Gozo - Unitiy in Creativity - Ġabra ta' Kitbiet

Page 1

Mill PinnaKreattiva GABRA TA’ KITBIET

Cultural Heritage Directorate

MINISTERU GHAL GHAWDEX


Ħajr mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex lil dawk kollha impenjati jiġġieldu kontra l-Covid-19.


Werrej: Fl-Għalqa ta' Missieri

pġ 2

In-Naħla Bieżla

pġ 3

Il-Bidu tas-Sena Elfejn u Għoxrin

pġ 4

In-Nanna Marija

pġ 5

It-Tapit Maġiku

pġ 6

Lin-Nanniet Tiegħi

pġ 7

Fid-Dar tan-Nanna Marija

pġ 8

Kawża ta' Xiex?

pġ 9

Le għar-Razziżmu

pġ 10

Tina f'Għeluq Sninha

pġ 11

Fil-Ġnien

pġ 12

Kif Kellna Ninfirdu

pġ 12

Tinu l-Farfett

pġ 13

Jien Siġġu

pġ 13

Ir-Razzett tan-Nannu Nin

pġ 14

Lill-Istudenti Tagħna

pġ 15

Lil Ibni!

pġ 16

Tort tal-Covid

pġ 17

Forza Malta

pġ 18

Lil Għawdex, Art Twelidi

pġ 19

Ġmiel in-Natura

pġ 20

Il-Covid-19

pġ 21

Il-letteratura ġo dan il-ktejjeb ġiet miġbura minn kompetizzjoni li saret fuq paġna ta’ Facebook li nħolqot mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex biex twassal divertiment permezz ta’ kreattività waqt il-pandemija talCovid-19.

1


FL-GĦALQA TA’ MISSIERI

Missieri għandu għalqa,

Għasafar ipespsu,

kbira u kollha fjur,

brimb u nsetti,

friefet u Poppy ħamra,

pikniks ukoll nagħmlu,

fiha kuljum imur.

flimkien kuntenti.

Fl-għalqa ssib kamra żgħira,

Għalhekk ibżgħu għall-ambjent,

gustuża u ta’ kenn,

għad-dinja u għall-annimali,

fix-xita nistkennu fiha,

b’hekk jgħix kulħadd kuntent

ballun żgħir ukoll hemm.

fil-ġid u l-paċi.

Christine Camilleri

2


IN-NAĦLA BIEŻLA

Jiena naħla, bieżla bieżla, Minn ġol-fjuri, dieħla u ħierġa. Lili ssibni ġewwa l-ġnien, Ġol-għelieqi u kullimkien.

Sħabi n-naħal jistinkaw bħali, Biex fix-xitwa ma niġux fil-għali. Niġbru, niġbru, dejjem naħżnu, Biex imbagħad nieklu bla ma naħdmu.

Dan iż-żmien tar-rebbiegħa, Huwa l-aqwa ħin għalija. Is-siġar kollha mfawwra ward, U beda jonqos ġmielu l-bard.

Minn dan xogħolna nagħmlu l-għasel, U l-bniedem lilu jagħżel. Biex jixorbu mal-misħun, Meta ma jiflaħx ikun.

Nibda naħdem ma' tlugħ ix-xemx, U mistrieħ għalija m'hemmx. Nistinka kemm nista', Biex niġbor il-pollin bħalissa.

Ħaġa waħda nixtieq ngħidlek, Toqgħodx tibża' li se nniggżek. Prova lili tantx taħqarni, U taqtax fjuri għax dawk dari.

Daniela Parnis

3


IL-BIDU TAS-SENA ELFEJN U GĦOXRIN Mat-tmiem is-sena, nifirħu lil xulxin għal bidu ta' sena aħjar. Minn qatt basar li s-sena elfejn u għoxrin se tħallina b'ħalqna miftuħ bl-effetti qerrieda tal-famuż virus COVID-19, mifrux mad-dinja kollha? Kien propju l-Ġimgħa,13 ta' Marzu 2020 meta qomt mis-sodda u dik li kellha tkun ġurnata normali ta' skola nbidlet kiesaħ u biered. F'leħħa ta' berqa liskejjel ingħalqu mill-awtoritajiet ikkonċernati għas-sigurtà tagħna l-individwi. Naqbad nifraħ jew nibki? Inkun sinċier, fraħt. F'ħakka t'għajn ippruvajt nifhem bir-reqqa x'inhu jiġri madwari. Apprezzajt immens l-importanza li nżomm ruħi aġġornat b'dak li jkun qed jiġri. Kważi kważi bdejt nemmen li 'Black Friday' vera jeżisti għax f'radda ta' salib bdew jiġuni mumenti maġiċi li qattajt fl-iskola li kont nattendi. Qatt ma ninsa t-tagħlim b'dedikazzjoni kbira tal-għalliema ħabrieka! Kemm qbiżna u fraħna fil-grawnd jien u sħabi! Kif qatt nista' ninsa dakinhar meta jien u sħabi rbaħna l-ewwel turnament tal-futbol! Hekk kif wasalna l-iskola mill-grawnd li konna lgħabna fih, kellna atmosfera liema bħalha! L-istaff u l-istudenti kollha tal-iskola laqgħuna b'ċapċip u awgurju liema bħalu. Ħassejtni fil-ġenna tal-art! Veru li kien fadal żewġ logħbiet oħra biex naslu għat-tazza, iżda kont kburi li bħala parti minn tim tajjeb u kowċis mill-aqwa, konna kapaċi naslu salaħħar. Kienet sfida għalija peress li lgħabt bħala gowler meta s'issa f'ħajti dejjem ittrenjajt ta' plejer. Ninsab grad li rnexxieli wkoll. Bħala l-aħħar sena tiegħi fl-iskola primarja kont preparajt għalleżamijiet tal-Benchmark. Mal-għajta li dawn tneħħew, qbiżt bil-ferħ! Min jieħu gost bl-eżamijiet? Huwa fatt li riħ ta' siegħa jnaddaf qiegħa u nkun fis-seba' sema bir-riżultati mistħoqqa, iżda l-ftit tensjoni li taħkimni waqt l-eżamijiet żgur li bis-sewwa jew bid-dnewwa ġagħalitni nħossni fis-seba' sema. Kont ħerqan għal jum il-gradwazzjoni. Kemm kont inħossni importanti b'dak il-kappell u t-toga! Is-sitwazzjoni preżenti jkolli ngħid li aħjar uff milli aħħ. Il-ħajja kollha nżul u tlajja'. Il-problemi huma parti minn ħajjitna. Iżda wara dan kollu hemm is-sabiħ ukoll. Jekk inħarsu mil-lenti tan-natura, żgur li l-atmosfera ta' madwarna qed tgħidilna grazzi. It-tniġġiż fl-arja naqas bil-kbir kawża ta' nqas vetturi fit-toroq peress li ħafna nies qed jaħdmu middar. Sibt ix-xoqqa f'moxtha biex napprezza iktar l-għaqda tal-familja għax il-ħajja mgħaġġla tas-soltu lanqas ġieli jkollna ċans naqsmu l-ideat ta' bejnietna. Bil-mod il-mod qed nitgħallem insajjar u nagħmel xi faċenda wkoll! Ngħiduha kif inhi, grazzi għat-teknoloġija qed jirnexxielna nkomplu t-tagħlim. Qed niddedika ftit ħin naqra, nagħmel il-homework li tibgħatilna l-għalliema, nilgħab ma' ħuti, nivvintaw xi logħba bejnietna u nsomma nista' ngħid li l-ġurnata ttir bħal leħħa ta' berqa. Tgħallimt li lil Alla għandi nagħtih post f'ħajti dejjem u qabel kollox. Nirringrazzja b'mod speċjali lill-ġenituri tiegħi li dejjem ikunu spalla ma' spalla miegħi. Ringrazzjament ieħor imur għall-istaff kollu tal-Iskola Primarja t'Għajnsielem li għal tmien snin sħaħ għallmuni nikber fl-għerf kif ukoll fl-imħabba. Ma jonqosx li nirringrazzja mill-qalb lill-ħaddiema tas-saħħa, pulizija u t-tim tal-armata li bħalissa qed jiġġieldu l-mard f'isimna u jipproteġuna. Inħallu f'idejn il-Ħallieq biex KURAĠĠ ibegħdna minn kull periklu u j'Alla ntemmu din is-sena ħafna aħjar minn kif bdejniha biex wara din il-pandemija napprezzaw iżjed is-sempliċità tal-ħajja. Dejjem inżomm f'moħħi li s-sabiħ irrid ingawdih għax jitlaq u jaħrab f'kemm trodd salib! Kuraġġ ħbieb! Nafu li għall-magħmul m'hemmx kunsill iżda Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija! Nixtieqilkom kull risq u barka! Clive Farrugia 4


In-Nanna Marija In-nanna Marija dħulija u ferrieħija,

IN-NANNA MARIJA In-Nanna Marija dħulija u ferrieħija,

tgħidli l-istejjer ta’ meta kont tarbija. tgħidli l-istejjer ta’ meta kont tarbija. Tgħannaqni u tfissidni kull meta tarani u

Tgħannaqni u tfissidni kull meta tarani u

tgħidli la tikber ibqa’ ejja arani. tgħidli la tikber ibqa’ ejja arani. Kemm nidħqu u nilagħbu,

Kemm nidħqu u nilagħbu,

kull meta niltaqgħu u l-ikel

kull meta niltaqgħu u l-ikel

ma jonqosx li tkun trid titmagħni.

ma jonqosx li tkun trid titmagħni.

Kemm inħobbok nanna Marija Kemm inħobbok Nanna Marija u grazzi ta’ kull ma tagħmel u grazzi ta’ kull ma tagħmel għaliha u għal ta’ madwari. għalija u għal ta’ madwari. Inħobbok nanna Marì... Inħobbok Nanna Marì... Julianne Mercieca

Julianne Mercieca

5


IT-TAPIT MAÄ IKU

-

Elly Cutajar 6


LIN-NANNIET TIEGĦI Kull filgħodu malli nqum, kont tiġi int nannu ħdejja biex twassalni għall-vann ħalli jien l-iskola mmur.

Din ir-rutina kienet indrat sewwa, però dan il-misħut virus ra kif qafilna ġewwa, għax għall-kbar il-ħruġ mhux sewwa.

In-nanna tkun tistennieni ħalli t-tislijiet tagħtini wkoll. U dlonk taraha ssaqsini x’irrid niekol la nasal lura.

Jien u ħija qegħdin ġewwa biex nobdu l-awtoritajiet, però qed nimmisjaw ħafna lil dawk imberkin nanniet!

Sewwa jgħidu...li dak tan-nanna ħelu manna, għax ħalli għaliha biex tlestili xi żewġ ħelwiet!

Ma tgħaddix ġurnata li ma naħsibx fikom, għax avolja nitkellmu kuljum, jien moħħi fikom dejjem ikun.

Kontu intom li żżommuni sakemm ommi tiġi lura. Lura d-dar, minn dak xogħolha ġewwa l-isptar.

Nitlob għalikom kuljum ħalli l-ħajja lura terġa’ tkun għal dak kollu li wieħed isejjaħ il-ħajja tan-normal.

Inħobbkom nanniet tiegħi!

Maia Formosa 7


FID-DAR TAN-NANNA MARIJA Fid-dar tan-Nanna Marija hemm il-maġija. Għax kif iddoqq il-qanpiena... Jibda jiżfen il-lanġas... u l-qattus jaqbdu n-ngħas. Jaqbad ikanta t-tuffieħ... u jaqbeż id-dulliegħ. Waqt li ttir il-frawla... u tgħajjat kemm tiflaħ iċ-ċawla. ‘Tgħid din vera?!’ Qalet in-Nanna Marija mwerwra miskina. Imma kollox f’postu kien meta marret fil-kċina!

Jade Marie Farrugia 8


X’biċċa ġratli, X’waħda din! Daqshekk qaltli l-fastforward, u minflok għafas il-pause! Kull filgħodu uff xi dwejjaq, kif ġa daqq l-iżveljarin, issa ngħidu uff mod ieħor, kif ma jridx itir il-ħin! It-tort kollu hu tal-virus, x’waħda għamiltli ja xifajk, taf li lanqas ħadd ma jridek, mhu żgur ħadd se jkun warajk!

Clint Farrugia

9


LE GĦAR-RAZZIŻMU

Uff xi dwejjaq dejjem waħdi u dejjem nagħmel sinjali SUWED biss!!

cv

X’ġabkom ‘l hawn?

cv

Qed infi xu min għamel dawn issinjali suwed!!

Emm...jien għamilthom...xejn specjali!!

Qoqqow!!

U żgur li speċjali għax mingħajrek ma konniex nagħmlu.....

...din il-qawsalla cv sabiħa!!

Le g ħ ar -razziżmu Julia Attard 10

cv

Qisu ġej xi ħadd...kemm ġej storbju!!

cv

?!!


TINA F’GĦELUQ SNINHA

Fil-vaganzi tal-Għid, Tina, tifla ta’ seba’ snin, marret piknik mal-familja. Dakinhar kien jum speċjali għax kien għeluq sninha. Il-familja ta’ Tina marru piknik fl-għalqa ta’ missierha. Huma ħadu ftit ikel magħhom. Bingu l-kelb mar magħhom ukoll. ‘Kemm hawn arja pura,’ qalet Tina. ‘Kemm hi ġurnata sabiħa,’ kompliet il-mamà. Tina ġriet kemm felħet u rat għasafar, insetti u friefet sbieħ. Wara ftit qabadhom il-ġuħ. Tina poġġiet fuq il-gverta, qabdet tuffieħa u tat l-ewwel gidma. ‘Aħħ!’ għajtet Tina. Sinna ċkejkna minn ta’ Tina kienet weħlet mat-tuffieħa. Il-lejl ta’ qabel Tina kienet ħassitha tiċċaqlaq ftit. Ommha u missierha tgħidx kemm daħku! Tina kienet se taqbżilha demgħa imma mbagħad ilmamà qaltilha biex qabel torqod tpoġġiha taħt l-imħadda. ‘Għaliex mamà?’ staqsietha Tina. ‘Illejla, barra r-rigal ta’ għeluq sninek, se jkollok rigal ċkejken ukoll mingħand l-fatatina. Mal-lejl tiġi l-fatatina maġika, tieħu s-sinna u tħallilek sorpriża.’ ‘Iiiiiħħħ, XI PJAĊIR!’ bidlet il-burdata Tina. ‘Iġri jasal illejla! Nispera li l-fatatina ma tinsinix!’ qalet bejnha u bejn ruħha Tina. Dak il-lejl il-fatatina ħallitilha rigal ċkejken taħt l-imħadda filwaqt li ħadet is-sinna ta’ Tina.

Shelby Xuereb

11


FIL-ĠNIEN Il-ġnien tagħna kollu kuluri Veru jfuħ għax mimli fjuri Inħobb nilgħab ġol-ħamrija Bil-pala u l-barmil Jew inkella nsaqqi s-siġar Biex jagħtuna frott sabiħ Il-Papà għamilli bandla Veru ħelwa kemm nitbandal Dal-ġnien issa aktar qed ingawdih Speċjalment f’dan iż-żmien.

Karen Azzopardi KIF KELLNA NINFIRDU

KIF KELLNA NINFIRDU Qabel kif konna mmorru l-iskola issa kif spiċċajna d-dar magħluqin kemm inħossuh in-nuqqas ta’ sħabna mal-għalliema konna mħabbtin. Spiċċajna nużaw il-mowbajls biex nitkellmu ma’ xulxin u fuq il-kompjuter infittxu l-homework u nagħmluh bla telf ta’ ħin. Kif kellna hekk ninfirdu kemm konna nieħdu pjaċir. Nitgħallmu, niġru w nilagħbu familja konna ma’ xulxin. Issa meta ż-żmien jgħaddi nerġgħu nibdew il-ħajja mill-ġdid. O żmien ħelu erġa’ ejja! O mard ikrah mur bil-kwiet!

Amy Agius 12


JIEN SIĠĠU Jien siġġu komuni u komdu. Għandi lewn bajdani u magħmul mill-injam. Jien għandi wkoll dahar artab li

hu magħmul mid-drapp. Qiegħed f'kamra mdaqqsa tas-salott li fiha tinġabar il-familja Portelli, speċjalment fil-ħinijiet ta' filgħaxija. Qribi hemm sufan kbir u kannella u quddiemi hemm sett tatteleviżjoni. Dan l-aħħar il-membri tal-familja Portelli qegħdin joqogħdu ta' spiss fis-salott, jistennew laħbarijiet biex jisimgħu fuq dan l-imbierek ta' virus li qed isemmu ta' kuljum. Imnalla jien siġġu għax lili dan il-virus ma jista' jagħmilli xejn! Imma kif jgħidu, “Min m'għandux salib għandu domna.” Mhix l-ewwel darba li dak id-dimonju ta' qattus li għandhom, itini qatgħa li taqtagħni minn ġewwa! Dan l-aħħar, kemm ilhom li għalqu l-iskejjel, is-Sinjura Portelli qed tpoġġi fuqi aktar ta' spiss biex tagħmel xi xogħol fuq il-kompjuter. Hi l-aktar persuna li nħobb f'din il-familja għax tagħmilli l-kumpanija u tnaddafni kull nhar ta' Sibt. Imma nħobbha ftit inqas minn mija fil-mija talli xtrat dak l-imbierek qattus u daħlitu ġod-dar! Kieku għandi saqajn li jiġru u jdejn li jagħtu xi daqqa, kien jara lembuba ġejja għalih! Xi drabi binha ipoġġi fuqi sakemm jiekol, biex jara ftit televiżjoni għax ma jħalluhx imur jiekol fuq is-sufan. Moħħi mistrieħ għax jekk ikolli xi ħsara żgur li s-Sur Portelli se jirranġani. Ċert minn dan, għax mhix l-ewwel darba li l-qattus girifli saqajja jew dahri iżda hu, min-naħa l-oħra, ra kif għamel biex jagħmilni nidher dejjem aħjar. Jien vera kuntent ma' din ilfamilja u nispera li din il-familja tibqa' tieħu ħsiebi!

Joseph Portelli

TINU L-FARFETT Jiena Tinu l-farfett Ġewwa ġnien in-Nanna Ċett. Jien farfett ikkulurit Nogħla u naqbeż kemm irrid! Ferm jogħġobni ġnien in-nanna Għax hemm fjuri ħelwin manna. Bl-ilwien tiegħi kulħadd jitpaxxa Iżda żgur mhux magħluq ġo kaxxa. Jien fil-beraħ inħobb intir Fil-ħolqien t'Alla tant kbir!

Katia Camilleri 13


IR-RAZZETT TAN-NANNU NIN Fi tmiem il-ġimgħa Kevin kien iħobb iżur lin-nanniet tiegħu. Bejn għax ikun irid jarahom u bejn għax ikun irid jara l-annimali li kellu fir-razzett tan-Nannu Nin. Kien April, u kif wasal is-Sibt, Kevin u l-familja kienu fi triqithom lejn id-dar tan-nanniet. Kevin kien fuq ixxwiek! Kien jaf li l-kelba tagħhom Tita kellha l-ġriewi. In-Nannu wegħdu ġeru minnhom. Malli waslu, Kevin għannaq lin-nanniet tiegħu u telaq jiġri sparat lejn ir-razzett. Xħin ħareġ fil-ġnien ilqtates ferħu bih u telqu jiġru għal fejnu għax ħasbu li Kevin se jitmagħhom. Imma Kevin kien insiehom dakinhar! Sa xħin wasal ir-razzett, Kevin sema' bħal nebħa ċkejkna. Il-kelba Tita kienet welldet ħames ġriewi l-ġmiel tagħhom. Kemm feraħ Kevin! Il-ġriewi kienu mqabbdin m'ommhom biex jixorbu l-ħalib tagħha. Dawn kienu ġo kaxxa kbira b'kutra taħthom. Erbgħa minnhom kienu suwed tuta b'naqra abjad taħt għonqhom. Kien baqa' ġeru ieħor. Dan kien kannella bl-isfar. Kevin beda jaħseb liema wieħed kien se jkun tiegħu. Kollha kienu ħelwin, imma xtaq il-ġeru li kien bl-isfar. Sadanittant, in-nanniet u l-ġenituri ta' Kevin marru jaraw il-ġriewi. Raw lil Kevin fejn il-ġriewi u n-nannu staqsieh: “Liema ġeru se tagħżel?” Kevin dlonk wieġbu: “irridu dak bil-kannella bl-isfar”. Kevin kien fisseba' sema. Kien jaf li dan il-ġeru kien se jieħu ħsiebu b'għożża kbira! ĦARSETTA: Kevin kien jieħu pjaċir imur iżur lin-nanniet tiegħu fi tmiem il-ġimgħa. Darba minnhom kien ħerqan iktar mis-soltu li jmur. Tgħid għaliex? X'kien hemm jistennieh?

Ideat: Nathan Mizzi, Kitba: Jessica Mizzi, Tpinġija u Kaligrafija: Nathan Mizzi 14


LILL-ISTUDENTI TAGĦNA

Għeżież studenti – tinsabu tajbin? Biex inkellmukom, aħna ħerqanin. Gawdu lill-familja, ċemplu lill-ħbieb; iżda importanti - toħorġux mill-bieb.

Bqajna għaddejjin, bil-ħidma għalikom. Ma narawkomx, iżda kburin bikom. Bix-xogħol li qed tkomplu, mexjin ’il quddiem. Ibqgħu ħabirku u jgħaddi ż-żmien...

Nerġgħu nibdew inkantaw flimkien, naqraw, inpinġu, ngħoddu u nħawlu fil-ġnien. Iva, nerġgħu nimlew il-bini tal-iskola, mal-ewwel ġurnata, kulħadd jaqbeż u jogħla!

Nerġgħu niltaqgħu - dik it-tbissima, filgħodu naraw. Intom kollox għalina! Dejjem ftakru, kemm intom speċjali. Għalina kontu u tibqgħu, l-istudenti ideali!

Christabel Attard


LIL IBNI! Ibni l-għażiż, kemm kellhom jaħqruk! X'għamilt ħażin, biex fuq salib dendluk? Int twajjeb u ġust, għaliex sawtuk? Ħabbejthom tant, kif kellhom ibiċċruk? Ibni Ġesù, ħares f'għajnejja! Għaliex qiegħda nibki, u fuq irkopptejja! X'sejf nifed lil qalbi, qatluli lil Ibni! Ma nistax nemmen, din ħaġa sensibbli? O Ibni Ġesù, kemm għaddejt minn tbatija! Fuq salib sallbuk, ittradut, mejjet, bla ħtija! Inħobbok għażiż Ibni, qed mejjet fi ħdani! Inbusek u ngħannqek, kulħadd mejjet fi ħdani! Inbusek u ngħannqek, kulħadd qed jarani! Grazzi O Ibni, x'għamilt għall-bnedmin! Mil-lum 'il quddiem, ilkoll meħlusin!

Michele Caruana

16


TORT TAL-COVID X'inkwiet qatt ma bsarniha dan il-Covid x'waħda din! Spiċċajna bħall-għasafar ġo gaġġa magħluqin

Facebook sar riħa t'ikel u ritratti ta' Charmaine u jiena noqgħod lura? U dan minn fejn sa fejn?

Madoff x'ħa naqbad nagħmel biex nokkupa l-ħin? Tgħid nibda norqod kmieni u nitfi l-iżveljarin?

Qbadt ordnajt xirja onlajn Ġabhieli wara l-bieb Waħħalt sidri mal-kuker U lħaqt koka bla ħsieb

Ċempilt lill-mastrudaxxa biex iwessagħli l-bieb għax la jgħaddi dan kollu se nibqa' ġew bla ħsieb

U issa dan il-Covid xejn m'għadu jbeżżagħni z-zokkor u l-pressjoni u I-kolesterol jinkwetani!

Kollu tort ta' Diana li għamlet il-pastini u xeħtet ritratt Facebook sabiex iktar tinkini

Bir-rabja għalaqt Facebook għax żiedli t-tensjoni qabżitli nara ikel dort għat-televiżjoni

Imbagħad tħajjar Kelinu tefagħha flok furnar figolli, ħobż u ftajjar tellifli r-raġunar!

Ara issa x'qegħdin jagħmlu? Sezzjoni t'eżerċizzju! U din il-midja kollha ħa ddaħħalni f'xi vizzju!

Rodianne Sultana 17


FORZA MALTA Għażiża gżira sbejħa kif inbdilt għid f'dawn il-jiem? X'waqa' f'daqqa waħda fuqek m'għadekx dik kif nafha jien.

Fraka żgħira kollox waqqfet li mank tidher biss bil-għajn; installat u ħarbtet kollox 'l isfel niżżlitna fit-tajn.

Il-ħajja saret wisq iebsa tensjoni ma' kullimkien kulħadd inċert x'ħa jiġri lanqas nafu għal kemm żmien.

U konxji fl-aħħar ġejna l-għamad waqa' mill-għajnejn. Dak li ma konniex nagħtu kasu nibkuh issa qegħdin għalxejn.

It-toroq kważi battala u ħwienet magħluqin familji msakkra ġewwa maqtugħa minn xulxin.

Ejja mela lkoll ningħaqdu niġbdu l-ħabel ma' xulxin bħalma għamlu ta' qabilna meta kiefer kien id-destin.

Fejn huma l-karozzi w'in-nies mgħaġġla għaddejjin it-tfal lesti għall-iskola u l-knejjes miftuħin?

O Ġesù u ħelwa Marija żommu jdejkom fuqna lkoll u lit-tobba u l-infermiera mill-mard lilhom begħdu wkoll.

Ħadna l-ħajja wisq għal għajnha u ngergru fuq ix-xejn. Niddevertu, naħdmu, insiefru rasna ma nħabblux darbtejn.

Għażiża Malta tagħna isbaħ minn qabel irriduk. Kun int ħanina magħna għax bil-wisq aħna nħobbuk.

Sirna torox u għomja f'kollox infittxu biss id-drittijiet. L-egoiżmu tella' rasu kulħadd nesa d-dmirijiet.

U malli nagħlaq għajnejja lilha nara jien fiss bdejt: Il-bandiera tperper ħielsa bajda w'ħamra fuq il-bejt.

Frances Brincat

18


LIL GĦAWDEX, ART TWELIDI

Ħiemda s-smewwiet, b'ħajbur jitliegħeb ħlejju f'saltna ta' skiet, bħal warda tfewwaħ f'Mejju; sebħek għammiel, nadriet isellmu sbejħa, għejun ta' ġmiel, għamluli din is-sejħa.

Baħar kaħlan tistagħna bih dejjiemi, mewġ li setgħan tarrafli l-kejl ta' jiemi; għax fik tistrieħ ħarset għajnejja rżina u tagħtik ġieħ, tinsiġlek għanja fina.

Sielma l-għoljiet, il-fjur tal-art Għawdxija, kelma kif dwiet, ma' djulek tas-sbuħija; miegħek żammejt, b'ta' jdejja l-ħakma sfiqa fik xħin tpaxxejt, nitbennen bħal ġo nieqa.

Li ma tidbielx, mogħnija b'dik l-imħabba għax ma tagħmilx, bil-kobor qatt imtabbgħa; bħalek tistax, għanjieti ddomm bil-fwieħa li ma tarakx, ħlief tfajla wisq sabiħa.

Mera tar-ruħ, għamara tal-qalb tiegħi, tal-baħar qlugħ, ir-rieda żammejt miegħi; għax tmexxi t-tmun, hemm bqajtli, ġmiel ta' gżira, . qatt kellek tkun tad-deni tisfa' lsira.

L-emmna bla tmiem, li għandi fik miżrugħa, qalbi bla jiem, eterna 'l fuq merfugħa; demmi ġerrej, li jagħrfek b'omm fejjieda, fommi għannej, jgħannilek jibqa' b'rieda.

W'rajk issaħħart, imħabbti lejk bħal f'sakra, Ġenna tal-art, ta' ħajti int il-fakra; ħa jkun, sal-jum, li ġmielek, art Għawdxija, ma jkun mitmum, bħall-isbaħ poeżija.

Kitba: Robert Gatt, Illustrazzjoni: Cynthia Saliba

19


ĠMIEL IN-NATURA Timlewni bil-ħajja, nitwieled mill-ġdid, il-moħħ jiċċara, nistejqer ftit ftit.

Werżieq kburi jżarżar, mitluf f'melodija, iż-żarżira kontinwa, bħal tenur f'parodija.

Il-friegħi żeffiena, b'xuxithom ħadrana, zokk qisu kolonna, in-natura tistagħna.

Mimduda, mistrieħa, b'ħarsti fissa ċċassata, ħsibijieti dlonk jgħibu, f'perfezzjoni ffukata. Min għamilkom tant sbieħ ja siġar u fjur? Iddur kemm iddur, m'hawnx aqwa minn dan l-Iskultur!

Fabienne Attard 20


IL-COVID-19

Il-Covid-19 X’għamiltilna xbin. Filli kulħadd sfrenat u filli kulħadd inkwetat. Lockdown fuq fomm kulħadd għax ħadd ma jrid li jiġi infettat. Min iridu u min ma jridux għax minn xejn ma noqogħdu nieqsa hux. L-ixkaffi battalna ta' kullimkien bottijiet u toilet paper ma bqajt issib imkien. Jekk hux bil-għoli, jekk hux b'irħis, kollox sibt nixtri minbarra qmis. Xagħar u suf tiela' ma' kullimkien. X'ħa nagħmlu issa? Għax hairdresser miftuħa m'hawn imkien. La nista' niżbogħ, la nista' naqta', abjad silġ sar, kulur il-baqta. U dawn in-nanniet kemm jimmissjaw lin-neputijiet! Ommi ma xi ġralna u dan x'inkwiet! Kulħadd isemmi l-vulnerabbiltà, kemm ġejna sbieħ kollna ansjetà! Sa issa sejrin mhux ħażin, imma nistaqsi kemm ser indumu sejrin? Jistaqsu lill-Profs. Gauci, meta se tbatti l-pandemija, issa din fejn taf? U dejjem tara kif se taħrab il-mistoqsija!

Anna Grech 21


Cultural Heritage Directorate

MINISTERU GHAL GHAWDEX


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.