L-Assedju t'Għawdex tal-1551

Page 1

L-Assedju t’Għawdex tal-1551

u l-Ġrajja ta’ Bernardo De Opuo

Carm C. Cachia



L-Assedju t’Għawdex tal-1551 u l-Ġrajja ta’ Bernardo De Opuo

Carm C. Cachia


L-Assedju t’Għawdex tal-1551 u l-Ġrajja ta’ Bernardo De Opuo L-ewwel edizzjoni: MMXXl

Din il-pubblikazzjoni qed issir fuq inizjattiva tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fl-okkażjoni tal-470 anniversarju tal-Assedju t’Għawdex tal-1551

Pubblikazzjoni: Telefon: Email:

Direttorat għall-Wirt Kulturali - Ministeru Għal Għawdex +356 221556442 culturalheritage.mgoz@gov.mt

ISBN:

978-9918-0-0034-0

Kitba: Ritratti: Tpinġija tal-Qoxra: Grafika tal-Qoxra: Tpinġijiet: Disinn u Ssettjar: Stampar:

Carm C. Cachia Terry Camilleri (MGOZ), Noel Debono, Ross Magri (Sarner), Heritage Malta, Librerija Pubblika ta’ Għawdex Kav. Paul Camilleri Cauchi Noel Debono Kav. Paul Camilleri Cauchi u sorsi oħra Noel Debono Stamperija tal-Gvern

Drittijiet tal-Ktieb: Drittijiet tal-Kitba: Drittijiet tar-Ritratti: Drittijiet tat-Tpinġijiet

© Carm C. Cachia © Terry Camilleri (MGOZ), Ross Magri (Sarner), Heritage Malta, Librerija Pubblika ta’ Għawdex © Kav. Paul Camilleri Cauchi

Ringrazzjament speċjali lil Tiziana Castillo Dan il-ktieb qiegħed jitqassam bil-kundizzjoni li ma jistax jinbiegħ jew jissellef u li minnu ma jsiru ebda kopji b’mezzi elettroniċi jew oħrajn ħlief għal skopijiet edukattivi. Id-drittijiet kollha, inklużi dawk tattitli, huma riservati. Jittieħdu passi kontra kull min jikser dawn id-drittijiet jew jagħmel, juża jew jikkopja varjazzjonijiet tat-titlu, kontenut, eċċ.


Kelmtejn qabel Din il-ġrajja li qiegħed nikteb dwarha f’dan il-ktieb seħħet tassew. Kienet traġedja fuq skala nazzjonali u għal Għawdex, b’mod partikulari, kienet tfisser it-tmiem ta’ ħafna ġenerazzjonijiet ta’ Għawdxin li wħud minnhom kienu ilhom jeżistu fuq din il-gżira għal mijiet ta’ snin. Madankollu, inkiteb ftit wisq dwar din il-ġrajja u għal ħafna snin kienet kważi minsija għal kollox, imsemmija biss f’xi kitbiet storiċi bħal ta’ Giacomo Bosio u ta’ Ġann Piet Franġisk Agius De Soldanis. Iżda anke f’dawn ir-rakkonti, l-informazzjoni mogħtija hi xotta ħafna u b’dettalji kważi xejn. F’dan ir-rumanz ċkejken, immirat l-aktar għal qarrejja żgħar, il-ħsieb tiegħi hu li niffamiljarizza aktar din il-ġrajja ma’ niesna tal-lum. Minħabba n-nuqqas ta’ dettalji, li f’dan il-ktieb jiffurmaw il-qafas tiegħu, jien kelli nlaħħmu bl-immaġinazzjoni tiegħi. Immaġinajt li kont qiegħed ngħix dawk it-tlett ijiem traġiċi li għexu tassew missirijietna. Fejn stajt, inkludejt mhux biss il-kbar imma anke lit-tfal, għaliex dawn ukoll kienu vittmi ta’ dik it-traġedja u huma wkoll għaddew mit-trawma li ħalliet f’art twelidhom. Anki fil-każ tal-eroj Bernardo, id-dettalji huma ftit wisq. Nafu biss li meta ra li kollox mitluf, qatel lil martu u ż-żewġ uliedu biex dawn ma jaqgħux f’idejn it-Torok. Imbagħad hu stess issielet mal-għedewwa ta’ artu sa ma miet. F’dan il-ktieb ippruvajt noħroġ l-aspett uman ta’ dan il-bniedem billi wrejtu bħala missier twajjeb tal-familja u bħala ġellied kbir waqt l-assedju kollu, anke billi pinġejtu bħala alfier. Dan hu kollu stħajjil tiegħi imma hekk stajt b’xi mod noħroġ aktar dak il-karattru magħruf ħafna fil-konxju kollettiv tal-


poplu Għawdxi, tant li semma triq għalih fiċ-Ċittadella u teżisti replika tal-lapida kommemorattiva bid-data 1579 fid-dar fejn hu maħsub li kien jgħix. Fil-preżent, l-oriġinali tinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex. (..eventwalment din il-lapida ser tkun esebita fil-Mużew

t’Għawdex). Irrid ngħid ukoll li, minħabba l-qarrejja ta’ età żgħira li kelli f’moħħi, ippruvajt naħbi kemm nista’ l-kruha tal-att finali tiegħu, minkejja li, fiżzmien li għex hu, atti barbari bħal dan kienu aċċettabbli. Għaldaqstant, waqt li jkun jinqara dan il-ktieb, nixtieq li l-qarrej ma jaħsibx li ridt nikteb xi dissertazzjoni dwar l-aspett storiku tal-ġrajja, imma ridt biss li l-Għawdxin tal-lum, l-aktar il-ġenerazzjoni ż-żgħira tagħna, isiru jafu aktar x’jagħmilna dak li aħna. L-assedju tal-1551 hu parti integrali minn din il-ġrajja. Nispera li b’dan il-mod il-qarrej isir aktar midħla ta’ din it-traġedja li seħħet 470 sena ilu. Fl-aħħar nett irrid ngħid li dan il-ktejjeb sar biex jitfakkar dan l-anniversarju, u qed jitwassal bis-saħħa tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan ilMinisteru għal Għawdex b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan l-istess Ministeru. Sewwa u xieraq li dawn ħutna ma jintesew qatt.

Carm C. Cachia


1 “Hawnhekk, tfal, kif tistgħu taraw, insibu għadd ta’ għodod u ħwejjeġ oħra li missirijietna tal-qedem kienu jużaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum....,” kienet qiegħda tispjega Miss Borg. Kienet qiegħda ddawwar lill-istudenti tagħha, is-subien u l-bniet ta’ Year 9, mad-Dar Storika talGran Kastell fi Triq Bernardo De Opuo ġewwa ċ-Ċittadella t’Għawdex. Hemm jinsabu esebiti ħafna oġġetti folkloristiċi marbuta mal-ħajja Għawdxija tal-imgħoddi. Kienet ħadithom f’dan il-post bħala parti millezzjoni tal-Istorja biex jaraw b’għajnejhom dawk l-affarijiet li hi kienet tkellmet dwarhom fil-klassi. Il-bini fejn daħlu kien wieħed qadim ħafna. Kellu żgur mijiet ta’ snin, kif kien jidher mill-ħitan u l-kmamar fejn kienu qegħdin iduru l-istudenti. Il-binja fakkrithom f’wieħed mill-irziezet li għadek issib imxerrdin ’l hawn u ’l hemm fil-kampanja Għawdxija, binjiet li ilhom jeżistu sa minn qabel żmien il-Kavallieri. It-tfal bdew għaddejjin minn kamra għal oħra, isegwu dak li kienet qiegħda tfissrilhom l-għalliema. Għalkemm kienet parti mil-lezzjoni taliskola, din il-mawra barra mill-klassi kienet għalihom esperjenza mhux tas-soltu. Ħin minnhom, huma u għaddejjin minn taħt arkata biex jaqbdu t-taraġ għas-sular ta’ fuq, għajnejn Kenneth waqgħu fuq bir f’rokna.

Ġietu

l-kurżità u mar jittawwal ġo fih bla ma kien jaf għala. Kien sema’ ħafna stejjer dwar nies li tefgħu muniti ġewwa bjar għal risq tajjeb. Bla ma ħasibha darbtejn, daħħal idu fil-but, ħareġ munita ta’ ħames ċenteżmi u tefagħha ġol-bir biex forsi ġġib risq tajjeb lilu wkoll.

1


Malli l-munita ħabtet mal-ilma, il-wiċċ tqanqal f’għadd ta’ mewġiet irqaq. Kenneth baqa’ jħares lejn il-wiċċ jerġa’ jikkalma bil-mod u nesa lillgħalliema u lil sħabu li sadattant kienu telgħu fis-sular ta’ fuq. Hekk kif l-ilma tal-bir beda jikkalma, flok wiċċ it-tifel rifless fil-qiegħ bdiet tidher xena mhux tas-soltu, xena misterjuża li lil Kenneth sammritu malbokka tal-bir... Bħal f’xena fuq skrin ta’ televixin, deher raġel kbir liebes bħal gwerrier Tork, bil-korazza fuq sidru u b’ximitarra mdendla ma’ ġenbu. Kien donnu kmandant li bħalu Kenneth ġieli ra fuq l-istampi tal-ktieb tal-istorja. Imma

2


dan ir-raġel kien jitħarrek. B’dik id-daqna folta u l-mustaċċi mibruma, kellu bixra mqita u deher irrabjat ħafna, ixejjer idu ponn lejn xi ħadd li ma kienx jidher. Fl-istess waqt, minn qiegħ il-bir instema’ leħen jirbombja: “Inpattihielhom lill-Għawdxin, żgur li npattihielhom, u nibqa’ nippersegwitahom sa ma mmut ta’ dak li għamlu lil ħija.......”

3


4


2 Nhar il-Ġimgħa, l-24 ta’ Lulju, 1551, sebaħ jum mill-isbaħ, jum minn dawk li jaf joffri biss Lulju lill-Gżejjer Maltin. It-temp kien jistiednek taqbeż qabża sa Marsalforn jew sax-Xlendi u tgħum għuma f’baħar ċar kristall ħalli tiffriska mis-sħana sajfija. Imma dik il-ħabta mhux lakemm kont tersaq lejn ix-xtut. Xi jrid biex jitfaċċa xi xambekk u minnu jaqbżu l-art qatta furbani armati sa snienhom biex jaħtfu lil min isibu u mbagħad jerġgħu jirkbu u jgħibu minn fejn ġew! U min jaqa’ taħt idejhom Alla m’għamlu! Infatti, l-irħula żgħar u l-irziezet li kienu qrib ix-xtajta kienu kollha ġew abbandunati. Lanqas l-għelieqi ma kienu għadhom jinħadmu, ħlief dawk l-aktar qrib iċ-ċentru tal-gżira. Dan anki jekk in-nies kienu jiddependu mill-uċuħ tar-raba’ biex ma jbatux il-ġuħ. Kien tassew żmien ikrah għal Għawdex.

5


Pietru u Ester kienu jinsabu jilagħbu bħas-soltu fit-triq barra d-dar tagħhom fuq Għajn Qatet. L-hena tagħhom jiġru wara xulxin u jinbxu l-kelb tal-kaċċa ta’ missierhom Kalanġ. Ħin bla waqt deher raġel ġej jiġri kemm jiflaħ min-naħa tax-Xewkija. Xħin kien għadu f’nofs it-telgħa beda jgħajjat kemm jiflaħ: “Ġej Dragut, ġej Dragut...”. Kalanġ, li kien qiegħed jaħleb il-mogħża fil-maqjel, ħareġ jiġri jara x’ġara. Malli nduna x’kien qiegħed jgħid dak ir-raġel, tela’ malajr fuq il-bejt tarrazzett biex jikkonferma b’għajnejh jekk kliem ir-raġel kienx veru. Irrazzett kien jiġi fuq ir-riħ tal-wita magħrufa bħala Tal-Ħamrija, qrib ixXewkija, u hekk Kalanġ seta’ jara sal-kosta ta’ Malta. Kif kien fuq il-bejt jgħarrex lejn il-baħar, fil-bogħod ra xena tal-biża’. Qatgħa qlugħ bojod li ma tgħoddhomx, donnhom partita gawwi mġewħin, dehru jsallpu qrib Kemmuna fid-direzzjoni t’Għawdex. Kienu għoddhom qabdu Ras il-Qala. Minn fejn kien, Kalanġ seta’ jara wkoll kolonni tad-duħħan fuq il-gżira ta’ Malta. Dawk id-dħaħen kienu juru l-ħerba li t-Torok ħallew warajhom flirħula Maltin fil-jiem ta’ qabel. Dragut kien wasal tassew. Bilġri, Kalanġ sejjaħ lil martu Fiela u qalilha, “Ħaffef Fiel, ħa ndabbru rasna għax ġej għawġ kbir. Ma nafx din id-darba kif se tispiċċa ma’ dawn il-misħutin Torok.” Huma ġabru l-ftit xarbitelli li kellhom f’sorra, rabtu l-mogħża b’ħabel u flimkien ma’ wliedhom erħewlha lejn il-Kastell, ikaxkru l-mogħża warajhom. Hemmhekk, ħaseb Kalanġ, Dragut ma kienx se jaħtafhom kif ġieb u laħaq għax is-swar għoljin ma jħalluhx. Fit-triq bdew jiltaqgħu ma’ ħafna nies li bħalhom kienu semgħu l-aħbar u kienu sejrin ifittxu kenn wara s-swar. L-atmosfera kalma u sielma ta’ filgħodu kienet għebet għal kollox. Postha ħaditu xena tal-biki u qsim il-qalb. Kulħadd iħaffef kemm jiflaħ biex jidħol malajr kemm jista’ jkun

6


Impressjoni Artistika tal-Kastell t’Għawdex - Dr Stephen C. Spiteri

7


ġewwa l-belt, kif kienu jsejħu l-Għawdxin lill-Kastell. Min jibki, min jisħet lil Dragut u lit-Torok, min jitlob lill-Madonna biex tibgħathielu tajba, u min mutu u ċċassat ma jgħidx kelma. Imma lkoll iħaffu, iħaffu. Bdew jaslu wkoll nies mill-irħula tal-qrib, minn Ta’ Kerċem, Ta’ Sannat, ix-Xewkija..., għax l-aħbar malajr kienet xterdet. Għalhekk, fit-telgħa tal-belt, fit-Tokk u fi Pjazza Savina nġemgħet folla kbira: missirijiet iġorru soror kbar wara daharhom, ommijiet bi trabi fuq dirgħajhom u tfal skantati, imkaħħlin ma’ djul ommijiethom. Fuq fomm kulħadd kien hemm kelma waħda: l-isem ta’ Dragut.

8


3 Imma min kien Dragut u għaliex l-Għawdxin kienu tant beżgħana minnu? Turgut Reis, jew aħjar Dragut, kif kienu jafuh il-Maltin u l-Għawdxin, kien l-aqwa furban Tork ta’ dik il-ħabta. L-Insara kienu laqqmuh “ix-Ximitarra misluta tal-Iżlam” minħabba l-ħruxija li dejjem wera magħhom fittaqbid. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-qawwa navali tal-Imperu Tork kienet infirxet mal-Mediterran kollu u ismu sar ifisser biża’ kullimkien. Dan ilbaħar nofsani Dragut kien jafu daqs il-pala t’idu. Minħabba f’hekk kien meqjus bħala l-aktar bniedem qalil u perikoluż ta’ żmienu, u mkien ma kien ħieles minn xi ħbit tiegħu. Matul iż-żmien li għamel ibaħħar, attakka u rebaħ ħafna bliet max-xtajta tal-Mediterran, uħud minnhom kbar ukoll. Meta kien jirbaħ xi post, minnu kien ikaxkar ħafna nies lejn iljasar ġewwa Barbarija fl-Afrika ta’ Fuq, u kien jieħu wkoll kulma jsib. Dak li ma kienx jista’ jġorr kien ifarrku u jeqirdu għal kollox.

9


L-Għawdxin kienu jafuh sewwa lil Dragut għaliex kien ħabat kemm-il darba għal din il-gżira. Kull meta ġie, speċjalment matul ix-xhur sajfin, qatt ma mar lura b’idu f’idu u jekk ma kienx jieħu nies, kien jieħu bhejjem jew uċuħ tar-raba’. U warajh dejjem ħalla ħerba. Darba fost l-oħrajn, fis-sena 1544, ftit snin qabel il-ġrajja tagħna, Dragut kien ħabat għal Għawdex b’għaxar xambekki u niżel flimkien ma’ ċorma kbira ta’ furbani. Fost dawn kien hemm ħuh. Dakinhar l-Għawdxin, immexxija mill-Kavallier Fra Juan Ximenes, il-Ħakem tal-gżira, kienu mħejjija tajjeb u fil-ġlied li nqala’ l-furbani qalgħu taptipa sewwa, kellhom jaħarbu u ħallew warajhom xi wħud minn sħabhom mejta. Ħu Dragut kien wieħed minn dawn. Dragut għela ħafna għal ħuh u talab lill-Għawdxin biex jagħtuh il-ġisem mejjet ta’ ħuh biex jidfnu b’mod xieraq. Imma l-Għawdxin, li kienu ilhom irrabjati għal kulma kien għamlilhom dan il-bniedem kiefer fil-passat, ma tawhulux. Dragut ħadha bi kbira ħafna u tgħidx kemm irrabja. Ħalef ħalfa u qal, “Inpattihielhom lill-Għawdxin, żgur li npattihielhom u nibqa’ nippersegwitahom sa ma mmut ta’ dak li għamlu lil ħija......Ħa jiġu taħt idejja.” Issa kienet waslet ix-xoqqa f’moxtha u Dragut ma kienx se jitlef okkażjoni bħal din. Kien ġej jaħbat għal Għawdex b’aktar minn mija u ħamsa u erbgħin xini b’għaxart elef suldat fuqhom u kien armat sewwa biex ma jħalli xejn milli jtelliflu l-ħsieb ħani li kellu f’moħħu. Imsieken l-Għawdxin, kienet waslet is-siegħa tagħhom.

10


4 F’dak iż-żmien, il-Gżejjer Maltin kienu f’idejn l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Issa l-Ordni kien l-akbar għadu tal-Imperu Ottoman, jew aħjar l-Imperu Tork. Bix-xwieni tagħhom, il-Kavallieri kienu jattakkaw lil dawk Torok kull fejn isibuhom u għalhekk kienu ħarbtu l-kummerċ li t-Torok kellhom, speċjalment in-naħa tal-Lvant tal-Mediterran. Sulejman il-Kbir, is-Sultan Tork, kien iddejjaq bil-Kavallieri jħarbtulu l-pjanijiet tiegħu u għalhekk ħalef li jeqridhom. Xi snin qabel ma l-Kavallieri kienu ġew Malta, Sulejman kien irnexxielu jkeċċihom minn gżira oħra jisimha Rodi. Wara ħafna ġiri ’l hawn u ’l hemm mal-Ewropa, l-Ordni ta’ San Ġwann kien spiċċa fuq gżiritna wara li l-Gran Mastru L’Isle Adam kellu jaċċetta, b’nofs qalb, l-offerta li kien għamillu l-Imperatur Karlu V. Bħala ħlas għal dawn il-ġżejjer l-Ordni kellha tħallsu b’falkun kull sena.

11


Minkejja li issa kienu sabu ruħhom fuq gżejjer ‘il bogħod minn kull għajnuna u kumdità, il-kavallieri xorta ma qatgħux qalbhom u minn hawn l-Ordni kompla jinbex lit-Torok u jattakka l-kummerċ tagħhom. Għalhekk, Sulejman iddeċieda li issa kien imiss li jitkeċċew minn Malta ukoll. Minħabba f’hekk, is-Sultan ħaseb li jibgħat il-flotta tiegħu hawn biex ilħsieb tiegħu jseħħ. Dawk ix-xwieni li kien ra Kalanġ minn fuq il-bejt kienu l-flotta Torka u kienu taħt il-kmand ta’ Sinam Paxà u sieħbu Dragut, ilkap tal-furbani. Imma fil-bidu l-ħsieb tat-Torok ma kienx li jieħdu lil Għawdex. Il-ħsieb kien li jattakkaw lill-Kavallieri tal-Ordni ħalli jkeċċuhom minn Malta. Fis-sena 1551, l-Ordni ta’ San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Juan D’Homedes. Wara t-telfa li ġarrbu f’Rodi, il-Kavallieri kienu għadhom ma ġewx f’tagħhom għal kollox u għalhekk il-fortizzi ta’ Malta ma kinux imħejjija kif jixraq għal attakk kbir minn dak l-għadu qalil. Allura, il-Gran Mastru ħejja kif seta’ l-kastell ta’ Sant’Anġlu u l-Birgu imma ħalla għal riħhom il-bqija tal-gżejjer. L-agħar li kien imħejji kien Għawdex għaliex is-swar tal-Kastell ma kinux sħaħ biżżejjed biex jilqgħu għal ħbit bilkanuni. Kienu għadhom sempliċement ħitan għoljin kif kienu nbnew mal-mitejn sena qabel. Malli dehret il-flotta Torka riesqa lejn il-Port il-Kbir, D’Homedes qal lillkavallieri sħabu: “Isa agħlqu d-daħla ta’ bejn Sant’Anġlu u l-Isla b’katina u bix-xwieni ħalli t-Torok ma jidħlux f’din id-daħla.” Imbagħad ordna li xi kavallieri u s-suldati tad-Dejma jitħejjew sewwa f’Sant’ Anġlu waqt li grupp ta’ suldati marru fuq l-għolja Xiberras fejn illum hemm il-Belt Valletta.

12


Meta t-Torok niżlu l-art f’Marsamxett, huma sabu l-kavallieri u s-suldati tad-Dejma jistennewhom. Sar ġlied aħrax u wara li t-Torok ħarbtu xi rħula, reġgħu lura lejn ix-xwieni tagħhom.

Juan de Homedes (1536-1553) - http://www.teutonic.altervista.

13


Il-Maltin ħadu r-ruħ, imma din kienet ferħa bla temma. Sinam qal lil Dragut, “Ma naqtgħux qalbna sieħbi. Ma ħadniex lil Sant’Anġlu, nieħdu lill-Imdina. Għalina xorta tkun rebħa din”. Dragut qabel miegħu u għalhekk il-flotta malajr qabdet triqtha lejn San Pawl il-Baħar. Hemm issuldati Torok reġgħu niżlu l-art u rħewlha lejn il-belt kapitali ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, ifarrku u jħarbtu kull raħal li kienu jgħaddu minnu. Sadattant, il-Gran Mastru kien bagħat għall-Kavallier Adorna u qallu, “Ħa nibagħtek l-Imdina ħalli tieħu f’idejk dik il-belt bħala l-Ħakem tagħha. Ma nistax nibgħatlek ħafna suldati biex jgħinuk. Ara x’tista’ tagħmel imma tħallix lit-Torok jieħdu f’idejhom l-Imdina. Ibqa’ rreżisti sal-aħħar. L-Ordni ta’ San Ġwann jiddependi minnek illum”. B’dak il-kmand tal-Gran Mastru, il-Kavallier Adorna telaq ilebbet fuq iżżiemel tiegħu lejn l-Imdina. Miegħu ħa numru żgħir ta’ suldati li għażlu li jakkompanjawh. Malli daħal l-Imdina, ordna li l-bibien tal-belt jingħalqu – min hu ġewwa, ġewwa u min hu barra, barra. Imbagħad, lin-nies talImdina qalilhom: “Kulħadd jitla’ fuq il-ħitan tas-swar, irġiel, nisa u tfal. Kulħadd jibda jxejjer xi bandiera u ngħajtu kemm nifilħu malli naraw lit-Torok resqin lejna.” Kien jaf li armi biex jiġġieled lit-Torok ma kellux. Kellu biss il-kuraġġ – tiegħu u tal-Maltin. Il-Maltin mhux kollha kellhom fidi li dak li kellu f’moħħu Adorna kien se jirnexxi. Indrì Xtajla kien wieħed minn dawn u lil sieħbu Ġanni ta’ Kejla qallu, “Mhux hekk tgħid! Qishom it-Torok se jibżgħu minn partita nisa jxejru qabda ċraret. Magħmulha tagħna. Inlestu ruħna għall-eżilju żgur!” Imma Ġanni dritt wieġbu, “Kemm taqta’ qalbek malajr, Indrì. Ma kontx nagħmlek hekk. Fid-Dejma dejjem tajt sehmek u qatt ma bżajt. Issa tara kif dawn il-qabda qniefed Torok jibżgħu u jaħarbu!”

14


Meta t-Torok waslu taħt is-swar tal-Imdina, waħda soru resqet fuq ilKavallier Adorna u, mistħija mistħija, qaltlu, “Skużani Sire, imma għandi xi ħaġa x’ngħidlek. Kelli ħolma u fil-ħolma ħassejt x’jgħidli: ‘Tellgħu l-istatwa ta’ Sant’ Agata magħkom fuq is-swar u t-Torok jaħarbu’. Issa int taf x’għandek tagħmel, mhux se nikkmandak jiena.” U telqet. Adorna qagħad jaħsibha daqsxejn u wara ftit iddeċieda li jisma’ minn din is-soru twajba. Għalhekk malajr ordna li tinġieb l-istatwa u ftit wara Sant’Agata dehret fuq is-swar bħallikieku tisfida lit-Torok. Dawn bdew jisparaw lejn l-istatwa imma, ħaġa tal-iskantament, ħadd minnhom ma laqatha anki jekk ħafna minnhom kellhom mira tassew tajba. Imbagħad, xħin raw dan u raw ukoll kif is-swar kienu maħnuqa bin-nies, it-Torok qatgħu qalbhom u Dragut ordnalhom, “Kulħadd lura lejn ixxwieni. Hawn ma aħna se nagħmlu xejn. Immorru Għawdex – dik ilgżira nirbaħha żgur, taqtgħux qalbkom. Din ħalfa ta’ Dragut!” U hekk it-Torok kollha daru lura lejn San Pawl il-Baħar u minn hemm irħewlha lejn Għawdex.

15


16

Akkwisti taħt Sulejman II, bejn l-1520 - 1566

Akkwisti sal-1520.

L-Imperu Ottoman fl-1481.


5 Sadattant, f’Għawdex kienet tirrenja konfużjoni sħiħa. Fir-Rabat, taħt ilKastell, issa bdew jaslu wkoll nies minn irħula mbiegħda bħax-Xagħra u n-Nadur. Irridu niftakru li dak iż-żmien ix-xwieni kienu bil-qlugħ u blimqadef u għalhekk, speċjalment fil-kalma tas-sajf, ma kinux jgħaġġlu wisq. Minħabba f’hekk, l-Għawdxin li kienu jgħixu fl-irħula tal-bogħod sabu żmien biżżejjed biex huma wkoll jilħqu jerħulha għall-wens filKastell. Ħafna minn dawn, bħall-familja ta’ Kalanġ u Fiela, kienu ħadu magħhom il-bhejjem tagħhom biex ma jħalluhomx jaqgħu f’idejn l-għadu. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ġewwa l-belt innifisha kienet serja u mhux wieħed u tnejn bdew jitilfu rashom. Imma mhux kulħadd tilef rasu. Kalanġ u Fiela, flimkien mat-tfal tagħhom, daħlu l-belt mill-mina u l-missier mill-ewwel beda jfittex post kenni fejn il-familja tiegħu setgħet tistrieħ. Dur minn hawn u dur minn hemm, iddeċieda li jeħodhom taħt l-arkata qrib il-knisja ta’ San Nikola, naqra ’l bogħod mill-Matriċi, il-knisja prinċipali tal-gżira. Taħt l-arkata kienu se jkunu għall-kenn mix-xemx tisreġ ta’ Lulju u għar-rdoss billejl. Kalanġ rabat il-mogħża ma’ ħolqa fil-ħajt u qiegħed is-sorra fl-art. Imbagħad hu u Fiela qagħdu bilqiegħda ħdejha u rassew sewwa lil uliedhom qrib tagħhom. In-nies għaddejjin ’l hawn u ’l hemm minn taħt l-arkata xejn ma dejquhom u huma kienu kuntenti bil-post li kienu sabu. Bniedem ieħor li ma tilifx rasu kien l-Alfier Bernardo De Opuo. Bernardo kien żagħżugħ Sqalli li kien emigra lejn Malta meta sema’ li l-Kavallieri ta’ San Ġwann ħadu l-gżira taħt idejhom. Ftit wara l-wasla tiegħu Malta kien intbagħat bħala parti minn stakkament ta’ suldati tal-milizja jaqdu dmirhom fil-gżira Għawdxija.

17


18


Hawnhekk iltaqa’ ma’ Marija, ħa grazzja magħha u wara xi żmien iżżewġu. Kienu joqogħdu proprju fil-Kastell, f’waħda mid-djar maħsuba apposta għall-membri tal-forzi tal-Ordni hemmhekk. Il-ħajja f’Għawdex lil Bernardo għoġbitu u l-familja tiegħu biż-żmien żdiedet b’żewġt ibniet. Kienu l-mimmi t’għajnejh, u aktar ma beda jarahom jikbru, aktar kien iħoss qalbu timtela bil-ferħ għalihom. Kemm kien jieħu gost meta, wara li jtemm sehmu tal-għassa, kien imur lura d-dar u hemm isib lil Marija u lill-bniet jistennewh. Kien tassew fihom għaxqa. Is-snin igerbu u Bernardo, minn sempliċi suldat kien laħaq alfier. Issa kellu r-responsabbiltà tal-għases tad-Dejma u t-tqassim tas-suldati madwar Għawdex u mas-swar tal-Kastell. Bernardo kien iddedikat għal xogħlu. Meta kien iqassam l-għases arah imur għar-ronda magħhom u mhux jikkmanda u jibgħat, u hu jibqa’ għall-kenn ġewwa s-swar, bħalma kienu jagħmlu xi kavallieri beżżiegħa. Kellu kuraġġ ta’ ljun u meta kien jiltaqa’ mal-għadu, kien ikun hu li jmexxi lil sħabu fit-taqbida. Darba minnhom, ċorma furbani kienu niżlu x-Xwejni, telgħu ż-Żebbuġ minn Wied l-Infern u ħatfu żewġ żgħażagħ. Bernardo u sħabu nzertaw jagħmlu r-ronda dawk l-inħawi u meta semgħu l-għajjat, erħewlha għal fuq il-furbani. Seħħet ġlieda qalila u ħafna furbani tilfu ħajjithom, waqt li ż-żgħażagħ inħelsu minn jasar ċert. Wara din il-ġrajja l-fama ta’ Bernardo kompliet tikber. Kellu l-ammirazzjoni tas-suldati kollha taħt idejh. Minħabba f’hekk kienu lesti jimxu warajh f’kull taqbida u jobdu kull kmand tiegħu b’għajnejhom magħluqa.

19


20


6 Hekk kif waslitlu l-aħbar li t-Torok kienu fil-qrib u kienu bi ħsiebhom jaħbtu għall-ġżira, il-Kavallier Aragoniż Fra Galazian De Sessè, il-Ħakem tal-Kastell, sejjaħ malajr lill-kbarat tal-gżira Għawdxija, li tista’ tgħid kollha kienu jgħixu ’l ġewwa mis-swar tal-belt. De Sessè ma kienx ilu li laħaq Ħakem. Infatti kien laħaq dik is-sena stess. Issa kellu jħabbat wiċċu malakbar sfida ta’ ħajtu.

21


Waqt il-laqgħa tiegħu mal-kbarat, hu infurmahom bis-sitwazzjoni. “Il-flotta Torka dalwaqt tisbarka hawn Għawdex.

Kif tafu, m’aħniex

ippreparati għal attakk ta’ din ix-xorta. Lanqas kanuni ma għandna ħlief wieħed qadim. X’tissuġġerixxu li nagħmlu?” Hawn qabeż il-Ġurat Pawlu Di Nas u qal, “Agħtini permess immur inkellem lill-Gran Mastru bla telf ta’ żmien ħalli nurih bis-sitwazzjoni kerha li ninsabu fiha, forsi jibagħtilna ftit għajnuna. Nagħmel li nista’.” De Sessè u l-kbarat l-oħra lkoll qablu mal-proposta u Di Nas erħielha jgħaġġel kemm jiflaħ għal għand il-Gran Mastru. Rikeb feluka mixXlendi li għaddietu minn taħt is-sisien ta’ Ċenċ u malajr qasmet bih il-fliegu ta’ bejn il-gżejjer. Niżel Għajn Tuffieħa u hemm iltaqa’ ma’ xi għases tad-Dejma li tawh żiemel ħafif biex bih seta’ jasal malajr għand il-Gran Mastru. Meta wasal il-Birgu, lil D’Homedes urieh għaliex kien mar għandu u fissirlu x’kienet is-sitwazzjoni f’Għawdex. Il-Gran Mastru wiegħdu xi suldati bħala għajnuna imma qallu wkoll li ma kellux nies minn fejn iqassam għax l-għawġ f’Malta kien għadu ma għaddiex. Kien għadu beżgħan li t-Torok setgħu jerġgħu jattakkaw il-Birgu. Di Nas aċċetta bil-qalb kull għajnuna li ngħata, imma x’kienu l-ftit għaxriet ta’ suldati li ta D’Homedes lil Di Nas ħdejn armata ta’ għaxart elef fost l-aqwa ġellieda tad-dinja ta’ dak iż-żmien?

22


Biex tkompli tagħqad, waqt li Di Nas kien ġej lura lejn il-gżira li tant kien iħobb, waqa’ f’idejn xi suldati Torok li ħaduh quddiem Dragut. Għalkemm priġunier, il-Ġurat ma beżax mix-“Ximitarra misluta tal-Iżlam” u bi qlubija kbira qallu, “Dragut Reis, int sejjer taħbat għal Għawdex, imma kun af li Għawdex mhux se jibża’ minnek għax imexxih hemm il-gwerrier qawwi, il-Kavallier De Sessè.” Dragut għajjat għajta u ordna li l-Ġurat jintrabat ma’ moqdief tax-xini tiegħu ħalli jkun jaf kif għandu jwieġeb lill-aqwa furban Tork li qatt rat id-dinja...

23


Issa l-flotta kienet waslet l-Imġarr u mix-xwieni bdew neżlin numru bla għadd ta’ suldati Torok flimkien mal-ilsiera tagħhom. Dawn tal-aħħar kienu mqabbda jġorru l-armi tal-gwerra, fosthom disa’ kanuni u bċejjeċ oħra ta’ artillerija, biex ikaxkruhom lejn ir-Rabat u l-Kastell. Kien xogħol ta’ tbatija kbira u xi lsiera Nsara bdew jgħajjew matul it-telgħa li tieħu għall-wita tax-Xewkija. “Ħennu għalina jaħasra, daqskemm huma tqal dawn il-kanuni. Ħa nieqfu ftit ħa nieħdu nifs. Tuna ftit ilma għax mejtin bil-għatx....” Imma l-argużini Torok li kienu għassa magħhom weġbuhom b’disprezz, “Ħaffu,

ja klieb, ħalli naslu r-Rabat.... Tibżgħux, dalwaqt tiġikom

l-għajnuna. Ħalli jiġu taħt idejna l-Għawdxin tal-belt. Nuru lilhom ukoll xi jfisser l-isem ta’ Dragut u ta’ Sulejman, is-Sultan qawwi tagħna. Ħa, ħa, ħaj!” U b’dik id-daħka u bid-daqqiet tal-frosta, l-ilsiera komplew triqthom lejn ir-Rabat flimkien mal-kumplament tal-armata Torka.

24


7 Hekk kif sema’ li Di Nas kien waqa’ f’idejn it-Torok, il-Ħakem t’Għawdex sejjaħ lill-uniku bumbardier li kellu, xiħ Ingliż jismu John Brown. “Kif taħseb li nistgħu niddefendu s-swar tagħna b’dan il-kanun biss?” staqsieh De Sessè. “L-aħjar, Sire, ikun li nqegħduh faċċata ta’ fejn huma jqiegħdu l-kanuni tagħhom ħalli forsi jirnexxilna neqirdulhom xi wieħed jew tnejn qabel itajruna b’kollox.” Il-Ħakem qabel miegħu u għalhekk il-bumbardier qal talba f’qalbu lil Santa Barbara, dik il-qaddisa protettriċi tal-bumbardiera, u mbagħad baqa’ sejjer fejn kien hemm il-kanun biex, malli jkun jaf fejn tqiegħdu dawk tat-Torok, ikaxkru lejn dik in-naħa. Sadattant, l-Alfier Bernardo kien ġabar is-suldati kollha li kellu taħt ilkmand tiegħu biex ifehemhom x’kienet sewwa s-sitwazzjoni. Ħaseb li jqassamhom matul is-swar kollha, imma billi fin-naħa tat-Tramuntana, in-naħa faċċata tal-għoljiet tal-Ħarrax u ta’ Kuljat, is-swar kienu mibnija fuq sisien għoljin, ma kellux fidi li t-Torok kienu se jaħbtu għalihom minn dik in-naħa. Għalhekk ordna li, ħlief għal ftit irġiel li kellhom joqogħdu għassa fin-naħa tat-Tramuntana, il-biċċa l-kbira tas-suldati kellhom jitqassmu fuq is-swar li jġibu taħthom lir-Rabat. U hemm qagħdu jistennew lit-Torok jaslu. ----------------------------B’ħafna nfieħ, sforzi u tqanżiħ, sa fl-aħħar it-Torok telgħu l-aħħar telgħa u waslu fil-pjazza prinċipali tal-gżira. Is-skiet li sabu jsaltan f’dak il-post kien miksur biss biż-żaqżiq tar-roti tal-kanuni, it-tisbit tal-qrieq tassuldati u n-nifsijiet qawwija tal-ilsiera. Fir-Rabat ma kienet tidher ebda ruħ. L-uniku sinjal ta’ ħajja kien xi kelb jew qattus idur ’l hawn u ’l hemm

25


ifittex lil sidu li għeb. Il-baħħ u s-silenzju kienu ħadu post il-geġwiġija u l-għagħa tal-folla li sa ftit qabel kienet imliet l-inħawi taħt is-swar tal-belt. L-ilsiera, mifluġin wara dik it-triq twila mix-xatt tal-Imġarr sar-Rabat, intefgħu tulhom fl-art jieħdu ftit tan-nifs qabel tiġi xi ordni qalila oħra. Flistess waqt, xi suldati klubin għall-ġid ta’ ħaddieħor bdew deħlin u ħerġin minn dar għal dar, jisirqu kulma jsibu – xi ftit tal-flus, deheb u xi ħaġa prezzjuża - li s-sidien ta’ dawk id-djar kienu ħallew warajhom fl-għaġla tagħhom biex jaħarbu. Dak li t-Torok ma ħadux, bħal gradenzi, imwejjed u gwardarrobbi, għamluh tlief u ħarquh f’nofs il-pjazza fi ħġejjeġ kbar. Sadattant, l-armata Torka waqqfet it-tined tagħha fl-inħawi ta’ taħt ilkunvent tal-patrijiet Franġiskani minħabba l-wesgħa ta’ art watja li sabu hemm. Malli wasal, Sinam Paxà, bi qbil ma’ sieħbu Dragut, ordna li d-disa’ kanuni jitqassmu nofshom mal-pjazza u l-bqija fl-inħawi tal-qrib taħt Putirjal, żewġ postijiet li jiġu sewwasew taħt is-swar li jħarsu lejn in-Nofsinhar talKastell. Din in-naħa s-swar kienu aktar baxxi minn bnadi oħra. Minn hawn, mela, kellu jibda l-ħbit fuq il-belt. Il-kanuni tal-pjazza kellhom jimmiraw lejn in-naħa ta’ bieb il-belt waqt li dawk ta’ taħt Putirjal kellhom bħala mira tagħhom is-swar tal-Lvant. Il-kanuni tal-għadu malajr sabu posthom u l-bumbardiera Torok bdew iħejju biex jisparaw l-ewwel tiri fuq il-ħitan għoljin tal-Kastell. Is-suldati, min-naħa tagħhom, ħejjew slielem u ħbula biex bihom jixxabbtu malħitan malli jingħata s-sinjal mill-kmandant. Il-kanuni sparaw l-ewwel tiri tagħhom u d-dħaħen lanqas kienu għadhom għebu li s-suldati, b’għajta li twaħħax ma ġrewx lejn is-swar biex jagħtu l-assalt. Bil-kalma kollha, l-Alfier Bernardo stenniehom jersqu u, malli

26


waslu sewwasew taħt il-ħitan u ressqu s-slielem tagħhom, ordna l-ewwel tiri tal-azzarini u tal-qwies. Xita ta’ vleġeġ u tiri tal-azzarini niżlet fuq itTorok u dawn malajr resqu, lura imma ħallew warajhom numru minn sħabhom mejtin. Meta ra hekk, Sinam Paxà ordna l-kanuni jisparaw bla waqfien. Ilbumbardier Brown kien jaf li b’kanun wieħed ma setax jeħodha kontra disgħa u għalhekk ma għaġġilx iwieġeb għat-tiri Torok imma mmira sewwa l-kanun tiegħu lejn wieħed minnhom biss. Il-kanun ta’ fuq is-sur spara u l-balla ħabtet qrib il-kanun tan-nofs tat-Torok. Brown reġa’ mmira sew u spara, u din id-darba laqat lill-kanun Tork f’nofsu. Dan inqaleb fuq ġenbu u dawk is-suldati li kienu madwaru nqatlu. Dragut, li kien qiegħed isegwi kollox, malajr għajjat, “Kull kanun jimmira għal dak t’hemm fuq. Kulħadd jispara għalih biss!” Tmien ħluq ta’ kanuni nebħu f’daqqa waħda u tmien balal ħabtu eżatt fejn kien hemm il-kanun tal-Kastell. Dan tar minn postu u laqat lill-Bumbardier Brown. Għawdex kien tilef l-uniku bniedem li seta’ jwieġeb għal kontra l-qawwa tal-kanuni tal-għadu. Meta ra li l-kanun ta’ Brown siket, Sinam ordna li l-kanuni jkomplu jisparaw b’kemm kellhom saħħa fuq il-ħitan sakemm dawn jiġġarrfu. Is-suldati Torok għamlu l-almu tagħhom kollu biex jerġgħu jaħbtu għas-swar, imma l-Alfier Bernardo u sħabu kienu lesti għalihom dejjem, hekk li ħadd mit-Torok ma seta’ jmidd riġlu fuq xi wieħed mis-swar bla ma jispiċċa mitfugħ lura għal isfel. Bernardo jdur u jagħmel il-kuraġġ lil sħabu u huma jisparaw bla ma jieqfu. Ħafna rġiel Għawdxin, u magħhom anki xi nisa, xħin raw li s-suldati ta’ Bernardo ma beżgħux mill-għadu, għamlu l-kuraġġ u resqu huma wkoll jagħtu daqqa t’id. Magħhom kien hemm Kalanġ. In-nisa kebbsu n-nar u saħħnu ħafna żift u qatran ġo kaldaruni

27


kbar sakemm beda jagħli. Imbagħad l-irġiel qabdu dawn il-kaldaruni biż-żejt jagħli u ferrgħuhom fuq it-Torok, huma u jixxabbtu mal-ħbula u s-slielem. Dak twerżiq u għajjat li beda jinstema’ minn hemm isfel!

Artist - Dominique Papety

28


8 L-ewwel jum tal-assedju ġie fi tmiemu u l-ġellieda fuq iż-żewġ naħat waqfu jistrieħu għal-lejl u jfasslu l-attakk u d-difiża tal-għada. Bernardo ma ssugrax iwarrab minn fejn kien u għalhekk baqa’ l-lejl kollu fuq isswar. Martu Marija marret issibu, ħaditlu xi ħaġa tal-ikel u għaddiet ftit tal-ħin miegħu, tagħmillu kuraġġ. Staqsieha għat-tfal u qaltlu li kienu msakkrin ġewwa, jitolbu għal missierhom u għal Għawdex. Meta martu telqet, Bernardo dar lis-suldati tiegħu wieħed wieħed, jirringrazzjahom tal-isforz li kienu qegħdin jagħmlu u jagħmlilhom il-qalb għall-ġlied li kellu jseħħ l-għada. Malli sebaħ, il-kanuni tal-għadu reġgħu fetħu n-nar bil-kbir fuq is-swar tal-Kastell. Dan kien jum ta’ ġlied mill-eħrex, bit-Torok jaħbtu u jerġgħu jaħbtu għas-swar u l-Għawdxin jixħtuhom lura kull darba. Imma aktar ma beda għaddej il-ħin aktar beda jikber il-ħsieb ikrah li l-munizzjon kien qiegħed jiskarsa. Minn Malta ma kienet ġiet ebda għajnuna u l-Għawdxin ħassewhom waħedhom u abbandunati minn kulħadd. Biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, il-balal tal-kanuni jħabbtu bis-saħħa fuq il-ħitan kienu bdew jagħmlu effett. Sħaħ kemm kienu sħaħ dawn ilħitan, kemm setgħu jifilħu min iballat fuqhom qabel jixxaqqu u jiġġarrfu? Għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, ħajt mis-sur tan-naħa tal-Lvant ċeda u wara li d-daħna tat-trab għebet, dehret selħa kbira fih. Kienet l-ewwel daqqa ta’ ħarta kbira għal dawk il-qalbiena. Imbagħad wieħed wara l-ieħor iġġarrfu ħitan oħrajn u issa s-sitwazzjoni kienet iggravat sew. Meta ra hekk, il-Ħakem De Sessè qabdu ferħ ta’ ġenn. Beda jippassiġġa minn sala għal oħra fil-palazz tiegħu fil-pjazza tal-Matriċi. Kellu wiċċu

29


aħmar nar. Idejh bdew deħlin u ħerġin f’xagħru u kien qiegħed jonfoħ waħda f’waħda. Fl-aħħar qatagħha li jibgħat għall-kbarat t’Għawdex u jiddiskuti s-sitwazzjoni magħhom. Inġabru fis-sala tal-kunsill u hemm kulħadd beda jgħid tiegħu.

Kollha qablu f’ħaġa waħda – li riedu

jsalvaw ġildhom. Imma kif? Ftehmu li jistennew sal-għada biex jaraw is-sitwazzjoni kif se tiżviluppa u jekk tasalx xi forma ta’ għajnuna minn Malta. Jekk din ma tasalx, qablu li jibagħtu lil xi ħadd ikellem lit-Torok dwar kif se jċedu l-Kastell.

30


9 In-nies bdiet tinduna li l-affarijiet ma kinux sejrin sew u li s-sitwazzjoni kienet iggravat. Allura wħud bdew jaraw kif se jagħmlu biex jaħarbu dak il-lejl minn ġewwa dik li issa kienet saret bħal nassa tal-ġrieden għalihom. Żewġ żgħażagħ minn Ta’ Sannat kienu mdorrija jiddendlu mal-ħbula mas-sisien li kien hemm Ta’ Ċenċ u Tal-Bardan biex jistadu għall-kaħli. Dawn ftiehmu li, jekk isibu ħbula ħoxnin biżżejjed, malli jidlam jissugraw jiddendlu minn fuq is-swar tan-naħa tat-Tramuntana bħalma kienu jagħmlu meta kienu jmorru għall-kaħli. Tkellmu ma’ xi ħbieb tagħhom dwar x’kienu se jagħmlu u malajr il-kelma ġriet dwar dan l-attentat kuraġġjuż tas-Sannatin. Kien hemm min talabhom li jaħrab magħhom. Iż-żgħażagħ ma sabu ebda oġġezzjoni, jaħrab min jista’. Hekk għadd ta’ rġiel u anki xi nisa kienu lesti jippruvaw jaħarbu. Malli dalam sewwa bdew resqin grupp grupp ta’ persuni lejn is-swar tatTramuntana. Hemm sabu liż-żewġ żgħażagħ minn Ta’ Sannat lesti b’xi ħbula twal u ħoxnin f’idhom. Inzerta li fuq is-sur kien hemm Manwel, raġel Malti jgħix Għawdex li xogħlu kien kurdar, jiġifieri jagħmel il-ħbula. Meta ż-żgħażagħ kienu talbuh jagħtihom xi ħbula, dan ma damx jaħsibha darbtejn u qalilhom biex jieħdu dak kollu li kellhom bżonn. “Issa norbtu l-ħbula sewwa u ndendluhom għal isfel. Imbagħad, jien u ħija ninżlu ’l isfel magħhom. Araw sewwa kif nagħmlu aħna u agħmlu bħalna. Stennew li l-ewwel naslu isfel qabel tippruvaw tinżlu warajna u tiffullawx. Ftakru, inżlu wieħed wieħed u waħda waħda, bil-mod ħalli ma tmorrux taqgħu.” U b’dak il-kliem l-ewwel żagħżugħ beda nieżel.

31


Malli bdew jaslu isfel, dawk li ssugraw jiddendlu ma qagħdux jistennew imma telqu jiġru kemm il-Bambin tahom saħħa lejn l-għelieqi u għebu ġewwa Wied Sara. Minn hemm kulħadd mar għal riħu. Min rħielha lejn l-għerien tal-Mixta ta’ Għar Ilma, min lejn ix-Xagħra u min lejn il-widien fondi n-naħa tan-Nadur. Hemm sabu rkejjen imwarrba fejn ħadd ma jista’ jsibhom ħalli ma jinqabdux mill-ġdid u jispiċċaw agħar milli kienu qabel. Hekk ħarbu numru mhux magħruf ta’ rġiel u anki xi nisa. Imma Kalanġ u l-familja ma kinux magħhom.

32


33


34


10 L-għada filgħodu, il-Ħadd 26 ta’ Lulju, il-kbarat reġgħu ltaqgħu għand il-Ħakem.

De Sessè qalilhom biex jaqtgħu qalbhom li kellha tasal

l-għajnuna li kienu jistennew. Għaldaqstant, kellhom jaraw x’se jagħmlu biex jeħilsu minn dan l-għawġ li kienu sabu ruħhom fih. Wieħed millkbarat qam u qal lill-Ħakem, “Sire, naf patri Agostinjan li jitkellem tajjeb l-Għarbi għaliex għamel żmien Tripli u għalhekk hu midħla sewwa ta’ kif jaħsbuha dawn in-nies. Trid ngħidulu jmur ikellem lill-kapijiet u jgħidilhom bil-proposta tagħna?” “Min hu dan il-patri u xi proposta se noffrulhom lit-Torok meta dan imur ikellimhom?” staqsa l-Ħakem. “Il-patri jismu Bartilmew Bonavia. Ngħidulu jgħidilhom li l-Ħakem lest li jiftaħ il-bibien tal-belt u jċedi l-Kastell bil-patt u l-kundizzjoni li meta jidħlu jeħilsuha lil mitejn membru tan-Nobiltà Għawdxija. Hekk neħilsu mill-eżilju. Xi tgħid Sire?” “Kollox sew. Ibagħtu għall-patri,” amar ilĦakem. Dan kien att ċar ta’ tradiment. B’dan il-mod, il-kbarat kienu qegħdin iserrħu moħħhom li huma ma jispiċċawx ilsiera tat-Torok, filwaqt li ġew jaqgħu u jqumu mill-kumplament tan-nies tal-gżira.

Xejn ma kien

jimpurtahom li ħuthom l-Għawdxin, ħafna minnhom bla għaxja ta’ lejla, kienu se jsibu ruħhom f’qagħda mill-aktar imwiegħra. Familji mfarrka, tfal iltiema, nisa mifruda minn żwieġhom u ħadd ma jaf jibqax ħaj jew le. Daqshekk il-ħajja kwieta li kienu jgawdu sa jumejn qabel. Hekk kif Patri Bartilmew wasal quddiem il-Ħakem, dan tal-aħħar ma qagħadx idur mal-lewża. Ordnalu biex imur ikellem lill-mexxejja tat-

35


Torok. Fehmu sewwa x’għandu jgħidilhom u qallu biex iġib lura t-tweġiba mingħandhom. Il-patri tmeżmeż meta sar jaf għaliex De Sessè kien bagħat għalih, imma għamel il-qalb u obda. Il-kbarat, li kienu għal-laqgħa wkoll, ħaduh fuq is-swar biex minn hemm Patri Bartilmew kellem lit-Torok. Marru jwassluh huma ħalli hekk ħadd ma jsir jaf it-tir ta’ moħħhom x’kien. Lit-Torok, il-patri qalilhom min kien u li xtaq jinżel ikellem lill-mexxejja tagħhom, dejjem jekk huma jagħtuh permess. Dragut u Sinam Paxà ġiethom il-kurżità dan il-patri biex kien ġej u għalhekk qalulu li seta’ jinżel ikellimhom. Bil-mod il-mod, il-kbarat niżżlu lill-patri ġo qoffa marbuta ma’ ħabel. Hu u nieżel fil-qoffa l-patri kellu msarnu f’saqajh. Kien jibża’ mill-għoli u l-ħabel iżaqżaq ma tantx għamillu qalb. Ħasbu se jinqata’ bih minn ħin għall-ieħor. Malli l-qoffa messet mal-art, xi suldati Torok resqu lejn Patri Bartilmew u ħaduh magħhom. Ħaduh lejn tinda kbira armata qrib il-kanuni ta’ Taħt Putirjal. Daħħluh hemm ġewwa u quddiemu sab numru ta’ uffiċjali Torok jistennewh. Bilqiegħda f’nofshom, fuq maqgħad tal-bellus u b’tapit mill-isbaħ taħt riġlejhom, kien hemm iż-żewġ kmandanti, Sinam Paxà u Dragut. Mill-ilbies tal-gwerra li kellhom fuqhom kienu jidhru li kienu huma l-ġenerali ta’ dawk il-qtajja’ kbar ta’ suldati Torok li kien hemm quddiem is-swar tal-Kastell. Tkellem Sinam, billi hu kien il-kap kmandant. “X’aħbar ġibt miegħek raħeb?”,

staqsa

mqit Sinam, “Taħlilniex

ħin

għax

ħin

x’naħlu

m’għandniex.” Imwerwer minn dawk l-irġiel armati sa snienhom quddiemu, Patri Bartilmew qalilhom x’kienet il-missjoni tiegħu. Spjegalhom bi kliem ċar li l-Ħakem De Sessè u n-nobbli t’Għawdex kienu lesti jċedu, jiftħu l-bibien u jħallu lit-Torok jieħdu f’idejhom il-belt. Imma dan kienu lesti jagħmluh

36


37


b’kundizzjoni waħda: li Sinam u Dragut jagħtu garanzija li l-Ħakem u miegħu mitejn nobbli mexxejja tal-gżira ma jittiħdux ilsiera. Sinam tbissem u lill-patri qallu, “Le, mitejn le żgur. Jekk iridu, jien lest inħalli ħielsa erbgħin mix-xjuħ tal-poplu. Dik hi t-tweġiba tiegħi. Jekk ma jaċċettawx, l-assedju jkompli u tafu kif se jintemm.” Meta sema’ dan il-kliem, Patri Bartilmew gidem xofftu, sellem lil dawk il-mexxejja Torok u dar biex jitlaq. Qabel ħareġ mit-tinda, Dragut qallu, “Raħeb, għidilhom lil sħabek l-Għawdxin li Dragut qatt ma jinsa!” U b’dak il-kliem jidwi f’widnejh il-patri telaq, akkumpanjat minn żewġ suldati, lejn fejn kien hemm il-qoffa tistennieh. Hekk kif wasal taħt il-ħajt tas-sur, għajjat lil dawk li kienu jistennewh hemm fuq. Qalilhom biex itellgħuh għax kellu tweġiba għall-Ħakem. Wasal fuq u hemm sab min iwasslu sas-sala tal-laqgħat fil-palazz ġewwa l-pjazza tal-Kastell. Fis-sala sab lill-Ħakem u lill-kbarat jistennewh fuq ix-xwiek bit-tweġiba tat-Torok. Patri Bartilmew ddeskrivielhom x’għadda mingħalih u qalilhom kelma b’kelma x’kienet it-tweġiba ta’ Sinam Paxà. Meta semgħu li n-numru kien niżel minn mitejn għal erbgħin, ma ħadux gost għax, bdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, “Min minna se jinħeles u min se jaqa’ lsir?” Damu jaħsbuha ftit imma fl-aħħar il-Ħakem iddeċieda. “Erbgħin iridu, mela erbgħin ikunu. Mur għidlu, Patri Bartilmew, li naċċetta l-kundizzjoni”. Dan qalu għaliex hu ħaseb li kien se jkun wieħed minn dawk l-erbgħin magħżula. Wara li ftiehmu l-ħin li fih kellu jinfetaħ il-bieb u jitniżżel il-pont tal-injam li kien jifred lill-Kastell mill-bqija tar-Rabat, Patri Bartilmew, kontra qalbu, reġa’ rħielha għal għand Sinam u Dragut.

38


11 Ftit sigħat wara din il-laqgħa, fuq ordni tal-Ħakem, l-għassiesa erħewlha lejn il-mina tal-bieb u xħin kienu quddiem in-niċċa ta’ Sant’Anna, ilpatruna tal-bibien tal-bliet, qalulha talba bil-qalb f’qalbhom. Imbagħad, il-bieb tal-belt infetaħ u l-pont tal-injam tniżżel biex it-Torok setgħu jidħlu ġewwa. Imma jekk il-Ħakem u l-kbarat tal-gżira ħasbu li dan kien ser isir b’mod ċivili, xejn ma seħħ minn dan. Il-ġellieda tal-għadu daħlu jiġru b’kemm kellhom saħħa ġewwa s-swar u bdew jaħbtu għal kull min kienu jsibu quddiemhom. Dragut għajjat ferħan, “Kulma ssibu, tagħkom. Ħuduh l-aħwa u min jipprova jifqilkom, eħilsu minnu. Tħallu xejn warajkom. Dak li ma jogħġobkomx kissruh u farrkuh ħalli żgur ma jibqa’ xejn. Waslet is-siegħa li jpattuha l-Għawdxin ta’ kulma għamlu lil ħija!” It-Torok dak li xtaqu jisimgħu. Ħassew li hekk kienu se jitħallsu talli kienu ġġieldu għal Sinam u Dragut. Bdew jidħlu ġewwa d-djar u jqallbuhom ta’ taħt fuq, jaraw x’jgħodd għalihom. Qabel joħorġu kienu jagħtu n-nar u jħallu ħġejjeġ warajhom. In-nirien mkebbsa fid-djar ħeġġew sew tant li anki t-travi tal-injam li kienu jżommu s-soqfa qabdu u meta nħarqu għal kollox is-soqfa waqgħu u d-djar iġġarrfu. Il-Matriċi wkoll ħabtet ma’ moħħhom u wħud minn dawk l-għefiered Torok daħlu f’dak il-post sagru, iqallbu u jfarrku kulma jiġi għal idejhom. Daħlu fis-sagristija u hemm taw in-nar lid-dokumenti li min jaf kemm kien ilhom jeżistu. Xi wħud minnhom ħaduhom magħhom biex meta jmorru lura juruhom lil Sulejman bħala xhieda li l-post kienu tassew rebħuh. B’hekk il-Matriċi messha l-istess xorti tad-djar l-oħra. Meta daħlu fil-palazz tal-Ħakem, lil De Sassè sabuh jistenniehom liebes

39


ta’ kavallier. Dan ħaseb li se jkellmuh bil-galbu u jgħidulu li kien se jinħeles skont il-ftehim. Imma huma ħatfuh minn dirgħajh u kaxkruh quddiem Sinam Paxà, bħallikieku kien wieħed ta’ qattagħni. Malli sab ruħu quddiem Sinam, De Sessè staqsieh għaliex lilu, il-Ħakem tal-gżira, kienu għamlulu hekk, u fakkru fil-ftehim li kellhom.

Sinam infaqa’ jidħaq

u wieġbu, “Ara issa m’inti Ħakem xejn. Int sempliċi lsir bħal kull min hawn ġewwa l-Kastell. Issa aqbad ħwejġek u ġorrhom fuq dahrek għalina sa ma tasal fuq ix-xwieni tagħna.” “U l-ftehim?” rega’ staqsa De Sessè. “Eh, il-ftehim inżommu għax min hu Tork tassew, ma jiksirx il-kelma.” U dar fuq uffiċjal li kien hemm fil-qrib u ordnalu, “Mur u ġib l-ixjeħ erbgħin ruħ li ssib minn fost l-Għawdxin ħalli nagħtuhom il-ħelsien. Mhux li neħles erbgħin mix-xjuħ tal-poplu kont għedt? U hekk isir. Eħilsu wkoll lil dak ir-raħeb li ġie jkellimna. Dak urieni rispett. Mur, iddumx, u ġibhomli hawn ħalli nagħtihom il-ħelsien jien stess quddiem dan il-kavallier.” U hekk, dawk li ħasbu li kienu se jdabbru rashom, fosthom il-Ħakem u n-nobbli tal-gżira li ħafna minnhom lanqas biss kienu Għawdxin, spiċċaw imkaxkra malbqija tal-poplu Għawdxi lejn il-jasar.

40


41


42


12 Meta s-suldati Għawdxin raw x’kien qiegħed iseħħ quddiem għajnejhom, imtlew bir-rabja. Bernardo ma felaħx aktar u għajjat, “Għalihom ħbieb. Ma nħalluhomx jagħmlu li jridu. Jew nirbħu jew immutu!” U erħielha jiġri kemm kellu saħħa lejn fejn kien hemm l-akbar folla ta’ Torok. Sħabu ġrew warajh u xħin waslu fuq it-Torok bdiet taqbida liema bħalha. Min jagħti bix-xabla minn hawn, min ixejjer ix-ximitarra minn hemm, dak jilqa’ bit-tarka, l-ieħor jaqa’ fl-art ferut għall-mewt, u hekk ħafna Torok ħallsuha qares talli daħlu fil-Kastell.

43


Imma n-numru tas-suldati Għawdxin kien żgħir wisq. Il-kuraġġ li wrew ma kienx biżżejjed u wieħed wieħed bdew jaqgħu taħt l-armi tat-Torok sakemm kien għad baqa’ biss l-Alfier Bernardo. Hekk kif sab ruħu waħdu kontra ċorma furbani, ma’ moħħ Bernardo ħabat ħsieb ikrah. “Jien immut, imma x’se jiġri mill-familja tiegħi. Kif se tispiċċa l-għażiża Marija tiegħi? U wliedi x’se jsir minnhom?” B’dan il-ħsieb f’moħħu, Bernardo ra kif żgiċċa mit-Torok u ħarab jiġri lejn id-dar tiegħu fejn il-knisja. Fi triqtu beda jaħseb kif jista’ jħarrabhom, imma ma kien hemm ebda soluzzjoni. Kienu se jaqgħu lsiera u msieken huma. Mela kien hemm mod wieħed biss kif jeħlishom u għaġġel aktar lejn id-dar. Malli wasal sejjaħ lil martu u lil uliedu u spjegalhom kif kienet is-sitwazzjoni mwiegħra ħafna. Allura Bernardo għannaqhom miegħu għall-aħħar darba, bieshom fuq ġbinhom u mbagħad, b’qalbu maqsuma, qabad f’idu l-istallett li kellu mdendel ma’ ħżiemu u għamel użu minnu tliet darbiet. Wara li temm dik il-biċċa xogħol kerha, imbarra l-bieb u stenna lill-għedewwa. Dawn ma damux ma waslu u bdew iħabbtu kemm jifilħu fuq il-bieb. Meta ma nfetaħx bdew jaħbtu għalih sakemm sfrundawh. Malli l-bieb infetaħ isibu lil Bernardo jistenniehom bil-pistoli u x-xabla. L-ewwel Tork li rifislu l-għatba ta’ daru laqqat tir mingħand Bernardo u waqa’ fl-art mejjet. Hekk ukoll ġralu t-tieni wieħed. Imbagħad daħlu oħrajn u Bernardo ġġildilhom b’sengħa tal-għaġeb. Mietu bosta oħrajn imma fl-aħħar anki Bernardo, għajjien u ferut ħafna drabi, waqa’ mejjet ħdejn it-tliet persuni bla ħajja li tant kien iħobb.

44


13 Bil-mod il-mod, fil-Kastell waqgħet bħal kalma mhux tas-soltu. B’qalbhom maqtugħa, l-Għawdxin waqfu jippruvaw joħduha kontra l-għadu u s-suldati Torok bdew jiġbruhom ġgajta ġgajta fil-pjazza ta’ quddiem il-Matriċi li issa kienet saret borġ ġebel. Suldati u furbani oħrajn bdew iduru triq triq ifittxu lil min kien mistoħbi. Anki fil-kantini niżlu u sa fittxew fil-bjar. Ħadd minn dawk li kien hemm fil-Kastell ma ħelisha u kollha sabu ruħhom fil-pjazza. Imbagħad, misjuqa mill-istess suldati, l-imsejkna bdew il-mixja tagħhom lejn il-jasar. Irġiel, nisa, tfal u anki anzjani niżlu mit-telgħa tal-belt bħal f’purċissjoni, bit-Torok għassa tagħhom fuq kull naħa li ma jmurx xi ħadd minnhom jagħti s-salt biex jaħrab. Dragut ordna wkoll li stakkamenti ta’ suldati mmexxija minn uffiċjali jmorru jfittxu fil-kampanja biex jaraw jekk isibux lil xi maħrub jew maħruba u jkaxkruhom lejn ir-Rabat ħalli jingħaqdu mal-bqija tal-priġunieri. Sa fl-aħħar kulħadd niżel mill-belt u l-Kastell inbidel f’belt tal-iħirsa. Ma kien baqa’ ħadd ħlief dawk li kienu tilfu ħajjithom. Jekk wieħed kellu jdur dawra mat-toroq kien jilmaħ djar imġarrfa, oħrajn idaħħnu, bibien mifqugħin u miftuħin beraħ u taqlib kullimkien.... Meta niżel kulħadd fir-Rabat, it-Torok qabdu t-triq lejn Għajn Qatet wara l-kunvent ta’ San Franġisk biex jibqgħu sejrin lejn ix-Xewkija. Huma u għaddejjin minn fuq Għajn Qatet, għajnejn Fiela waqgħu fuq ir-razzett tagħhom, dik id-dar ħelwa li kienet tant tħobb u li fiha kienet rabbiet ilfamilja tagħha. Issa kollox kien intemm. Qatt iżjed ma kellha tara lil dik

45


id-dar għażiża u nfexxet tibki kemm tiflaħ. Kienet tilfet lil żewġha Kalanġ u liż-żewġ uliedha, Pietru u Ester. Minn xħin it-Torok kienu firduhom minn xulxin, ma kinitx lemħithom aktar. U dan kompla kattar id-dwejjaq kbar li kienet qiegħda tħoss jagħsrulha qalbha.

46


47


Is-serbut ta’ priġunieri imbagħad qabad in-niżla lejn il-wita tal-Ħamrija qrib ir-raħal tax-Xewkija. Hemm ġibed lejn in-Nofsinhar sakemm qabad tarf Wied Ħanżira. Il-priġunieri ntebħu li kienu sejrin lejn Imġarr ix-Xini. Għaddew mit-trejqa taħt ix-xagħri ta’ Ta’ Ċenċ u bil-mod il-mod waslu fil-bajja dejqa qisha ħondoq. It-Torok issa ġabru lil kulħadd fuq il-plajja sakemm bdew ġejjin id-dgħajjes biex jgħabbu lil kulħadd għal fuq ixxwieni. Meta bdew jaslu d-dgħajjes, it-Torok inqasmu f’żewġ gruppi, grupp inewwel lill-priġunieri għal fuq id-dgħajjes u grupp jaqdef bihom lejn ix-xwieni. Kull xħin kien jitgħabba xi priġunier, dawk ta’ fuq id-dgħajjes bdew jgħajtu b’leħen nibbiex, “Newwel ’l hawn kelb ieħor!” jew “Newwel ’l hawn kelba oħra!”. Minħabba f’hekk, ponta ta’ art ħierġa għal ġol-baħar qrib Imġarr ix-Xini baqgħet tissejjaħ Ras in-Newwiela minn dakinhar. Pietru u Ester, imbikkmin u mitlufin mingħajr ommhom u missierhom, kienu hemm ukoll, jistennew fost dawk il-ħafna nies biex, meta jmisshom, jitgħabbew huma wkoll għal fuq ix-xwieni. Min jaf x’kien lesta għalihom id-destin kiefer.....?

48


14 Dak il-ħin, l-ilma ta’ ġol-bir tad-Dar tal-Gran Kastell tqanqal mill-ġdid u dik id-dehra tal-waħx għebet. Kenneth baqa’ mwaħħal mal-ħerża, iċċassat iħares lejn is-swidija f’qiegħ il-bir, u bilkemm ried jemmen dak li kien ra. Xi ħadd messu fuq spalltu u t-tifel inħasad. Dawwar wiċċu u sab lil Miss Borg quddiemu. “X’inti tħares ’l hemm isfel, Kenneth? Għaliex bqajt hawn u ma ġejtx magħna fis-sular ta’ fuq? Hemmhekk hemm ħafna aktar x’tara minn hawn. Ma jinteressakx il-folklor ta’ niesna, għid?” Kenneth kien għadu miblugħ bid-dehra ta’ qiegħ il-bir u m’għarafx kif iweġibha. Imbagħad, bla ma jaf għaliex, staqsa lill-għalliema tiegħu, “Miss, hawn fuq fiċ-Ċittadella hawn ħerba sħiħa. Għaliex dan il-bini kollu mwaqqa’ u ħadd ma reġa’ bnieh? Ir-Rabat hemm tant bini ġdid u sabiħ u hawn fuq donnu kollox abbandunat!” Tassew, sal-lum il-ġurnata għadek tara ħafna bini mwaqqa’ u bħal donnhom għelieqi mitluqin. Ħafna mill-qirda tmur lura għal dik il-grajja kerha tal-1551, anke jekk it-terremot tal-1693 kompla qered dak li t-Torok ma qerdux. Veru, dawn l-aħħar snin sar ħafna tisbieħ fi u madwar iċĊittadella, imma barra l-Katidral, il-Palazz tal-Isqof, il-Qorti u xi bini ieħor, il-bqija donnu kollox se jaqa’ u ma jaqax. Miss Borg ħadet nifs ’il ġewwa u lil Kenneth qaltlu, “Iva tassew, hekk jidher, li hawn ħerba sħiħa. Imma taf għaliex? Għax madwar ħames mitt sena ilu kienu ġew it-Torok u assedjaw liċ-Ċittadella. L-Għawdxin damu tlitt ijiem jiġġieldu. It-Torok rebħu u xħin daħlu hawn, farrku kullimkien u kaxkru lill-Għawdxin kollha lsiera. F’Għawdex ma kien baqa’ tista’ tgħid

49


ħadd ħlief xi ftit li kienu rnexxielhom jaħarbu. Dawk irrakkuntawlna l-istorja kollha li l-istoriku Giacomo Bosio semma’ meta kiteb l-Istorja tal-Ordni tal-Kavallieri. Bosio jgħid li dakinhar madwar sitt elef persuna bejn irġiel, nisa u tfal sfaw eżiljati minn arthom. Uħud ittieħdu Tarħuna, ġewwa l-Libja, imma l-biċċa l-kbira nbiegħu fis-swieq tal-ilsiera ġewwa Kostantinopli, il-belt kapitali tal-Imperu Tork”. “Ftit minn dawk li kienu waqgħu lsiera nfdew u ġew lura pajjiżhom wara ftit. Kien bl-għajnuna tal-isqof ta’ dak iż-żmien, Monsinjur Cubelles, li oħrajn li kienu waqgħu lsiera, fl-aħħar inħelsu u ġew lura lejn gżirithom. Sadattant lejn Għawdex ma ried jersaq ħadd. Għal ħafna snin kien qisu gżira tal-uħux u l-iħirsa. Għadda ħafna żmien qabel ma reġa’ kien hawn

50


min kien lest jgħix fil-gżira wara dik it-traġedja kbira u biex Għawdex seta’ jerġa’ lura għal li kien qabel l-assedju. Għal mijiet ta’ snin it-tiġrif li rajt int kien l-uniku monument għal dawk l-Għawdxin li mietu jew inġarrew ilsiera dakinhar.” “Minn xi snin ’l hawn, bħala gżira Għawdxija, bdejna nfakkru din ilġrajja kull sena u għalhekk sar il-monument li rajtu intom u telgħin iċ-Ċittadella. Dak il-monument, bil-fjamma ġo nofsu, sar biex żgur ma ninsewhomx lil dawn niesna li għebu minn gżirithom għal dejjem.” Issa Kenneth kien fehem kollox....

51


Ritratt - Ross Magri - SARNER

52


15 Miss Borg rat li t-tifel kien segwa b’interess kbir dak li kienet qaltlu. Għalhekk qaltlu: “M’ilux, hawn fuq fetaħ ċentru tal-viżitaturi fejn dawk li jżuru ċ-Ċittadella jsiru jafu aktar dwar dan il-post meraviljuż. Fost l-informazzjoni li tingħata jintwera filmat li jinkludi parti dwar l-Assedju tal-1551 u jfisser aħjar dak li għadni kemm għedtlek. Meta nerġgħu niġu hawn għal lezzjoni oħra, neħodkom tarawh. Xi tgħid Kenneth?”

53


54


Xħin it-tfal ħarġu mid-Dar Storika tal-Gran Kastell biex imorru lura lejn l-iskola, sabu ruħhom mill-ġdid f’dik it-triq dejqa bl-isem ta’ Triq Bernardo De Opuo. Kenneth ħares lejn dawk il-ftit djar qodma li jagħmlu parti minn dik it-triq. Fuq il-bieb ta’ waħda minnhom, dar se taqa’ u ma taqax, kien hemm lapida ċkejkna u qadima tal-ġebel li ġġib id-data 1579. Kellha skrizzjoni fuqha. Kienet tfakkar dak il-gwerrier Sqalli b’kuraġġ ta’ ljun u b’qalb tad-deheb li kien ħa grazzja ma’ tfajla Għawdxija u miet għal Għawdex tagħha – Bernardo de Opuo.

TMIEM 55


Il-Patri Agostinjan Bartolomew Bonavia jwassal il-messaġġ talĦakem De Sessè u n-Nobbli talgżira li lesti jċedu l-Kastell lil Sinam Paxà jekk dan iħallihom ħielsa mill-jasar.

Matul l-assedju, numru ta’ Għawdxin kuraġġjużi jaħtfu l-okkażjoni biex, matul illejl, jaħarbu mill-Kastell billi jiddendlu bil-ħbula min-naħa tatTramuntana tal-Kastell.

Sinam Paxà u l-mexxejja Torok jiddikjaraw li għandhom jinħelsu l-ixjaħ fost il-maqbuda, filwaqt li jordnaw lil De Sessè u sħabu biex ilestu ruħhom għall-jasar malkumplament tal-poplu Għawdxi.

56


Bernardo De Opuo jneħħi ħajjet martu u wliedu biex dawn ma jaqgħux ilsiera tat-Torok. Wara jissielet sal-mewt kontra l-għedewwa ta’ Għawdex.

L-Għawdxin, bejn 5000 jew 6000 ruh, rġiel, nisa u tfal, jitkaxkru lejn l-eżilju u l-jasar mill-għedewwa Torok. Jingħad li huma tgħabbew minn Imġarr ix-Xini, qrib Ras inNewwiela.

Il-Ħakem De Sesse jiltaqa’ malkbarat tal-gżira Għawdxija biex jiddisku l-qagħda mwiegħra li sabu ruħhom fiha bla ħsieb u jaraw kif, jekk hu possibbli, joħorġu minnha.

57


Glossarju alfier: Fil-każ tal-Ordni ta’ San Ġwann, dan kien il-kmandant tal-korp tal-milizja. argużin: għassies tal-ilsiera, aktarx dejjem bi frosta f’idu. artillerija: parti mill-armata li tieħu ħsieb il-kanuni. azzarini: xkubetti użati mis-suldati. bumbardier: suldat li jimmira u jispara l-kanun. Dejma: reġiment ta’ suldati Maltin għassa max-xtut fi żmien il-Medju Evu. feluka: dgħajsa tat-tagħbija bl-imqadef u l-qlugħ. furbani: pirati, ħallelin tal-baħar. galbu: manjieri tajba. isallpu: ibaħħru, jivvjaġġaw fuq il-baħar. jasar: meta bniedem ikollu jaħdem bilfors bla ma jitħallas. korazza: sidrija tal-azzar tintlibes minn suldat. munizzjon: bombi, balal, porvli, eċċ. raħeb: patri. rdoss: kenn, l-aktar mill-bard jew ksieħ. ronda: dawra li jagħmlu s-suldati tal-għassa. stakkament: grupp ta’ suldati flimkien taħt uffiċjal. stallett: sejf żgħir/sikkina tal-ġlied. taqbid: ġlied. xambekk: ġifen tat-tagħbija ta’ żmien il-furbani. xarbitelli: affarijiet li ma tantx jiswew flus. ximitarra: xabla użata mit-Torok u l-Għarab.

58


Biblijografija Azzopardi, A., u Camilleri, E., (1980) Ġrajjiet Malta Vol.1 u 2, Education Dept. Malta. Bonnici, A., (1978, 7 ta’ Jannar). L-Assedju ta’ l-1551, Leħen is-Sewwa. Bosio, G., kif ikkowtat minn Friorini, S., (1986) The Resettlement of Gozo after 1551, Melita Historica 9(3) p. 203 - 205, Malta Historical Society. Busuttil, R., (2016) Il-Knisja ta’ San Ġużepp il-Qadim fiċ-Ċittadella t’Għawdex, Programm talFesta. (p. 47, 49) San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. Ciantar, N., Il-Kappella ta’ Santa Barbara, Ċittadella, Għawdex, Kappelli Maltin, www.kappellimaltin.com Martinsdomain, (2020, 6 ta’ Novembru), L-Ordni ta’ San Ġwann 1530-1798: Karigi Differenti, L-Istorja u l-Kultura tal-Gżejjer Maltin bil-kliem u r-ritratti, https://kliemustorja.com Vella Gauci, J., (2009) Bernardo Deopuo, Gutenberg Press, Malta.

Nota tal-aħħar: Skont Giacomo Bosio (kif ikkwotat minn Fiorini, S. fi: The Resettlement of Gozo after 1551, p 205)., l-assedju seħħ bejn il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju u l-Ħadd 26 ta’ Lulju. Dawn id-dati huma ripetuti f’Bernado Dupuo – Rakkont Għawdxi fi Żmien D’Omedes ta’ Mons Luigi Vella (1898) u Bernardo Deopuo ta’ J. Vella Gauci (2009). X’aktarx li Bosio mexa fuq il-kalendarju Ġuljan li skont dan il-kalendarju l-ġranet kienu l-Ġimgħa u l-Ħadd. Ara: http://5ko.free.fr/en/jul.php?y=1551 Madankollu, skont il-kalendarju Gregorjan tal-1551, il-ġranet 24 ta’ Lulju u 26 ta’ Lulju kienu t-Tnejn u l-Erbgħa. Ara: http://5ko.free.fr/en/year.php?y=1551&s= jew it-Tlieta u l-Ħamis Ara: https://time.is/calendar/1551

59



Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.