
8 minute read
ANTONIO GIOVINAZZI... u s-sewwieqa taljani fil-Formula1
from ROTI DIĊEMBRU 2021
by Union Print
minn Jason Sultana
Meta eżattament qabel il-GP ta’ Emilia Romagna, Antonio Giovinazzi ffirma biex jibqa’ mat-team tal-Alfa Romeo (Sauber) għallistaġun tal-F1 li jmiss, ġie żgurat li tal-inqas sewwieq Taljan se jkun preżenti fuq il-grid. Kien hemm żminijiet meta l-ħsieb biss li ma jkunx hemm Taljan preżenti fil-F1 bħala sewwieqa, kien wieħed assurd meta tħares lura lejn l-istorja ta’ dan l-isport u l-kultura influwenti Taljana li fih.
Advertisement

B’kollox, s’issa 84 sewwieq Taljan bdew tiġrija tal-F1 matul is-70 sena ta’ dan l-isport. Huma biss ir-Renju Unit u l-Istati Uniti li kellhom iżjed preżenza ta’ sewwieqa fil-F1, b’talaħħar jammontaw għal daqshekk sewwieqa grazzi għat-tiġrijiet ta’ Indianapolis 500 li kienu jagħmlu parti mill-kampjonat tal-F1 fl-ewwel żewġ diċenji ta’ dan l-isport u s-sewwieqa kienu jkunu kważi kollha Amerikani. Irrid insemmi li fl-istess perjodi, sewwieqa Taljani kienu ferm komuni meta mqabbel ma’ nazzjonalitajiet oħra, peró l-mistoqsija tiġi waħedha: x’ġara eżatt biex din l-imsejħa tradizzjoni saret rari ħafna mal-milja taż-zminijiet?!
Mill-2012 sal-2018 ma kienx hemm sewwieq Taljan isuq full-time fil-F1. Meta Giovinazzi għamel id-debutt tiegħu fil-GP tal- Awstralja u dak taċ-Ċina fl-2017 bħala sostitut ta’ Pascal Wehrlein mat-team tas-Sauber, temm perjodu ta’ 98 GP mingħajr sewwieq Taljan bħala parteċipant fil-F1, l-aħħar wieħed ikun Vitantonio Liuzzi meta temm il-karriera tiegħu mat-team HRT fl-2011.
Sakemm l-Alfa Romeo ffirmaw lis-sewwieq taħt il-kappa tal-Ferrari, Giovinazzi għallistaġun tal-2019, ma kien hemm ħadd full-time. Għalkemm post Antonio fit-team Alfa Romeo huwa mbuttat mill-fatt li bħala sponsor uffiċjali tat-team riedu sewwieq Taljan li jimla tal-inqas wieħed mill-postijiet vakanti fit-team, Giovinazzi kemm-il darba ġie mistoqsi kemm huwa diffiċli li sewwieq Taljan jimpressjona ġewwa l-Italja meta t-team tal-Ferrari kważi jokkupa kull aħbar u spazju fil-media Taljana.

Dan iwieġeb li għall-Italja u għad-dinja kollha, il-Ferrari huwa isem b’saħħtu ħafna u ta’ valur, u b’hekk huwa diffiċli mmens li tkun fuq l-istess binarji, peró dejjem qal li mhux il-punt li jħobb jenfasizza fuqu, imma li jkun sewwieq aħjar milli diġá hu, kif ukoll li l-ħidma tiegħu hi li xi darba jkollu ċ-ċans li jsuq għal dan l-istess team leġġendarju.
Dan kollu m’hu faċli xejn u infatti kompla jgħid li se jibqa’ jaħdem għal dan il-għan, għalkemm jaf li l-post vakanti fil-Ferrari maġenb Charles Leclerc mtela mill-Ispanjol Carlos Sainz mis-sena d-dieħla ‘l quddiem, xorta għadu fiduċjuż li jista’ jieħu dan il-post tant prestiġjuż fil-futur!
Iċ-ċansijiet li Giovinazzi jirnexxielu jagħmel dan huma żgħar ħafna speċjalment bil-livell ta’ sewqan li wera, b’mod partikolari matul l-ewwel sentejn tiegħu fil-F1 ma kinux impressjonanti daqshekk u ma jiġġustifikawx għaliex dan għandu jseħħ, imma mhux impossibbli lanqas! Dan l-istaġun kien wieħed diffiċli għal Antonio peró tjiebet xi ftit mal-milja talistaġun, li sa issa rnexxielu jikseb punti fi tliet GP biss (sal-15-il GP mis-17 li saru s’issa).
L-istorja ta’ dan l-isport mhix favorevoli lanqas lejn Giovinazzi, għax l-aħħar darba li sewwieq Taljan saq għall-Ferrari ‘full-time’ ma kien ħadd ħlief Michele Alboreto lura fl-1988. Għalkemm it-team Taljan ffirma lil Ivan Capelli għall-istaġun tal-1992, dan ma rnexxielux jagħmel staġun sħiħ li fih spiċċa darbtejn biss bil-punti u minn dakinhar, sewwieqa mill-Italja saqu għall-Ferrari bħala sostituti biss għal xi tiġrijiet, l-aħħar wieħed ikun Giancarlo Fisichella li ssostitwixxa lil Felipe Massa għal ħames GP fl-2009.

Giuseppe Farina
Kif semmejt aktar qabel, sewwieqa Taljani kienu prominenti fil-bidu tal-F1 u s-suċċessi ta’ Giuseppe Farina u Alberto Ascari, li bejniethom rebħu tlieta mill-ewwel erba’ kampjonati u l-uniċi li rnexxielhom jagħmlu dan, għamluhom bħala punt ta’ referenza għal sewwieqa oħra, peró aktar ma beda jgħaddi ż-żmien dan beda jsir aktar diffiċli għall-istess Taljani li jibqgħu daqshekk prominenti.
Bħala statistika, kienu 15-il sewwieq Taljan li rebħu minn tal-inqas GP fil-F1 sal-ġurnata tal-lum u bejniethom rebħu 43 tiġrija (tnejn minnhom b’Luigi Musso u b’Luigi Fagioli jagħmlu dan meta kienu jaqsmu il-karozza tagħhom ma’ sewwieqa oħra li kienet prassi komuni fil-ħamsinijiet). Għoxrin mit-43 rebħa ġew mirbuħa fl-ewwel erba’ snin talkampjonati mondjali tal-F1 u l-bqija kienu mifruxa matul iż-żminijiet. Sewwieqa Taljani li rebħu GP fil-F1 huma:
1. Alberto Ascari, 13 • 2. Riccardo Patrese, 6 • 3. Michele Alboreto, 5 Giuseppe Farina, 5 • 5. Giancarlo Fisichella, 3 • 6. Elio De Angelis, 2 • 7. Giancarlo Baghetti, 1 Lorenzo Bandini, 1 Vittorio Brambilla, 1 Luigi Fagioli, 1 Luigi Musso, 1 Alessandro Nannini, 1 Ludovico Scarfiotti, 1 Piero Taruffi, 1 Jarno Trulli, 1

Michele Alboreto
L-aħħar sewwieq Taljan li offra kompetizzjoni denja għar-rebħ tal-kampjonat kien Alboreto, li spiċċa fit-tieni post wara Alain Prost fl-1985 waqt li kien isuq għat-team tal-Ferrari. Ta’ min isemmi li flaħħar 20 sena kienu żewġ sewwieqa biss li rnexxielhom jirbħu tiġrijiet, b'Giancarlo Fisichella jirbaħ tlieta - waħda mal-Jordan u tnejn mar-Renault u Jarno Trulli joħroġ rebbieħ ġewwa Monaco fl-2004 mat-team tar-Renault.
Qabel din il-ġenerazzjoni, fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet kienu Alboreto, Patrese, De Angelis li rebħu fil-F1, meta qasmu xejn inqas minn 13-il rebħa bejniethom. Kienu diversi t-timijiet Taljani żgħar u kbar li ħadu sehem fil-F1 matul iżżminijiet, li jammontaw għal 30 u dawn taw ħafna opportunitajiet lil ħafna sewwieqa fosthom Taljani peró kienu ftit hafna li rnexxielhom jagħmlu isem f’dan l-isport tant kompetittiv.
Il-mistoqsija tiġi waħedha - għaliex dan innuqqas? Is-saħħa li għandu l-isem Ferrari huwa fattur ewlieni li jimmina mhux ftit il-coverage jekk xi kumpanija jew entitá jogħġobha tisponsorja xi sewwieq partikolari, bħalma huwa l-każ Giovinazzi għalkemm huwa taħt il-kappa tal-Ferrari.
Dan il-punt huwa mifhum sew għax l-Italja huwa pajjiż fejn il-Ferrari mhux biss huma punt ta’ riferiment, imma wkoll huma segwiti b’passjoni kbira ħafna bħalma rreferejt f’artiklu partikolari ta’ żewġ edizzjonijiet passati ta’ ‘Roti’!
Għajdut komuni li jsir spiss huwa li l-Ferrari nfushom kienu l-kaġun ewlieni li ma jagħtux opportunitá lill-istess sewwieqa, meta Enzo Ferrari ma kienx jieħu gost bil-fatt li bdew jagħtu tort lilu tal-imwiet traġiċi ta’ sewwieqa Taljani bħal Lorenzo Bandini u Eugenio Castellotti. Peró l-fatt li Enzo miet 32 sena ilu u kien huwa stess li ffirma lil Alboreto, dan l-għajdut huwa kemmxejn fittizju!

Alberto Ascari
Il-perċezzjoni ħażina ta’ ċerti sewwieqa hija fattur ieħor li għamilha difficli li jiġu ngaġġati ma’ timijiet ewlenin u dan ikkorfermah sewwieq partikolari meta kien isuq għat-team McLaren, meta Ron Dennis qal li sakemm idum imexxi t-team hu, mhux se jikkunsidra sewwieqa Taljani biex isuqu għall-istess team. Dan minħabba esperjenzi mhux daqstant sbieħ ma’ wieħed minnhom.
Din kienet referenza ċara għal Andrea de Cesaris, li rridu ngħidu kien involut mal-McLaren fl-1981, l-ewwel sena li Ron Dennis daħal bi sħab fit-tmexxija tat-team. Ir-reputazzjoni tal-istess sewwieq ma tantx tjiebet maż-żmien, grazzi għal diversi inċidenti (uħud gravi) li kkawża waqt tiġrijiet! Peró, żgur u mhux forsi li n-nazzjonalitá ma kinitx se tkun ta’ xkiel għal Ron, li kieku s-sewwieq kien jismu Michael Schumacher jew Ayrton Senna!
Wara dan kollu, irridu nħarsu lejn l-istampa finanzjarja wkoll. Il-budgets biex tikkompeti f’kategoriji żgħar qed isiru aktar diffiċli biex jintlaħqu minn kwalunkwe sewwieq jekk ma jkollux ‘sponsorships’ kbar warajh u dan jagħmilha aktar diffiċli ġewwa l-Italja, meta kif semmejt diġá l-lenti qiegħda ffukata fuq il-Ferrari.
L-Italja hija ċ-ċentru tal-Karting fl-Ewropa, u hawnhekk insibu dawk l-opportunitajiet għal sewwieqa li jintgħażlu biex isuqu ma’ dawk l-imsejha ‘factory teams’, li finanzjarjament huma b’saħħithom ikkumparati ma’ dawk li jfendu għal rashom u grazzi (jew sfortunatament) għal dan, iżommuhom magħhom kemm jista’ jkun fit-tul, iktar milli jitilgħu f’kategoriji akbar meta jiġihom iċċans opportun li javvanzaw li huwa rari peró mhux impossibli lanqas.
Infatti huma vera ftit li jagħmlu din il-qabża sfortunatament u meta ssir aktarx għax ikunu ġew magħżula biex jiffurmaw parti mill-akkademja ta’ sewwieqa novizzi ma’ timijiet prominenti kbar li jikkompetu fil-F4/F3/F2 u l-aħħar u mhux l-inqas fil-F1.
Mhux ta’ min jinjora l-fatt li l-postijiet fil-F1 huma verament limitati, illum il-ġurnata ħafna iżjed minn qatt qabel, b’20 spazju disponibbli u b’testing veru limitat matul l-istaġun, ifisser li ċ-ċansijiet huma ħafna anqas u ferm anqas frekwenti minn żminijiet passati. Huma x’inhuma r-raġunijiet peró, Giovinazzi wasal sal-quċċata u qed isuq fl-ogħla kategorija tal-motorsport.
Grazzi għall-Ferrari, Antonio dejjem sab is-sapport meħtieġ (għax anke kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ sewwieq ta’ riserva tat-team fl-2017) peró l-abbiltá tiegħu kompliet tgħinu javvanza, minkejja li mhux ġej minn xi familja sinjura u l-post tiegħu fuq il-grid ħadu b’mertu, għalkemm forsi mhux jisfruttah kemm kien mistenni minnu!
Bil-partnership tal-Alfa Romeo mat-team Sauber estiża anke għall-istaġun tal-2021, peró kif jidhru ċ-ċirkostanzi s’issa, ma tidhirx li se tkun waħda fittul wisq, Giovinazzi jrid jagħmel passi notevoli ‘l quddiem b’mod speċjali s-sena d-dieħla jekk irid jibqa’ jxejjer il-bandiera Taljana fil-F1. Biex jagħmel dan, iż-żagħżugħ li għadu kemm għalaq 27 sena, fl- 14 ta’ Diċembru, irid juri aktar konsistenza u jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu meta mqabbla ma’ sieħbu fit-team u ċ-champion tad-dinja tal-2007, Kimi Raikkonen u dan huwa punt kruċjali għall-futur tiegħu.
Antonio kompla jgħid li bħala sewwieq żagħżugħ, irid ikompli jitgħallem u jtejjeb lilu nnifsu tiġrija waħda wara l-oħra, bħala l-għan ewlieni tiegħu għall-2021. Huwa kompla jżid li meta jagħmel xi żbalji, li issa aktar minn qatt qabel jafu jkunu ta’ detriment enormi għalih f’dan il-livell, se jitgħallem minnhom b’mod aħjar u aktar matur.
Huwa temm bil-frażi li hu qatt ma jaqta’ qalbu u jinsab lest li jinsa mumenti ħżiena u jirritorna aktar b’saħħtu. Imma jekk Giovinazzi mhux se jestratta dak kollu possibbli mill-karozza li se jkollu disponibbli għalih fl-2021 u jwettaq dak li qed jaspira għalih, żmien indefinit ta’ sewwieqa Taljani ‘l bogħod mill-Formula 1 jerġa’ jibda jingħadd mill- 2022, għax fil-futur qrib ma jidher li m’hemm ħadd li jista’ jissostittwih!
Tistgħu ssegwu għal aktar materjal li jkun aġġornat ħafna drabi kuljum fuq il-paġna tiegħi ta’ Facebook: Formula One Insights – by Jason. Barra minn hekk, għandi wkoll is-sit elettroniku www.formulaoneinsights.com għal artikli aktar speċifiċi mid-dinja tal-Formula Wieħed.