2 minute read

TAĦT IL-KAPPA TAX-XEMX

L-2002. Pajjiż qed jinbidel, u awtur żagħżugħ joħroġ ktieb ma’ dar ta’ pubblikazzjoni żagħżugħa li joffri ritratt – warts and all – tar-realtà Maltija fl-2002. Id-dar ta’ pubblikazzjoni hija l-Minima ta’ Mark Vella, l-awtur żagħżugħ huwa Karl Schembri, u l-ktieb huwa Taħt il-Kappa tax-Xemx

Fis-snin Taħt il-Kappa tax-Xemx sar ktieb kult, u ilu s-snin mhux disponibbli fil-ħwienet. Issa, il-Merlin Publishers reġgħu ħarġu edizzjoni ġdida tal-ktieb f’għeluq l-20 sena mill-ewwel pubblikazzjoni.

Advertisement

Fi kliem Karl Schembri stess: “Meta ktibt Taħt il-Kappa tax-Xemx iktar minn 20 sena ilu, kont ġurnalist żagħżugħ irrabjat. Dak iż-żmien kont naħdem ma’ The Malta Independent, minn fejn ktibt uħud mill-iktar stejjer importanti tiegħi, imma wkoll fejn kont insib ruħi wiċċ imb wiċċ mal-limitazzjonijiet tal-ġurnaliżmu Malti”.

Taħt il-Kappa tax-Xemx imsejjes bħala ġabra ta’ stejjer tal-ġurnalist fittizju Mark Micallef. Micallef huwa ġurnalist impenjat, imma wkoll ġurnalist sturdut. Tal-inqas l-editur tiegħu mal-ġurnal Ix-Xemx hekk jaħseb, u talbu jieħu ftit ġimgħat frank biex jiġi f’tiegħu.

Għax kif jaqbad jispjega pereżempju li r-rapport li deher b’ismu ma kienx tiegħu? Jew li l-Gvern Malti qed iħaffer mina sigrieta? Dawn huma l-istqarrijiet tal-ġurnalist li, fit-tfittxija tiegħu għall-verità, sab ruħu maqbud f’nofs l-istejjer li kien qed jirrapporta.

Il-mibki Mario Azzopardi, dwar Taħt il-Kappa tax-Xemx lura meta kien ħareġ għall-ewwel darba, kien qal hekk: “L-interventi ta’ Schembri joħolqu assalt sħiħ kontra pajjiż li l-fusien tiegħu huma lubrikati bl-ipokrisija, in-nepotiżmu u l-korruzzjoni”.

Għax appuntu, Taħt il-Kappa tax-Xemx inkiteb fl-2002, f’xena nazzjonali u politika differenti għalkollox bi protagonisti differenti. Lil Karl Schembri staqsejnieh:

Xi nbidel minn dakinhar?

Schembri: “Inbidlu l-uċuħ, u bqajna bl-istess skeletri. Bqajna bl-istess arroganza tal-eletti fil-poter, bl-istess inkompetenza u korruzzjoni morali li tħalli każ ta’ qtil ta’ Sion Grech jitherra għal kważi 20 sena qabel ma tibda ssir xi ġustizzja. Li twassal għall-assassinju ta’ Daphne. Li tgħid lil mara vittma ta’ vjolenza minn żewġha biex tistenna sena qabel ma jismagħha xi maġistrat – biżżejjed biex jilħaq joqtolha. Xejn ġdid taħt ix-xemx, ħlief li l-inkompetenza u l-korruzzjoni saru iżjed imdemmija minn qatt qabel.”

Taħt il-Kappa tax-Xemx fl-edizzjoni oriġinali kien arrikkit minn illustrazzjonijiet ironiċi ta’ Greta Borg Carbott, wieħed mill-ewwel eżempji lokali ta’ illustrazzjoni f’rumanz għall-adulti.

Dawn l-istess illustrazzjonijiet oriġinali nżammew fl-edizzjoni l-ġdida, liema edizzjoni għandha qoxra u produzzjoni ta’ Pierre Portelli.

Fi kliem il-pubblikatur Chris Gruppetta: “Tkun tassew ħasra meta kotba ikoniċi fil-letteratura Maltija jispiċċaw out of print u għalhekk jikbru ġenerazzjonijiet ġodda li ma jkollhomx aċċess faċli għalihom. Xi kultant dan ikun inevitabbli minħabba r-realtajiet tas-suq lokali, imma meta possibbli, bħal fil-każ ta’ Taħt il-Kappa tax-Xemx u bħalma b’Il-manifest tal-Killer, ukoll ta’ Karl Schembri, inħossu bħala parti mid-dmir tagħna li nreġġgħu dawn il-kotba għal fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba.”

Taħt il-Kappa tax-xemx jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, kif ukoll online minn merlinpublishers.com

Mistoqsija: X’inhu l-isem tal-ġurnalist fittizju?

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb TAĦT IL-KAPPA TAX-XEMX. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 15 ta’ Jannar. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi. Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb TNAX-IL SENA WARA hija:

V. CARDONA - ŻEJTUN

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

Kemm kien l-ammont ta’ passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex matul l-2022?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

Rebbieħ:

This article is from: