Programm tal-Festa Ħad-Dingli 2021

Page 86

84

Parroċċa Santa Marija Ħad-Dingli

Il-festa ta’ Santa Marija fl-2020

L-ewwel waħda waqt il-pandemija tal-Covid-19 Iċ-ċirkustanzi kienu straordinarji. L-isfidi kbar. Effett tar-restrizzjonijiet tal-pandemija, ilfesta titulari lil Santa Marija għas-sena 2020 kienet partikulari f’kull sens. Il-parroċċa ta’ ĦadDingli ma’ waqfitx man-nostalġija ta’ tifkiriet sbieħ ta’ snin oħra jew m’għamlet xejn, iżda ċċelebrat it-tlugħ fis-sema ta’ Ommna Marija b’diversi inizjattivi pastorali u ċelebrazzjonijiet liturġiċi. MARIO MICALLEF jagħti ħarsa lejn kif ġiet iċċelebrata l-festa f’Ħad-Dingli s-sena li għaddiet, b’ħarsien sħiħ tad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Meta fl-aħħar ta’ Ġunju 2020 tnaqqsu xi restrizzjonijiet tal-pandemija, l-awtoritajiet tal-Knisja ħabbru li l-festi se jkunu jistgħu jsiru kif imħabbar b’direttivi maħruġa aktar qabel. It-tifsila tal-festa kienet ċara. F’jum il-festa ssir quddiesa tal-festa fil-knisja, isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament fittoroq bl-istatwa titulari akkumpanjata mill-banda tal-lokal, u ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni u esterni. Madankollu, lejn l-aħħar ta’ Lulju reġgħu żdiedu l-każi tal-COVID-19 u ddaħħlu xi restrizzjonijiet mill-awtoritajiet. Effett ta’ dan, nhar is-Sibt 1 ta’ Awwissu l-Isqfijiet ħabbru d-deċiżjoni li ma jsirux aktar pellegrinaġġi. F’dan l-isfond, il-programm tal-festa kellu jerġa’ jiġi adattat għal sensiela ta’ inizjattivi pastorali u ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja. Dawn taw iċ-ċans lill-komunità tirrifletti fuq is-sens veru ta’ dak li niċċelebraw: ix-xewqa li nsiru dixxipli li nixbħu lil Marija u li permezz tagħha naslu għand Ġesù. Il-Knisja Arċipretali ġiet armata għall-festa, iżda mhux bl-armar kollu tas-soltu. Fost oħrajn, it-tużell ma ntramax u lanqas id-damask kollu. L-istatwa titulari ta’ Santa Marija nħarġet min-niċċa fil-privat nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu. Irid jingħad ukoll li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli kienet waħda mill-ftit li żammet l-appuntament annwali mal-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb għall-okkażjoni tal-festa. Bħal snin oħra, dan tqassam f’kull dar tar-raħal. Apparti d-dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li kienu se jsiru fil-knisja, il-ktejjeb kellu diversi artikli ta’ interess fosthom dwar it-tifkira ta’ anniversarji speċjali u okkażjonijiet, kif ukoll dwar il-ħajja u l-ħidma fil-parroċċa fit-tnax-il xahar ta’ qabel.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.