7 minute read

Mario Micallef

Next Article
Savio D. Borg

Savio D. Borg

Il-festa ta’ Santa Marija fl-2020

L-ewwel waħda waqt il-pandemija tal-Covid-19

Advertisement

Iċ-ċirkustanzi kienu straordinarji. L-isfidi kbar. Effett tar-restrizzjonijiet tal-pandemija, ilfesta titulari lil Santa Marija għas-sena 2020 kienet partikulari f’kull sens. Il-parroċċa ta’ ĦadDingli ma’ waqfitx man-nostalġija ta’ tifkiriet sbieħ ta’ snin oħra jew m’għamlet xejn, iżda ċċelebrat it-tlugħ fis-sema ta’ Ommna Marija b’diversi inizjattivi pastorali u ċelebrazzjonijiet liturġiċi. MARIO MICALLEF jagħti ħarsa lejn kif ġiet iċċelebrata l-festa f’Ħad-Dingli s-sena li għaddiet, b’ħarsien sħiħ tad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Meta fl-aħħar ta’ Ġunju 2020 tnaqqsu xi restrizzjonijiet tal-pandemija, l-awtoritajiet tal-Knisja ħabbru li l-festi se jkunu jistgħu jsiru kif imħabbar b’direttivi maħruġa aktar qabel. It-tifsila tal-festa kienet ċara. F’jum il-festa ssir quddiesa tal-festa fil-knisja, isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament fittoroq bl-istatwa titulari akkumpanjata mill-banda tal-lokal, u ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni u esterni. Madankollu, lejn l-aħħar ta’ Lulju reġgħu żdiedu l-każi tal-COVID-19 u ddaħħlu xi restrizzjonijiet mill-awtoritajiet. Effett ta’ dan, nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu l-Isqfijiet ħabbru d-deċiżjoni li ma jsirux aktar pellegrinaġġi.

F’dan l-isfond, il-programm tal-festa kellu jerġa’ jiġi adattat għal sensiela ta’ inizjattivi pastorali u ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja. Dawn taw iċ-ċans lill-komunità tirrifletti fuq is-sens veru ta’ dak li niċċelebraw: ix-xewqa li nsiru dixxipli li nixbħu lil Marija u li permezz tagħha naslu għand Ġesù.

Il-Knisja Arċipretali ġiet armata għall-festa, iżda mhux bl-armar kollu tas-soltu. Fost oħrajn, it-tużell ma ntramax u lanqas id-damask kollu. L-istatwa titulari ta’ Santa Marija nħarġet min-niċċa fil-privat nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu. Irid jingħad ukoll li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli kienet waħda mill-ftit li żammet l-appuntament annwali mal-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb għall-okkażjoni tal-festa. Bħal snin oħra, dan tqassam f’kull dar tar-raħal. Apparti d-dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li kienu se jsiru fil-knisja, il-ktejjeb kellu diversi artikli ta’ interess fosthom dwar it-tifkira ta’ anniversarji speċjali u okkażjonijiet, kif ukoll dwar il-ħajja u l-ħidma fil-parroċċa fit-tnax-il xahar ta’ qabel.

Il-ġimgħa tal-festa bdiet b’okkażjoni sabiħa ħafna. Nhar itTnejn 17 ta’ Awwissu lqajna fostna mir-Rabat il-bastun devot ta’ San Ġużepp Inkurunat. Id-devozzjoni lejn dan il-bastun, li jitqies minn bosta bħala mirakoluż, tmur lura għas-seklu XVIII. L-inizjattiva ttieħdet billi l-2020 kienet timmarka l-150 anniversarju minn meta San Ġużepp ġie proklamat bħala Patrun tal-Knisja Universali. Din il-ġrajja seħħet nhar it-8 ta’ Diċembru 1870.

Fil-bidu tal-quddiesa li tmexxiet minn Patri Marcellino Micallef OFM, il-bastun devot ta’ San Ġużepp twassal filknisja proċessjonalment mir-Rettur tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina, is-Sur Anthony Casha. Hu kien akkumpanjat minn membri tal-istess Arċikonfraternità u l-membri tal-fratellanzi tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Malwasla fil-knisja, il-bastun intlaqa’ bil-kant mill-kor parrokkjali Regina Coeli tal-Innu Popolari lil San Ġużepp, sinonimu mal-festa ċċelebrata fir-Rabat. Dan l-innu nkiteb minn Patri Anastasju Cuschieri O.Carm, b’mużika ta’ Mro Carlo Diacono. Il-bastun tħalla espost fuq il-presbiterju tal-knisja sa jum il-festa titulari. Matul dik il-ġimgħa, kienu bosta dawk li resqu quddiemu fil-knisja u talbu bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp.

It-Tlieta 18 ta’ Awwissu żammejna f’talbna lil ħutna l-mejtin, b’mod speċjali ’l dawk li mietu flaħħar sena. Għall-quddiesa ta’ filgħaxija li kienet b’sufraġju għal ruħhom ġew mistiedna l-familjari ta’ Dinglin li mietu fit-tnax-il xahar ta’ qabel. L-għada, l-Erbgħa 19 ta’ Awwissu, wara l-quddiesa ta’ filgħaxija ġie espost Ġesù Sagramentat u sar servizz penitenzjali, b’diversi saċerdoti kienu disponibbli għas-sagrament tal-qrar.

Il-Ħamis 20 ta’ Awwissu kien jum ta’ ċelebrazzjoni ta’ ħarsien ta’ patrimonju artistiku li għandna fil-Knisja Arċipretali. F’Serata Marjana ġie inawgurat ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq in-niċċa, il-pedestall u l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. F’isem il-kumpanija li għamlet ix-xogħol, Atelier del Restauro, is-Sinjura Valentina Lupo għamlet preżentazzjoni dwar l-interventi li saru. Is-serata, li ġiet imxandra dirett fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa, kienet imżewqa b’interventi mużikali mill-arpista, is-Sur Jacob Portelli. Ċelebrazzjoni oħra sabiħa u unika ġiet organizzata nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu. Dakinhar, il-quddiesa ta’ filgħaxija kienet waħda ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-ħidma tal-frontliners Dinglin waqt il-pandemija tal-COVID-19. L-attendenza kienet tajba ħafna bil-knisja mimlija b’tobba, infermiera, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, pulizija, suldati, membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u impjegati tal-Kunsill Lokali. Fil-każ tad-Dipartiment

tal-Protezzjoni Ċivili attendew ilħaddiema li kienu qed jaħdmu millistazzjon temporanju li d-dipartiment kellu f’Ħad-Dingli fl-ewwel fażi talpandemija. Għal dan il-għan kien intuża l-bini tal-iskola sekondarja li għandna nofs triq bejn Ħad-Dingli u r-Rabat. Fi tmiem il-quddiesa, lil dawn il-frontliners kollha, l-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley ppreżentalhom bħala tifkira tpinġija li ħejjew it-tfal tal-parroċċa bil-kelma “Grazzi”. Dan il-ġest kien apprezzat ħafna minn dawk kollha preżenti.

Lejlet il-festa, nhar is-Sibt 22 ta’ Awwissu, fis-7.30 p.m. saret iċċerimonja tat-tberik tas-salib il-ġdid tal-frontispizju tal-Knisja Arċipretali li b’mod temporanju tqiegħed fuq izzuntier. L-inawgurazzjoni saret millMinistru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg, u mill-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley. Iċ-ċerimonja saret fil-bidu ta’ programm imtella’ mill-Kumitat Festa Esterna minn fuq iz-zuntier tal-knisja u mxandar dirett fuq il-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli’. Parti sostanzjali mill-programm ixxandret dirett ukoll fuq l-istazzjon Xejk. Il-programm wassal tagħrif dwar il-festa f’Ħad-Dingli, filmati mill-imgħoddi u intervisti malprotagonisti tal-festa li ġejjin minn għaqdiet u gruppi differenti. Dakinhar il-knisja baqgħet miftuħa sa tard filgħaxija, b’ċans lill-pubbliku jidħol irodd ħajr lil Alla u jitlob quddiem l-istatwa titulari ta’ Santa Marija. Kienet okkażjoni wkoll biex wieħed japprezza l-patrimonju storiku u artistiku talknisja. Dan kollu sar fil-ġurnata li fiha tfakkar il-5 anniversarju minn meta l-Arċisqof, Monsinjur Charles J. Scicluna, iddikjara li l-knisja tagħna tingħata t-titlu ta’ Arċipretali.

Il-festa titulari ta’ Santa Marija f’ĦadDingli fis-sena 2020 ġiet iċċelebrata nhar il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu. Fid9.30 a.m. saret il-konċelebrazzjoni solenni ta’ Jum il-Festa li tmexxiet minn Monsinjur Louis Camilleri, fis-sena li fakkar il-50 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. L-omelija saret minn Patri Joseph Buttigieg O.F.M. Cap. Monsinjur Louis Camilleri kellu jfakkar il-ġublew taddeheb mill-ordinazzjoni saċerdotali

fil-ġurnata proprja tal-anniversarju, nhar il15 ta’ Marzu 2020. Madankollu, dan ma kienx possibbli li jsir minħabba li fil-jiem ta’ qabel daħlu fis-seħħ bosta restrizzjonijiet marbuta malpandemija tal-COVID-19. Fost oħrajn, twaqqfet iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa għall-pubbliku filknejjes. Għalhekk, fil-quddiesa solenni ta’ jum il-festa, l-Arċipriet irregala lil Monsinjur Louis Camilleri kalċi bħala rigal li l-parroċċa ħasbet li tagħtih f’dan l-anniversarju speċjali. B’sorpriża għal kulħadd, waqt il-quddiesa l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna ġie jwassal messaġġ ta’ radd il-ħajr lil Monsinjur Louis Camilleri għall-50 sena ta’ servizz li ta lill-Knisja f’Malta u lill-parroċċa ta’ Ħad-Dingli.

F’jum il-festa filgħaxija ġew organizzati żewġ mumenti ta’ talb fil-knisja; wieħed fis-6.00 u ieħor fis-7.15. Fl-għeluq ingħatat il-barka sagramentali. Minkejja r-restrizzjonijiet tal-pandemija, matul il-ġurnata l-parruċċani attendew bi ħġarhom għall-quddiesa fil-knisja jew għall-mumenti ta’ talb lill-patruna: Santa Marija. Għal dawk li ma kienx possibbli jattendu, il-quddiesa solenni ta’ filgħodu u l-mumenti ta’ talb filgħaxija xxandru dirett fuq il-paġna ta’ facebook ‘Parrocca HadDingli’.

Għall-festa tas-sena li għaddiet, il-Kumitat Festa Esterna żied ħafna l-preżenza fuq il-mezzi talmedia soċjali fosthom il-paġna ta’ facebook ‘Festa Santa Marija – Ħad-Dingli’ u instagram. Hawnhekk ġie ppreżentat programm virtwali li nkluda r-rubrika “l-uċuħ tal-festa” li laqqgħatna mal-voluntiera mpenjati b’ħidmiet differenti b’riżq il-festa tagħna u features minn festi tal-imgħoddi u dwar ċelebrazzjonijiet speċjali. Il-qofol intlaħaq lejlet il-festa filgħaxija bil-produzzjoni u l-preżentazzjoni tal-programm ‘Memorji ta’ Festa’, li xxandar dirett minn fuq iz-zuntier tal-knisja.

Bħala armar, fl-aħħar tliet ijiem tal-festa, mal-gallarija tal-Knisja Ariċpretali ddendlet bandalora b’pittura li turi t-tlugħ fis-sema tal-Madonna. Din hi waħda minn sett ta’ tnax-il bandalora li s-soltu l-kumitat jarma fi Triq il-Parroċċa. Qrib il-knisja ttellgħu xi arbli u magħhom intramaw bnadar. Ilpubbliku ngħata wkoll l-opportunità jara trofew antik bi skultura rikka fl-injam li ġie restawrat fixxhur ta’ qabel. Dan it-trofew intrama’ f’Misraħ Ġużè Abela, f’dehra b’lewn wieħed qabel ma ttieħed għall-irħamar.

Intant, diversi kienu r-residenti li laqgħu l-istedina biex xorta waħda jżejjnu l-faċċati tad-djar u l-gallariji bi bnadar, liedna u dawl – sinjal li minkejja kollox Ħad-Dingli kien qiegħed jagħti ġieħ lill-patruna tiegħu, Santa Marija.

Christopher Cassar

Mob: 9986 1769 leoconfectionery@gmail.com facebook.com/leoconfectionery

Nhar ta’ Sibt filgħodu nkun il-Farmers Market, Ta’ Qali

Leo Confectionery

21, St Mary Street, Qormi QRM 2302

RABAT GARAGE

MINI BUSES 14-22 SEATED For all occasions

Taxi & Car Hire

Telephone 2145 3161

Mobile 9947 1921

Email info@rabatgarage.com

Web www.rabatgarage.com

PRIVATE LESSONS AT DINGLI

MATHEMATICS

SEC O-Level for 2022 Form 4 (Year 10) for 2021-2022

Starting August 2021 Lessons will be held online until further notice

Tel: 2145 3284 Mob: 9984 9532

This article is from: