3 minute read
JOLLY JANE - L-ANĠLU TAL-MEWT
Jane Toppan tivvalena l-pazjenti bħala “att ta’ ħniena”
Kitba ta’ STEPHANIE CACCIATTOLO
Advertisement
Jane Toppan, imwielda bħala Honora Kelley, kienet qattiela tal-massa Amerikana. Il-ġenituri tagħha kienu Irlandiżi li emigraw lejn l-Istati Uniti biex ifittxu ħajja aħjar iżda xorta baqgħu fi stat ta’ faqar. Toppan, li kienet magħrufa mill-kollegi bħala Jolly Jane, ġiet arrestata fid-29 ta’ Ottubru tal-1901 wara suspett li kellha x’taqsam mal-qtil ta’ xi membri tal-familja Davis. Toppan ammettiet li qatlet mal-31 persuna iżda ġiet mixlija bi 12-il omiċidju. Huwa maħsub li hi qatlet fuq 100 persuna. Waqt il-ġuri nstab li ma kinitx mentalment stabbli u b’hekk intbagħtet flisptar Taunton Insane Hospital.
Jane Toppan/Honora Kelley
Jane Toppan, li isimha u kunjomha vera kienu Honora Kelley, twieldet fil31 ta’ Marzu tal-1854 f’Boston, f’Massachusetts. Il-ġenituri tagħha, Bridget u Peter Kelley, kienu immigranti Irlandiżi li marru fl-Istati Uniti għal futur aħjar. Apparti Honora, il-koppja Kelley kellhom tlett ibniet oħra li kienu ikbar minn Honora. Meta Honora kellha madwar sena, ommha mietet bit-tuberkulożi. Il-missier, li kien ħajjat, kien magħruf min-nies bħala Kelley the Crack għax kien sakranazz. Jgħidu li Kelley ma baqax jirraġuna u li ħiet għajnejh flimkien.
Fl-1860, il-missier ħa lil Delia ta’ tmien snin u lil Honora ta’ sitt snin fl-orfanatrofju magħruf bħala l-Boston Female Asylum. Ma nstabux rekords tal-esperjenzi li kellhom il-bniet f’dan il-post, ħlief li ġew “salvati minn ambjent miżerabbli”. F’Novembru tal1862, Honora ntbagħtet tgħix bħala seftura bla ħlas fid-dar tal-familja Toppan, f’Lowell, Massachusetts. Minkejja li qatt ma ġiet addottata mill-familja, Honora ħadet kunjom il-familja u bdiet tissejjaħ bħala Jane Toppan. Il-familja Toppan kellhom tifla, Elizabeth, li Honora kienet tmur tajjeb ħafna magħha.
Fl-1885, Honora bdiet titħarreġ bħala infermiera fil-Cambridge Hospital. Kien hawnhekk li ngħatat il-laqam ta’ “Jolly Jane” minħabba l-karattru ferrieħi u dħuli li kellha. Il-pazjenti li kienu jingħataw lil Toppan biex tieħu ħsiebhom kienu anzjani morda. Għall-ewwel, hi kienet issir tafhom u mbagħad kienet tagħżel il-favoriti tagħha biex tesperimenta fuqhom. Hi kienet tagħtihom dożi ta’ morfina u atropina filwaqt li kienet tbagħbas ir-rekords tagħhom. Kienet tbagħbas ukoll fid-dożi biex tara x’effett iħallu fuq il-pazjenti u kif kienu jintilfu minn sensihom, hi kienet titla’ ħdejhom fis-sodda u toqgħod tmisshom. Fejn kienet tkun hi kienu jmutu għadd ta’ pazjenti u l-affarijiet kienu dejjem jgħosfru.
Fl-1889, Toppan sabet xogħol fil-Massachusetts General Hospital. Hi ma tantx damet taħdem hawnhekk għax inqabdet tagħti dożi tal-loppju bl-addoċċ. Wara hawn, Toppan bdiet taħdem bħala infermiera li tmur fiddjar tal-pazjenti tagħha u bdiet iddawwar lira sew filwaqt li kienet teħles mill-pazjenti.
Huwa fiċ-ċert li Toppan bdiet tivvalena lin-nies fl-1895, hekk kif qatlet lis-sid tad-dar li kienet tikri, Israel Dunham u lil martu sentejn wara. Fl-1899, Toppan qatlet anke lil Elizabeth, it-tifla tal-familja Toppan, wisq probabbli minħabba l-għira. Fl-1901, Toppan marret toqgħod ma’ Alden Davis u l-familja tiegħu biex tkun tista’ tieħu ħsiebu, wara li kienet laħqet ħelset minn martu. Fi ftit ġimgħat, Toppan qatlet lil Davis, lil oħtu u tnejn minn uliedu l-bniet. Il-membri l-oħra tal-familja bdew jissuspettaw ħażin għax kollha kienu f’saħħithom u b’hekk talbu biex isir eżami tat-tossikoloġija fuq it-tifla ż-żgħira ta’ Davis u nstab li din ġiet ivvalenata.
Wara din is-sejba, il-pulizija tefgħu ħarsithom fuq Toppan u spiċċaw biex arrestawha fid-29 ta’ Ottubru tal-1901 mixlija bi qtil. Sal-1902, Toppan ammettiet li qatlet minn tal-inqas 31 persuna. Waqt il-ġuri, Toppan ġiet mixlija bi 13-il omiċidju filwaqt li bdiet tinsisti li hi mentalment stabbli għax kienet taf x’inhi tagħmel. Saħqet li hi xtaqet toqtol iżjed persuni, speċjalment anzjani, li kienu bla saħħa u kemmil darba qalet li l-anzjani m’hemmx bżonnhom fid-dinja. Din l-istqarrija wasslitha biex issir magħrufa bħala “l-Anġlu tal-Ħniena” jew “l-Anġlu tal-Mewt” għax iddeċidiet li hi kellha s-setgħa biex tagħżel min seta’ jgħix jew le, apparti li kienet tieħu sodisfazzjoni sesswali xħin tarahom qed imutu. Fit-23 ta’ Ġunju tal-1902, Toppan instabet mhux ħatja minħabba insta- bbiltà mentali u ntbagħtet għal għomorha fit-Taunton Insane Hospital. Toppan mietet fis-17 ta’ Awwissu tal1938 fl-età ta’ 84 sena.
Il-vittmi li nafu fiċ-ċert li qatlithom huma:
• Israel Dunham: inqatel fis-26 ta’ Mejju tal-1895 fl-età ta’ 83 sena
• Lovely Dunham: inqatlet fid-19 ta’ Settembru tal-1897 fl-età ta’ 87 sena
• Elizabeth Brigham: it-tifla tal-familja Toppan, inqatlet fid-29 ta’ Awwissu tal-1899 fl-età ta’ 70 sena
• Mary McNear: inqatlet fit-28 ta’ Diċembru tal-1899 fl-età ta’ 70 sena
• Florence Calkins: kien jieħu ħsieb id-dar ta’ Elizabeth Brigham, inqatel fil-15 ta’ Jannar tal-1900 fl-età ta’ 45 sena
• William Ingraham: inqatel fis-27 ta’ Jannar tal-1900 fl-età ta’ 70 sena
• Sarah (Myra) Connors: ħabiba ta’ Toppan, inqatlet fil-11 ta’ Frar tal-1900 fl-età ta’ 48 sena
• Mattie Davis: il-mara ta’ Alden Davis, inqatlet fl-4 ta’ Lulju tal1901 fl-età ta’ 62 sena
• Genevieve Gordon (Annie): It-tifla ta’ Alden u Mattie Davis, inqatlet fit-30 ta’ Lulju tal-1901
• Alden Davis: inqatel fit-8 ta’ Awwissu tal-1901 fl-età ta’ 64 sena
• Mary (Minnie) Gibbs: it-tifla ta’ Alden u Mattie, mietet fit-13 ta’
Awwissu tal-1901 fl-età ta’ 40 sena
• Edna Bannister: oħt Florence Calkins, inqatlet fid-19 ta’ Ġunju tal-1901 fl-eta ta’ 77 sena