2 minute read

Tagħrif dwar iż-żodjaku Sagittarius

IŻ-ŻODJAKU MA’ PAULJON Tagħrif dwar iż-żodjaku ta’ Sagittarius

Nibdew dan l-aħħar xahar għal din is-sena, iżda mhux l-aħħar xahar tal-kalendarju żodjaku għax dan jagħlaq f’nofs ix-xahar ta’ Marzu taħt iż-żodjaku ta’ Pisces! Ix-xahar ta’ Diċembru jiġbor fih diversi temi importanti, xahar bl-aktar festi pubbliċi, xahar li jwassal għall-bidla tal-istaġuni, iżda ovvjament l-aktar attività importanti f’dan ix-xahar huwa l-Milied. Sfortunatament minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, żgur li ser ikun Milied b’differenza, iżda xorta naraw kif nistgħu nqattgħu dawn il-ġranet ta’ armonija bl-aħjar mod li nistgħu! Dan ix-xahar ilaqqagħna ma’ żewġ żodjaki kompletament differenti minn xulxin: fil-preżent qegħdin taħt Sagittarius sal-21 ta’ Diċembru u eżatt mal-bidu tal-istaġun tax-xitwa jibda Capricorn.

Advertisement

Sagittarius (♐︎) għandu żewġ simboli; is-simbolu prinċipali ta’ vleġġa u s-simbolu ta’ nofs persuna umana u nofs persuna kreatura ta’ żiemel. Skont il-mitoloġija Griega il-vleġġa tissimbolizza dak il-fejqan, imsejjaħ healing, li hu mezz ta’ fejqan mhux taħt kura medika imma permezz ta’ meditazzjoni profonda. Il-vleġġa tissimbolizza ukoll pont li jgħaqqad id-dinja tagħna mal-ġenna.

Sagittarius, skont il-mitoloġija Griega, ġej mill-kliem, Τοξότης Toxotes, li meta tinqaleb għall-Latin toħroġ l-isem proprju. Dan id-disa’ żodjaku, flimkien ma’ Aries u Leo jaqgħu taħt l-element tan-nar. Dawn it-tlieta joffru bosta prospetti, fosthom is-sensittività fl-imħabba u d-determinazzjoni b’aspetti differenti. Għandhom ukoll dik ir-ras iebsa fejn tkun trid tgħaddi tagħhom, iżda huma persuni li joffru l-għajnuna tagħhom, barra li tispikka l-umiltà kbira tagħhom!

Fatti interessanti dwar il-karattru taż-żodjaku ta’ Sagittarius

Meta tinkiseb il-kunfidenza kompluta ma’ dan iż-żodjaku int żgur tkun taf fejn int. Iżda dan iż-żodjaku jaf ibati ħafna mill-burdati, għalhekk trid tagħraf timxi sew ma’ dan. Waħda mill-aktar attivitajiet għal qalbhom hija l-ivjaġġar jew il-vaganzi iżda b’tema differenti minn kif wieħed jimmaġina. Iż-żodjaku ta’ Sagittarius joffrilna vetrina sabiħa ta’ persuni famużi bħall-attur Brad Pitt, l-awtur Mark Twain, il-kompożitur Ludwig van Beethoven u l-kantanta Britney Spears. Sabiex ikollok idea aktar vasta ta’ fejn iwassal iż-żodjaku tiegħek, dan iż-żodjaku huwa simbolu ta’ kif wieħed jagħraf jiddeverti! F’Malta wkoll insibu persuni famużi taħt dan iż-żodjaku, fosthom il-ġurnalisti Liam Carter, Aleander Balzan, Clifford Galea Vella Maslennikov u Glen Falzon. Hemm il-kantanti Franklin, Ludwig Galea, Mike Spiteri, Christian Arding, Davinia Pace, Chantelle Mercieca, Aidan Cassar, Laura Bruno, Miriana Conte u Fiona Cauchi. Atturi Sagittarius għandna lil Patrick Tanti, Frederick Testa u Mark Doneo. Personalitajiet oħrajn huma l-mudella Natalya Galdes, il-produttur Steve Aquilina, il-kompożitur Elton Zarb, l-eks preżentaturi Matthew Calleja u Natal Attard Bayliss, l-artist Frank Vella u t-tabiba ta’ Gwida, Dr. Georgiana!

Il-parti kbira ta’ Sagittarius jħobbu jinfexxu fix-xiri tal-ħwejjeġ. Fatt ieħor interessanti ta’ dan iż-żodjaku huwa li jiffukaw ħafna fuqhom infushom; fuq kemm ikunu jridu jidhru tajbin, kemm fid-dehra kif ukoll fil-preżentazzjoni tagħhom. Fl-aħħar hemm il-parti sensittiva tagħhom li tagħmilhom uniċi jekk tkun tagħraf timxi magħhom kif ukoll li tagħraf tifhimhom sew!

L-aktar jum ideali għaż-żodjaku ta’ Sagittarius huwa dak talĦamis u għandek tevita l-jum tat-Tnejn. L-aktar xahar ideali għalik huwa dak ta’ Ġunju u għandek tevita dak ta’ Marzu. Il-kristalli ideali għalik huma amethyst u sapphire u dati ideali għalik għax-xahar ta’ Diċembru (dejjem taħt dan iż-żodjaku) huma t-3, is-7, id-9, l-14 u d-19!

Jekk tkun tixtieq aktar informazzjoni dwar iż-żodjaku personali tiegħek, kulma għandek tagħmel huwa li tibgħat ismek u d-data tat-twelid f’ittra postali u tindirizzaha hekk: PaulJon (GWIDA) PO Box 27, Paola, jew żur is-sit tiegħi www.pauljon13.com Namaste.

This article is from: