2 minute read

Sa fl-aħħar, Jake Sammut jerbaħ il-Grand Prix ta’ Monaco.

minn Antonello Abela

Il-konsistenza ta’ Jake Sammut sa fl-aħħar ġiet ippremjata meta, fl-aktar riżultat li spikka mill-aħħar tiġrijiet tal-Kampjonati V1 Malta Series organizzati minn Velocity Esports Racing, huwa rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco.

Advertisement

Wara xejn inqas minn tmien podji miksuba fit-12-il tiġrija li ħa sehem fihom f’dak li jirrigwardja il-Kampjonat Prinċipali, Sammut mhux biss kiseb l-ewwel pole position tal-karriera tiegħu fit-toroq leġġendarji ta’ Montecarlo iżda rebaħ ukoll din it-tiġrija b’mod millaktar dominanti fejn għeleb lill-eqreb insegwitur tiegħu f’din it-tiġrija, Manuel Schembri (Scuderia Alpha Tauri Honda), b’16-il sekonda.

“Ninsab sodisfatt li sa fl-aħħar irnexxieli nirbaħ fl-aktar tellieqa prestiġjuża u diffiċli li hemm fil-Kampjonat,” qal Sammut lil ‘Roti’. “L-aktar ħaġa importanti kienet li nikseb il-pole position għax imbagħad kienet ser tkun iżjed faċli li nirbaħ it-tellieqa. Nixtieq nirringrazzja lill-familjari u ħbieb tiegħi tal-appoġġ li qed juruni għal dan ilkampjonat.”

Għall-kronaka, Brandon Bonello spiċċa t-tielet fuq Mercedes. It-tiġrija preċedenti, dik li nstaqet ġewwa Barċellona, fi Spanja, rat rebħa ferm mistħoqqa għal Simeon Nechev. Din kienet it-tieni rebħa tas-sewwieq talAlfa Romeo f’dan il-kampjonat li meta ġie avviċinat għal xi kummenti, huwa sostna: “Għamilt ħafna ħin nipprova nsib l-aħjar setup għall-karozza tiegħi. Ma stennejtx li se nitlaq mid-disa’ post iżda kkonċentrajt u rnexxieli nirkupra l-pożizzjonijiet anke grazzi għall-ħruġ tas-safety car. Hemm minn tal-inqas tmien sewwieqa li kapaċi jirbħu t-tlielaq, għaldaqstant is-sodisfazzjon li nirbaħ din it-tiġrija huwa kbir.”

Manuel Schembri għal darb’oħra spiċċa fit-tieni post filwaqt li Jake Sammut aċċerta mill-podju ta’ Barċellona. Dawn iż-żewġ sewwieqa jinsabu l-ewwel u t-tieni fil-kampjonat tassewwieqa bi Schembri jkollu 106 kontra l-103 ta’ Sammut. Simeon Nechev, wara r-rebħa miksuba fi Spanja tela’ fit-tielet post bi 78 punt.

Fil-kampjonat tal-kostrutturi, il-Haas komplew jaħarbu anke grazzi għall-punti kostanti li ż-żewġ sewwieqa ta’ dan itteam, Jake Sammut u Clifton Falzon qed jakkwistaw. Attwalment dan it-team għandu 148 punt kontra l-106 tal-Alpha Tauri u t-78 tal-Alfa Romeo.

Il-kampjonat tat-Tieni Kategorija tal-V1 Malta Series, kompla ġewwa Spanja u Monaco. Kevin Lucchese (Renault) rebaħ it-tiġrija ta’ Barċellona fuq Thomas Elder (Alpha Tauri) u Daylziel Tabone (Mercedes). Min-naħa l-oħra, Daryl Pace ta l-ewwel rebħa lill-Ferrari fl-istorja ta’ Velocity Esports Racing meta rebaħ il-Grand Prix ta’ Montecarlo. Jamie Zahra spiċċa t-tieni fuq Haas bi Christian Caruana jgħaqqad il-podju bit-tielet post miksub fuq McLaren Renault.

Il-klassifika tas-sewwieqa f’dan ilkampjonat għadha qed tara lil Kevin Lucchese fl-ewwel post b’130 punt. Is-sewwieq tar-Renault għad għandu vantaġġ komdu fuq Thomas Elder li jinsab it-tieni b’81 punt filwaqt li Daylziel Tabone tela’ fit-tielet post b’51 punt. Fil-kampjonat tal-kostrutturi, irRenault jinsabu l-ewwel b’147, l-Alpha Tauri t-tieni b’89 u l-Mercedes it-tielet bi 82.

Ninsab sodisfatt li sa fl-aħħar irnexxieli nirbaħ fl-aktar tellieqa prestiġjuża

N.B.: Antonello Abela huwa l-editur talpaġna fuq Facebook Antonello’s Sports Blog fejn fiha, u fuq is-sit antonellosportsblog. wordpress.com issibu l-aħħar aħbarijiet fuq diversi sports li jinkludu l-Formula 1, Formula 2 u Moto GP.

This article is from: