Via Caritatis

Page 1

via caritatis

it-triq tal-imħabba fil-lejl ta’ ħamis ix-xirka u l-ġimgħa l-kbira filgħodu

Josef Sciberras osa



Josef Sciberras osa

via caritatis

it-triq tal-imħabba fil-lejl ta’ ħamis ix-xirka u l-ġimgħa l-kbira filgħodu is-seba’ viżti lil ġesù ewkaristija bi ħsibijiet mit-tradizzjoni agostinjana


© Pubblikazzjonijiet Agostinjani 2012 Provinċja Agostinjana ta’ San Mark Bil-permess tas-Superjuri.

a ViatoR

sensiela

Siltiet meħuda minn: Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija, 2004 Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, Arċidjoċesi ta’ Malta, 1993 Mitbugħ: Print Right, Qormi Disinn: Alan Bonello  www.designedbyal.com


weRrej Daħla 1 L-Ewwel Viżta 3 It-Tieni Viżta 5 It-Tielet Viżta 9 Ir-Raba’ Viżta 11 Il-Ħames Viżta 15 Is-Sitt Viżta 17 Is-Seba’ Viżta 21 Tagħrif Qasir fuq l-Awturi Agostinjani 25



Daħla Fil-ġurnata ta’ Ħamis ix-Xirka flgħaxija u l-Ġimgħa l-Kbira filgħodu, huma bosta dawk li jagħmlu ż-żjajjar lil Ġesù Ewkaristija fl-Altar tar-Repożizzjoni. Il-Knisja tagħmel din l-istedina lill-Poplu ta’ Alla sabiex jadura, fis-skiet u fit-tul, is-Sagrament tal-għaġeb mwaqqaf f ’dak il-jum (ara Direttorju dwar il-pjetà popolari u l-liturġija, Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, 2001, n. 141). Dan il-ktejjeb huwa kontribut ċkejken sabiex jgħin lil kull min jagħmel dan il-pellegrinaġġ biex jitfa’ l-ħarsa ta’ qalbu lejn il-wiċċ għażiż ta’ Kristu u japprezza aktar id-don tal-Ewkaristija, bħala sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda u rabta ta’ mħabba (ara S. Wistin, Kummentarju fuq l-Evanġelju ta’ S. Ġwann, 26, 13). Fil-kontemplazzjoni tal-misteru tal-Ewkaristija għandna l-istedina sabiex insiru ħaġa waħda ma’ Kristu fl-imħabba. Ir-riflessjonijiet qosra minn awturi agostinjani huma għajnuna għal dan ilpellegrinaġġ ta’ mħabba. Dawn is-seba’ viżti huma magħmulin biex isiru b’mod individwali jew fi gruppi żgħar. Silta mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika isservi ta’ daħla għall-misteru. Wara issegwi silta qasira mill-Kelma ta’ Alla li teħodna lejn l-għajn tal-misteru. Ħsieb spiritwali minn awturi agostinjani isservi biex id-dawl li joħroġ mill-Kelma ta’ Alla jasal aktar fil-qalb tal-pellegrin li qed iterraq it-triq tal-imħabba. Biex il-qari jgħin fil-binja tal-fidi jeħtieġ isir bil-mod u f ’ambjent ta’ skiet interjuri. Dan il-pellegrinaġġ ma għandux il-għan li jeħodna minn Knisja għal oħra, jew minn Altar tar-Repożizzjoni għal ieħor. Għandu l-għan li jeħodna mill-qoxra ta’ barra għall-qalba ġewwinija tagħna fejn jgħammar Alla… mill-bniedem il-qadim għall-bniedem il-ġdid magħmul fuq xbieha ta’ Ġesù Kristu. 1


2


L-EWWEL VIŻTA

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih † O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien.1 Il-Feddej tagħna, fl-Aħħar Ikla tiegħu, fil-lejl li ġie ttradut, waqqaf is-sagrifiċċju ewkaristiku tal-Ġisem u tad-Demm tiegħu biex ikompli s-sagrifiċċju tiegħu tassalib tul iż-żminijiet sa ma jerġa’ jiġi, biex iħalli f’idejn il-Knisja, l-Għarusa maħbuba tiegħu, it-tifkira tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet: sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda u rabta ta’ mħabba, l-ikla tal-Għid li fiha Kristu jittieħed bħala ikel, ir-ruħ timtela bil-grazzja, u jingħatalna r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1323)

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (6, 53-56) Ġesù qal lil-Lhud: “Tassew tassew ngħidilkom jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu millimwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.

1 S. Wistin ta’ Ippona, Kummentarju fuq l-Evanġelju ta’ S. Ġwann 26, 13.

3


Mid-Diskorsi ta’ Santu Wistin, isqof Aħna ngħixu fil-Mulej, jekk inkunu membri tal-ġisem tiegħu; mill-banda l-oħra hu jgħammar fina jekk aħna nkunu t-tempju tiegħu. L-għaqda bejnietna twaħħadna flimkien u tagħmilna membri ta’ Kristu. Imma b’liema mod tinħoloq l-għaqda jekk mhux bl-imħabba? U l-imħabba ta’ Alla minn fejn hi ġejja? Staqsi lill-Appostlu: L-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna (Rum 5, 5). Għaldaqstant, huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja (Ġw 6, 63): infatti l-Ispirtu jagħti l-ħajja lill-membri tal-ġisem. Imma l-Ispirtu ma jaħjiex jekk mhux lill-membri li jsib fil-ġisem li hu stess qed jimla bil-ħajja […]. Dan kollu qed ngħiduh sabiex inħobbu l-għaqda u nibżgħu minn kulma jifred. Minn xejn m’għandu jibża’ n-nisrani jekk mhux milli jinfired mill-ġisem ta’ Kristu. Min jinfired mill-ġisem ta’ Kristu, ma jistax jitqies aktar bħala membru tiegħu, u jekk mhux membru, ma tingħatalux il-ħajja mill-istess Spirtu tiegħu. (Tifsir fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann, 27, 6) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Missier kollok tjieba, b’Ibnek Ġesù Kristu inti ridt twassal il-milja tal-imħabba lill-bniedem ta’ kull żmien. Sawwab fi qlubna l-Ispirtu tiegħek sabiex nimtlew bl-imħabba lejk u lejn għajrna hekk li minn din id-dinja stess nagħrfu nduqu dik l-għaqda u rabta ta’ mħabba li wriena Kristu nnifsu fit-twaqqif tal-Ewkaristija. Ammen.

4


IT-TIENI VIŻTA

Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati † O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. Fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għandna l-ħobż u l-inbid li, bi kliem il-Mulej u l-invokazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. B’ fedeltà sħiħa għall-ordni tal-Mulej, il-Knisja tkompli tagħmel, b’tifkira tiegħu, sa ma jerġa’ jiġi fil-glorja, dak li għamel awlillejl qabel il-Passjoni tiegħu. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1333)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (22, 14-20) Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli. U Ġesù qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’ Alla”. U qabad il-kalċi, radd il-ħajr u qal: “Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. Għaliex, ngħidilkom, minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed millfrott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla.” Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom”. Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.

5


Mill-Kitbiet ta’ P. Ange La Proust Il-Mulej jagħtina sehem mis-sagrifiċċju ewlieni li jgħaqqadna mal-Missier. San Pawl jagħtina li nifhmu li l-altar huwa l-mejda fejn il-vittma li noffru ssir ikel għalina sabiex aħna nistgħu nsiru ħobża waħda u ġisem wieħed. Bħall-ikel, din il-vittma hi magħquda ħaġa waħda ma’ dak kollu li jsawwarna b’mod sħiħ. Għaldaqstant aħna ħaġa waħda mal-vittma, u b’riżultat ta’ dan, aħna wkoll insiru vittma […]. B’dan il-mod, aħna nsiru ħaġa waħda bejnietna hekk li nsiru ħaġa waħda ma’ Alla, li miegħu nintrabtu bħalma l-ikel isir ħaġa waħda magħna. Dan nagħmluh permezz ta’ din il-vittma li kienet ikkonsagrata lilu […]. San Pawl jgħid: Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda (1Kor, 10, 17). Hawn għandna quddiemna l-aqwa u l-ogħla għaqda, li tissejjaħ “tqarbina mqaddsa”. Din tgħaqqadna bejnietna u ma’ Alla b’rabta ta’ għaqda tal-għaġeb, rabta li Ġesù Kristu jsejħilha: ħaġa waħda għalkollox (Ġw 17, 23). Huwa permezz ta’ dan issinjal tal-għaġeb li l-Mulej jagħtina l-għaqda. (Tieni Trattat fuq ir-Regola ta’ Santu Wistin, I) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Missier kollok imħabba, int ridt li Ibnek il-waħdieni jagħmel l-aħħar ikla ma’ ħbiebu u jħallilna lilu nnifsu b’sagrifiċċju dejjiemi ta’ għaqda u mħabba. Imla l-qlub tad-dixxipli tiegħek bil-fehma li jkunu lkoll ħaġa waħda bejniethom, sabiex il-fjamma tal-imħabba ma tibred qatt u tkun sinjal fost it-tiġrib ta’ din id-dinja. Ammen.

6


7


8


IT-TIELET VIŻTA

Neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu † O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. Il-Mulej, li ħabb lil tiegħu, ħabbhom għall-aħħar. Billi kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, waqt l-ikla ħasel saqajn l-Appostli u tahom il-kmandament tal-imħabba. Ġesù, biex iħallilhom rahan ta’ mħabbtu, biex ma jitbiegħed qatt minn dawk li kienu miegħu u jagħtihom sehem filGħid tiegħu, waqqaf l-Ewkaristija bħala tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu, u ordnalhom jiċċelebrawha sa ma jerġa’ jiġi… (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1337)

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (13, 3-5) Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom fil-fardal li kellu ma’ qaddu. Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu. Mill-kitbiet tal-Beatu Xmun minn Cascia Wara dan, Kristu, ferragħ l-ilma fil-lenbija. L-ilma fil-lenbija huwa ilma bil-qies. Skont il-qies tad-doni tiegħu u skont ilfidi u l-virtujiet l-oħra tar-ruħ, u skont l-awtorità ta’ Kristu, 9


hu jagħti l-grazzja tiegħu. Il-grazzja tiegħu biss tista’ tneħħi t-tinġis tad-dnub. Imbagħad beda jaħsel saqajn l-Appostli, u jixxuttahomlhom. X’kobor! X’għoli bla tarf ta’ umiltà mill-aktar profonda! Il-Sultan divin jitbaxxa f’riġlejn l-Appostli. Alla jinżel għarkupptejh quddiem il-bnedmin, il-qdusija quddiem il-midinbin; l-umiltà u l-ġustizzja quddiem l-inġusti, hemm, bil-qima kollha, kif jagħmel quddiemek. Il-Ħallieq u s-Sid tas-sema u tal-art qiegħed quddiem il-ħlejqa li daret kontrieh, daqslikieku l-qaddej u l-ilsir. Is-Sultan tas-slaten, is-Sid tas-sidien għarkupptejh, jaħsel saqajn il-midinbin. Fl-ebda ħlejqa ma jista’ qatt ikun hemm din l-umiltà, li biha tingħata lill-midinbin kollha tama kbira u tal-għaġeb għall-maħfra tad-dnubiet kollha u għall-għotja tal-ħajja ta’ dejjem. Waqt li naħsbu dan naraw bl-għajnejn tal-fidi lill-Feddej mixħut mal-art quddiem riġlejn bnedmin, hu u jaqdi, mhux biss lid-dixxipli u lil ħbiebu, imma wkoll lil Ġuda, dak li ttradih. (Esposizzjoni tal-Evanġelji, Ktieb IV, Kap. IX) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Missierna li inti fis-smewwiet, Ibnek il-waħdieni ma ġiex biex ikun moqdi iżda biex jaqdi; ħares lejn il-poplu tiegħek li f’dan il-lejl jikkontempla l-umiltà tal-Iben ta’ Alla: għinna nżommu fl-aqwa ġieħ is-sagrament tal-imħabba tiegħek u ngħixu l-Ewkaristija billi aħna wkoll nilbsu l-fardal u naħslu r-riġlejn tal-batut hekk li bl-imħabba tagħna ngħinu fit-tiswir mill-ġdid tax-xbieha tiegħek f’kull bniedem. Ammen.

10


IR-RABA’ VIŻTA Ibqgħu fl-imħabba tiegħi

† O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. L-imħabba [ta’ Alla] hi aqwa minn dik ta’ omm għal uliedha. Alla jħobb il-Poplu tiegħu aktar milli għarus iħobb il-maħbuba tiegħu; din l-imħabba tegħleb l-agħar infedeltajiet; tasal għall-għoti tad-don l-aktar għażiż: Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 219)

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (15, 9-13) Ġesù qal: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu f’imħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu. Mill-Prietki ta’ Alonso de la Vera Cruz Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni (Ġw 3,16). Sabiex jagħtina lil Ibnu ma qagħadx iqis it-tjubija tagħna. L-imħabba ta’ Alla hija differenti minn dik tal-bnedmin: aħna nħobbu lill-ħaddieħor għax hemm xi ħaġa fina li timmerita din l-imħabba – jew is-sbuħija, jew it-tjieba, jew il-ġenerożità, u ħwejjeġ oħra – imma Alla jħobbna mingħajr motivazzjonijiet ulterjuri […]. 11


Hu ħabbna. X’tana? Lil Ibnu l-waħdieni. Kwalunkwe għotja jew don, kull ħaġa li ġejja minn idejn Alla, għandha titqies bl-akbar stima u għożża minna l-bnedmin. Jekk bniedem fqajjar, ukoll jekk jitqies lanqas wieħed fissoċjetà, jingħata għotja mill-Imperatur, għandu jgħożżu bl-akbar qima bħala don li ġej minn id is-Sultan. Kemm aktar għandu jseħħ dan meta Alla jsawwab din l-għotja tant sabiħa hekk kif jippreżentalna lil Ibnu l-waħdieni, l-istess sustanza tiegħu, l-istess qawwa, l-istess għerf, l-istess ġustizzja, l-istess għana, l-istess xbieha, l-istess tjieba. X’Imħabba tal-għaġeb hi din li l-uniku Iben li kellu tahulna: l-uniku maħbub, l-uniku għażiż, l-ewwel wieħed fid-dar ta’ Alla, dak li bih sar kollox, dak li jaħkem fuq kollox, il-glorja ta’ kollox; iva, dan hu l-Iben li Alla tana! Tana lil Ibnu. B’liema mod? B’xejn, mingħajr ma talab xejn lura. Mulej, tajtulna biex ikun Sultan? Le, Mulej. Tajtulna biex jaħkem fuqna? Le, Mulej. Tajtulna biex irroddulu kulma għandna? Le, Mulej. Tajtulna biex jgħabbina bil-piż taddmirijiet? Le. Mela għaliex tajtulna? Sabiex jinbiegħ; ħalli jitpartat għall-fidwa tagħkom; sabiex jissawwat u jissammar mas-salib […]. X’imħabba tal-għaġeb hi din, hekk li ġiegħlet lil San Pawl jistqarr: Alla wriena l-imħabba tiegħu fil-kobor tagħha meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin (Rum 5, 8). U fl-aħħar mill-aħħar, għaliex Alla tana lil Ibnu? Sabiex id-dinja ssalva u tingħata l-maħfra u l-fidwa. (Prietka għat-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Żomm fuqna l-ħarsa tiegħek kollha mħabba, Missier, u qaddes ir-rieda tagħna billi ssawwab fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnek: spirtu ta’ maħfra u mogħdrija, spirtu ta’ qadi u ħlewwa, spirtu ta’ ġustizzja u sliem, spirtu ta’ mħabba u għożża. Ammen. 12


13


14


IL-ĦAMES VIŻTA Jien hu l-ħobż tal-ħajja

† O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. L-Ewkaristija hi l-qalba u l-qofol tal-ħajja tal-Knisja, għax fiha Kristu jsieħeb il-Knisja u l-membri kollha tiegħu fis-sagrifiċċju ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr li offra darba għal dejjem fuq is-salib lil Missieru: b’dan is-sagrifiċċju hu jxerred il-grazzji tas-salvazzjoni fuq Ġismu, li hu l-Knisja. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1407)

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (6, 48-51.57) Ġesù qal lil-Lhud: “Jien hu l-ħobż tal-ħajja. Missierijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jien ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija”. Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu. Mill-kitbiet ta’ P. Antonin Tonna-Barthet Ersaq bil-ħeffa u fittex dan il-wirt li tħallielek, għax ir-rahan diġà qiegħed f’idejk. Ixxennaq għall-ħajja ta’ Kristu, għax għandek bħala rahan il-mewt tiegħu. Tiekol minn dak il-ġisem u tieħu minn dak ix-xorb ifisser tibqa’ fi Kristu u żżomm lil Kristu bħala mistieden għandek. 15


Jekk ma tibqax fi Kristu u Kristu ma jkunx fik, bla dubju jfisser li ma tkunx tiekol spiritwalment ġismu u lanqas tixrob demmu, minkejja l-fatt li minn barra jidher li tieħu s-sagrament tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Tkun qed tiekol u tixrob għall-kundanna tiegħek sagrament ta’ tant valur, jekk taħseb tersaq mingħajr is-safa meħtieġa għall-misteru ta’ Kristu. Jekk ma tridx tiekol u tixrob il-kundanna tiegħek, għix tajjeb […]. Fittex, għalhekk, li tilqa’ spiritwalment dan il-ħobż tas-sema, billi tersaq lejn l-altar b’qalb safja […]. Ersaq lejn Kristu bil-ferħ. Jekk tersaq fl-umiltà ma jiċħdekx. Hu niżel mis-sema fid-dinja mhux biex jagħmel ir-rieda tiegħu imma ta’ dak li bagħtu. Niżel umli, ġie biex jgħallem l-umiltà, deher bħala mgħallem tal-umiltà. Jekk tersaq lejh, issir ħaġa waħda miegħu; fl-istess waqt li tersaq, tkun umli; jekk issir ħaġa waħda miegħu, tkun umli għax ma tkunx qed tagħmel ir-rieda tiegħek, iżda ta’ Alla. (Dwar il-Ħajja Nisranija, Ktieb VII, Kap. 15) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu O Alla, int tajtna lil Ibnek permezz ta’ Ommna Marija, li b’umiltà sħiħa laqgħet fi ħdanha lil dak li sawwarha: agħmel li bħalha nagħrfu ngħixu l-umiltà fil-verità u ninżgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid. sabiex nersqu lejn il-Verb tiegħek u nsiru ħaġa waħda miegħu Ammen.

16


IS-SITT VIŻTA

Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu † O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. L-Imħabba, bħall-Ġisem ta’ Kristu, ma tinqasamx: ma nistgħux inħobbu ’l Alla li ma nistgħux naraw u ma nħobbux lil ħutna li naraw. Meta niċħdu l-maħfra lil ħutna, qalbna tingħalaq, u l-ebusija tagħha ma tħallix l-imħabba kollha ħniena tal-Missier tidħol fiha: permezz tal-istqarrija ta’ dnubna, qalbna hi miftuħa għall-grazzja tiegħu. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2840)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 33-35) Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lill-oħrajn; isalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, ilMaħtur ta’ Alla!” Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu. Mill-prietki ta’ San Tumas ta’ Villanova, isqof L-eżempju ta’ Kristu għandu jqanqalna għall-maħfra, għax l-ebda dixxiplu m’huwa aqwa mill-imgħallem tiegħu. Nisrani, ħares lejn il-wiċċ tal-midluk tiegħi (ara 17


Salm 84, 10); ħares sew lejn Alla u l-Imgħallem tiegħek: kemm qagħad għal affarijiet: tiġrib, tbatija, żebliħ u mewta tal-mistħija minn dawk li kienu taħtu u li fuqhom kien sawwab tant barkiet! Qatt qrajt xi mkien li Kristu ried jew fittex li jagħmel vendetta? Imdendel fuq is-salib, maħsul kollu fid-demm, jgħid lill-Missier: Missier, aħfrilhom (Lq 23, 34). Mhux biss talab, imma tniehed. Hu kien wassal għall-fidi lill-għadd kbir minn dawk li għajtu: Sallbu! Sallbu! (Lq 23, 21). U ġaladarba l-Ispirtu s-Santu kien intbagħat, hu rabathom miegħu u qaddishom. Id-demm tiegħu imxerred fid-dinja jgħajjat quddiem Alla, mhux għal vendetta, bħad-demm ta’ Abel, imma għal ħniena. Pietru jistqarr: meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx (1Pt 2, 23) […]. U int, dixxiplu fl-iskola ta’ Kristu, kif tista’ tqanqal il-vendetta u tfittex li teħodha minn Sid daqshekk ħanin? (Prietka I tat-Tlieta wara t-Tielet Ħadd tar-Randan) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Sawwab fi qlubna, Missier kollok tjieba, spirtu ta’ maħfra lejn kull min hu ħati għalina; qaċċat minn qalbna kull ġibda li biha tista’ titkasbar id-dinjità tal-bniedem; agħtina l-qawwa biex, fil-waqt li nġarrbu l-ħlewwa tal-maħfra tiegħek, inxerrdu l-fwieħa tagħha kull fejn hemm il-firda u t-tilwim. Ammen.

18


19


20


IS-SEBA’ VIŻTA

Aħna ġġustifikati b’demmu † O sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, rabta ta’ mħabba! * Min irid jgħix, jaf fejn isib il-għajn tal-ħajja. Ħa jersaq, jemmen u jieħu sehem mill-Ġisem ta’ Kristu, u jikseb l-għixien. Dan is-sagrifiċċju ta’ Kristu huwa uniku, itemm u jgħaddi s-sagrifiċċji kollha. Hu qabel xejn don ta’ Alla l-Missier innifsu; hu l-Missier li jagħti ’l Ibnu biex iħabbibna miegħu. Hu fl-istess ħin ukoll l-offerta tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li, minn rajh, għall-imħabba, joffri ħajtu lill-Missier bl-Ispirtu s-Santu biex ipatti għaddiżubbidjenza tagħna. (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 614)

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (5, 6-9) Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla. Il-Kelma tal-Mulej Irroddu ħajr lil Alla. Mill-kitbiet ta’ San Alonso de Orozco Feddej tiegħi! Jekk aħna tant midjuna lejk, għal ħafna li għalina sofrejt, kemm aktar għandna irroddulek ħajr u għożża, għall-imħabba kbira li biha għalina batejt. Dan kollu stqarru l-Mulej fl-aħħar ikla, meta fil-waqt li offra d-demm imqaddes, qal lill-Appostli tiegħu: U qabad il-kalċi, radd il-ħajr u qal: Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh 21


bejnietkom (Lq 22, 17). Qisu qal: għax intom bnedmin dgħajfa nagħtikom qatra waħda mit-tbatija, għaliex il-kalċi mimli sax-xfar bl-imrar, bl-uġigħ u bid-diqa, dak nixorbu jiena għalikom u għad-dinja kollha. Huwa ċar li jekk wieħed iħares biss lejn l-art, u qatt ma jerfa’ ħarstu lejn is-sema, waqt li jikkunsidra l-kobor tal-art, kif tidher quddiem għajnejh, ma jasalx biex jintebaħ li kull kewkba fis-sema hija akbar mill-art kollha. Bl-istess mod ma jintebħux dawk l-insara li ma jikkontemplawx dak is-sema kollu kwiekeb, dak il-ġisem imqaddes tal-Mulej, kollu ġrieħi minn rasu sa saqajh, ikkurunat bix-xewk u msammar mas-salib. Jaħsbu li huwa wisq dak li qed ibatu; il-qatra waħda li jagħtihom Kristu mill-kalċi tiegħu jaħsbuh baħar bla qies, għax jinsew il-kalċi sħiħ li s-Sid tal-anġli xorob b’tant imħabba lejna. (Trattat fuq il-ħlewwa ta’ Alla, Kap. XXIV) Ħin qasir ta’ skiet u riflessjoni. Wara jingħadu Missierna, Sliema u Glorja.

Nitolbu Iftħilna għajnejna, o Alla, sabiex f’Ibnek naraw l-għeġubijiet tal-imħabba tiegħek; għat-talb ta’ Marija, li ġarritu fi ħdanha, mxiet miegħu l-mixja tat-tbatija u baqgħet wieqfa taħt is-salib, għinna nwieġbu b’ġenerożità u fedeltà għall-imħabba tiegħek lejna, Missier, u li tagħha l-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek huma tifkira ħajja u dejjiema. Ammen.

22


Fi tmiem l-aħħar żjara, jingħadu Missierna, Sliem u Glorja skont l-intenzjoni tal-Papa. Wara tingħad din it-talba ta’ għeluq ta’ Eġidju Romano, Agostinjan.

Talba ta’ Għeluq O Alla kollok qawwa u ħniena, ġejt quddiemek bħal marid għand min jista’ jagħti l-fejqan fil-ġisem u fir-ruħ, bħal wieħed għama għand min għandu d-dija tad-dawl ta’ dejjem; bħal wieħed fqir għand is-Sid tas-sema u tal-art, bħal wieħed għeri għand is-Sultan tal-glorja. O Alla ta’ kull grazzja, ħa jkun il-Ġisem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, Ibnek, l-hena u l-ferħ tal-ispirtu tiegħi, il-fidwa u l-ħarsien f’kull tiġrib, is-sliem u l-ferħ tiegħi f’kull tbatija, id-dawl u s-saħħa tiegħi f’kulma ngħid u nagħmel, il-faraġ u qawwa tiegħi fis-siegħa ta’ mewti. Ammen.

23


24


Tagħrif Qasir fuq l-Awturi Agostinjani Santu Wistin ta’ Ippona (354-430) Il-frott tal-imħabba bejn ommu S. Monika u missieru Patrizju, Wistin twieled f’Souk Ahras (fl-Alġerija tallum). Mingħand ommu irċieva l-imħabba lejn l-isem ta’ Ġesù Kristu. Fi tfulitu u żogħżitu għadda minn bosta esperjenzi u għal xi żmien tbiegħed mill-fidi li wasslitlu ommu. Ingħaqad mas-setta tal-Manikej għal-tmien snin iżda wara induna bil-qerq tagħhom u skopra l-imħabba ta’ Ġesù Kristu, iddeċieda li jitgħammed minn idejn S. Ambroġ (Milan, 387) u jingħata għall-qadi ta’ Alla. Lura fl-Afrika waqqaf monasteri fejn il-ħajja komuni kienet il-bażi tal-għixien u t-tfittxija ta’ Alla, fl-istudju, fit-talb u fil-qadi tal-aħwa u tal-Knisja. Intagħżel, kontra qalbu, isqof ta’ Ippona, fejn mexxa l-poplu tiegħu bl-akbar fedeltà. Fil-ħafna kitbiet tiegħu insibu tagħlim mill-isbaħ dwar il-misteru tal-Ewkaristija. Il-kitba tiegħu l-aktar magħrufa hija L-Istqarrijiet u Il-Belt ta’ Alla. Miet fis-sena 430, meta l-Vandali kienu qed jassedjaw il-belt ta’ Ippona. Meqjus fost l-akbar għorrief ta’ kull żmien, Wistin huwa eżempju dejjem ħaj tal-qawwa tal-grazzja ta’ Alla. L-Agostinjani iqisuh bħala l-missier spiritwali sa mit-twaqqif tagħhom fl-1244. Eġidju Romano († 1316) Meqjus bħala l-fundatur tal-Iskola Teoloġika Agostinjana, Eġidju Colonna twieled għal ħabta tal-1243. Daħal fl-Ordni ta’ Santu Wistin u okkupa l-kariga ta’ Pirjol Ġenerali. Kien l-ewwel wieħed fost l-Agostinjani li laħaq Duttur u Kattedratiku tat-Teoloġija fl-Università ta’ Pariġi. Il-kitbiet teoloġiċi tiegħu, imsejsa fuq it-tagħlim u l-ħsieb ta’ Santu Wistin, kienu l-bażi tal-istudji teoloġiċi għall-Agostinjani. Huwa l-awtur ta’ bosta kitbiet, fosthom De Ecclesiastica potestate, De regimine principum u De renuntiatione papae. Il-Papa Bonifaċju VIII għażlu bħala isqof ta’ Brouges. Minkejja l-karigi għoljin fil-Knisja, għex fl-umiltà l-ħajja reliġjuża tiegħu. Magħruf bħala Doctor fundatissimus u Theologorum princeps, miet fl-1316, wara ħajja ta’ qadi fil-Knisja. Beatu Xmun minn Cascia († 1348) Xmun Fidati twieled f’Cascia lejn tmiem is-seklu XIII. Wara li ingħata għall-istudju tax-xjenzi klassiċi, iddeċieda li jingħaqad mal-Ordni Agostinjan fejn ifforma ruħu fuq l-ispirtu ta’ Santu Wistin. Ingħata għall-predikazzjoni. Minkejja l-karattru sod u serju tiegħu, kien imfittex ħafna għad-direzzjoni spiritwali. Fost id-diversi kitbiet tiegħu, il-De Gestis Domini Salvatoris għandu l-akbar post ta’ ġieħ. Fih l-awtur 25


jimmedita l-ħajja ta’ Kristu, frott ta’ esperjenza spiritwali qawwija li hu stess kellu. Il-ktieb L’ordine della vita cristiana huwa fost l-aktar bikrija bil-lingwa taljana. Is-segreterju tiegħu, Fra Ġwann minn Salerno, għamel traduzzjoni għat-Taljan ta’ diversi xogħlijiet spiritwali, fosthom l-Esposizzjoni tal-Evanġelji. Il-fdalijiet tal-Beatu Xmun jinsabu fil-Bażilka Inferjuri fis-Santwarju ta’ Santa Rita, f’Cascia. San Tumas ta’ Villanova (1486-1555) Tumas twieled f’Fuenllana (Spanja) u għex tfulitu f’Villanueva de los Infantes. Studja fl-Università ta’ Alacalà. Fil-quċċata ta’ karriera akkademika, iddeċieda li jingħaqad mal-Agostinjani fil-belt ta’ Salamanca (1516) u sentejn wara irċieva l-ordinazzjoni saċerdotali. Minħabba l-qdusija u l-għaqal tiegħu, sa minn kmieni, okkupa diversi karigi fil-Provinċji Agostinjani ta’ Kastilja u Andalucía. Bniedem ta’ spiritwalità profonda, kien riformatur tal-ħajja reliġjuża agostinjana u ħabb il-ħidma missjunarja. Minkejja l-fatt li hu ma setax imur personalment, ħeġġeġ lil bosta sabiex imorru l-Messiku u l-Perù sabiex jevanġelizzaw. Fl-1544 inħatar Arċisqof ta’ Valencia fejn, fost l-oħrajn, fl-1550 waqqaf seminarju għall-formazzjoni umanistika u spiritwali tal-kleru. Id-devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija toħroġ kemm mill-kitbiet tiegħu, b’mod partikolari mill-bosta prietki, kif ukoll mill-eżempju ta’ ħajtu. Frott ta’ din id-devozzjoni, ingħata kollu kemm hu għall-foqra. Miet fl-1555 u kien kanonizzat fl-1658. Alonso de la Vera Cruz (1507-1584) Alonso Gutiérrez twieled f’Caspueñas (Spanja) fl-1507. Wara l-istudji fl-Università Complutense u f’Salamanca kien mistieden sabiex imur il-Messiku mill-agostinjani Francisco de la Cruz. Hekk kif wasal (1536) iddeċieda li jingħaqad mal-Ordni ta’ Santu Wistin fejn ħa l-isem ta’ Alonso de la Vera Cruz. Bniedem ta’ spiritwalità u umanità qawwija, ħadem kemm felaħ b’riżq il-ġid spiritwali u materjali tal-indios. Iġġieled għad-drittijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet spanjoli. Għex il-ħajja reliġjuża u l-ħidma tiegħu għad-dell tal-Ewkaristija. Huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa figuri tal-evanġelizazzjoni tal-Messiku tal-ewwel żminijiet. Miet fil-Belt tal-Messiku fl-1584, wara ħajja mogħtija għat-tqaddis tal-aħwa nativi tal-Amerika ċentrali. San Alonso de Orozco (1500-1591) Twieled f’Oropesa (Toledo, Spanja). Waqt li kien jistudja fl-Università ta’ Salamanca, inġibed lejn il-ħajja tal-aħwa agostinjani, li f’dik il-belt kellhom kunvent immexxi minn S. Tumas ta’ Villanova. F’bosta waqtiet kien ser jaqta’ qalbu mill-ħajja reliġjuża, iżda bil-qawwa tal-Ispirtu u l-għajnuna ta’ Marija, baqa’ fidil lejn il-wegħdiet tal-professjoni. 26


Fl-1547 ipprova jmur bħala missjunarju fil-Messiku, iżda kellu jerġa lura f’nofs il-vjaġġ minħabba marda li qabditu. Inħatar predikatur rjali tal-Imperatur Karlu V u tar-Re Filippu II. Minkejja l-ambjenti sinjorili li fihom kellu jqatta’ ħafna żmien, qatt ma abbanduna l-ħajja sempliċi u l-faqar evaġeliku. Bosta huma l-kitbiet tiegħu, kollha ta’ spiritwalità profonda, imsejsa fuq it-tagħlim ta’ S. Wistin: Vergel de oración y monte de contemplación, Despositario espiritual, Arte de amar a Dios y al próximo, Comentario a la Regla u oħrajn. Fuq l-eżempju ta’ S. Wistin, Alonso wkoll kiteb l-istqarrijiet tiegħu, Confesiones, fejn jirrakkonta ħajtu bħala frott tal-qawwa u l-grazzja ta’ Alla. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-monasteru tas-sorijiet kontemplattivi agostinjani, mwaqqaf minnu, f’Madrid. Kien kanonizzat fl-2001. Ange La Proust (1624-1697) Twieled f’Poiters u daħal mal-komunità Agostinjana f’Bourges, fejn sar professur tat-Teoloġija u aktar tard Pirjol Provinċjali. Huwa l-fundatur tal-kongregazzjoni reliġjuża tas-Sorijiet ta’ San Tumas ta’ Villanova li twaqqfet fl-1661 fi Franza bil-għan li taqdi lil Ġesù Kristu u lill-foqra. Huwa waqqaf il-kongregazzjoni fuq it-tagħlim u l-ispirtu ta’ Santu Wistin u ta lis-sorijiet b’mudell lill-isqof agostinjan San Tumas ta’ Villanova. Sabiex jilħaq aħjar dan il-għan, La Proust kiteb Traicté de la Règle de Saint Augustin, fejn jispjega l-prinċipji spiritwali li jinsabu fir-Regola li Santu Wistin kiteb għall-qaddejja ta’ Alla miġbura f’komunità fuq l-eżempju tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm. P. Ange La Proust, meqjus bħala “missier il-foqra” u maħbub kbir tal-Ewkaristija, miet f’Pariġi fis-16 ta’ Ottubru 1697. Antonin Tonna-Barthet (1868-1945) Twieled il-Belt Valletta fis-7 ta’ Mejju 1868 u ingħaqad mal-Ordni Agostinjan fl-1884. Tmien snin wara kien ordnat saċerdot f’Ruma fejn kien intbagħat jistudja. Ingħata għall-appostolat tat-tagħlim. Wara xi żmien Franza, intbagħat jgħallem fl-Università Agostinjana ta’ El Escorial, fi Spanja. Kien Pirjol tal-komunità ta’ Pavia, fejn l-Agostinjani jħarsu l-fdalijiet ta’ S. Wistin. Ħadem ukoll fisSantwarju tal-Madonna tal-Bon Kunsill f’Genazzano, kif ukoll għallem fil-Kulleġġ Internazzjonali S. Monika li l-Agostinjani għandhom f’Ruma. Fl-1939 ġie lura Malta fejn kompla l-ħidma akkademika tiegħu. Fost id-diversi kitbiet tiegħu, huwa magħruf l-aktar għal De Vita Christiana li kien ippubblikat Ruma, fl-1927. Matul iż-żmien dan il-ktejjeb dwar l-ispiritwalità nisranija msejsa fuq it-tagħlim u l-kitbiet ta’ S. Wistin kien ippubblikat f’għexieren ta’ edizzjonijiet f’daqstant ieħor ilsna differenti. P. Tonna-Barthet miet fis-16 ta’ Ġunju 1945 fil-Kunvent ta’ S. Wistin fir-Rabat, Għawdex. 27




a ViatoR

sensiela


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.