1 minute read

TIBDA TINTUŻA L-FLYOVER QRIB L-MIA

Minn sbieħ ilbieraħ numru ta’ rotot ġodda, li jikkumplimentaw il-proġett infrastrutturali massiċċ biswit l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), infetħu għat-traffiku. Fosthom hemm il-flyover ta’ 400 metru, li nbniet bħala parti mill-Kirkop Tunnels & Airport Intersection Project, li għalissa bdiet tintuża b’mod temporanju fid-direzzjoni opposta li hija intenzjonata li tintuża ladarba jitlesta l-proġett kollu.

Għaldaqstant, issa min se jkun fi triqtu mill-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Ħal Luqa jew Ħal Qormi jkollu jgħaddi minn fuq il-flyover. ’Il quddiem, il-flyover se sservi lit-traffiku viċiversa. Bl-aħħar żviluppi jfisser li 75% tax-xogħlijiet infrastrutturali jinsabu lesti u qed jitgawdew mis-sewwieqa li jgħaddu mill-akkwati.

Advertisement

Dan l-investiment ta’ €18-il miljun, li se jkun lest fi żmien tliet xhur oħra, jgħaqqad malproġett biswit (Luqa Junction Project), li għandhom l-għan li mhux biss inaqqsu t-traffiku li jakkumula f’din iż-żona ekonomikament strateġika b’74%, iżda wkoll jevitaw parti sew mit-tniġġis fl-akkwati.

Walter Portelli, uffiċjal ta’ Infrastructure Malta, li hi responsabbli mill-proġetti, spjega li l-underpass li s’issa kienet tintuża fid-direzzjoni lejn Ħal Far, issa qed tintuża biex minn Ħal Far tibqa’ sejjer lejn Ħal

Luqa. Ma’ dan, spjega, li nfetaħ aċċess dirett mill-Ajruport lejn Ħal Luqa, bl-użu tar-roundabout u aċċess dirett minn Ħal Kirkop lejn Ħal Far jew l-Ajruport.

Dan it-tibdil se jippermetti li jitkomplew ix-xogħlijiet, partikolarment fit-Triq l-Ewwel Titjira u Triq l-Avjazzjoni.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Ka- pitali, Aaron Farrugia, qal: “Ovvjament se nkomplu għaddejjin biex il-proġett ikompli jinfetaħ, aktar rotot jinfetħu fil-ġimgħat li ġejjin, ħalli mbagħad, f’April, il-proġett ikun lest fl-intier tiegħu.”

Hu qal li jħares ’il quddiem biex il-proġett jibda jitgawda kompletament u rringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni tiegħu.

Il-proġett ta’ €18-il miljun f’din iż-żona ekonomikament strateġika se jitlesta kompletament sa April li ġej u, flimkien mal-Luqa Intersection Project, se jkun qed inaqqas it-tniġġis drastikament u t-traffiku b’madwar 74%

This article is from: