux dik biss imma kien ġej ukoll mal-mara tiegħu. Kienet okkażjoni tal-ġenn meta tara personalità bħal dik li fostna fejn tkellem waqt attività ġewwa lukanda lokali u indirizza lill-inġiniera u lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-F1. Kienet ukoll opportunitá fejn kellu ċ-ċans li jmur l-Università ta’ Malta u għal darb’oħra tkellem mal-istudenti. Kienet vera ġurnata storika għalina; persuna b’tant esperjenza u tant umiltà. Jien komplejt inżomm kuntatt miegħu fejn konna niltaqgħu fil-fiera tal-karozzi ġewwa Ġinevra meta hu kien il-Kap Eżekuttiv tal-Lamborghini. Dejjem sab il-ħin biex nitkellmu, ngħidu xi ċajta u jagħtina dik l-intervista esklussiva għalina waqt il-programm ‘Wheelspin’. Huwa mexxa l-kumpanija Lamborghini minn suċċess għall-ieħor, fetaħ orizzonti ġodda u anke bidel il-mod kif din il-kumpanija kienet taħdem.
Tajjeb li ngħidu li Domenicali żamm rabta tajba mal-Formula 1 peress li huwa kien parti mill-FIA fejn jieħu ħsieb il-kummissjoni tas-single seaters, biss il-kbir kien għadu ġej. Stefano Domenicali hu persuna unika ... li dejjem isib il-ħin biex jitkellem fuq dak li huwa jħobb ħafna – il-karozzi. Meta l-kumpanija Lamborghini kienet għaddejja minn suċċess għall-ieħor, faqqgħet sajjetta. Tajjeb li ngħidu li wara l-mewt għall-għarrieda tal-mexxej tal-FIAT Group, Sergio Marchionne, isem Domenicali ssemma’ u reġa’ ssemma’ meta t-tim tal F1 tal-Ferrari kien għaddej minn żmien xejn feliċi. Biss, is-sajjetta kienet in-naħa l-oħra tad-dinja fejn tħabbar li Chase Carey li kien qiegħed imexxi l-F1 kien ħalla l-post tiegħu u minfloku kien ġej Stefano Domenicali. Jien stennejt li l-aħbar tkun uffiċjali u mill-ewwel bgħattlu messaġġ biex nifraħlu u weġibni ftit wara. Hemm tara kemm hu kbir u umli dan ir-raġel. Issa nafu li l-futur tal-F1 huwa wieħed tajjeb u sikur. Tajjeb li nfakkru li parti mit-tmexxija qiegħda wkoll f’idejn Ross Brawn. It-tnejn li huma - Brawn u Domenicali - ħadmu fl-istess perjodu mal-Ferrari.
Fejn irid jieħu l-Formula 1? Domenicali ġej minn perjodu twil mal-Ferrari, ħadem mal-aqwa nies u sewwieqa, għandu passjoni lejn l-isport u l-iktar ħaġa importanti hija dik li jisma’ lil kulħadd. Irid jerġa’ jġib il-Formula 1 fejn jixraqilha u li l-udjenza tiżdied. Il-pandemija se tkun sfida kbira għal kulħadd, biss fil-Formula 1, din tista’ tkun biċċa xogħol ikbar. Domenicali għandu żgur sfida quddiemu, ma tkunx l-ewwel waħda u lanqas l-aħħar. Naf żgur, li t-tbissima tiegħu se tibqa’ hemm, xi ftit xagħar griż se naraw, biss il-Formula 1 qiegħda f’idejn tajbin, anzi eċċellenti u jien nista’ ngħid li dan hu ħabib ieħor tiegħi. Il-Formula 1 hu sport interessanti u din is-sena se naraw wieħed mill-isbaħ kampjonati, fejn żgur li se naraw titjib u anke xi affarijiet interessanti. J’Alla din il-pandemija tgħaddi, u nerġgħu nibdew immorru naraw it-tiġrijiet, fejn wieħed jista’ jgħaddi minn esperjenza tal-ġenn!