2 minute read
IS-SAĦĦARA TA’ YORKSHIRE
Mary Bateman tisraq, tinganna u toqtol
Mary Bateman kienet qattiela Ingliża u magħrufa bħala s-Saħħara ta’ Yorkshire. Bateman kienet instabet ħatja bi frodi u bil-qtil ta’ Rebecca Perigo fil-bidu tas-seklu 19. Ta’ dan, hi ngħatat il-forka fl-20 ta’ Marzu tal-1809, flimkien ma’ żewġ kriminali oħra.
Advertisement
Min kienet Mary Bateman
Mary Bateman twieldet fl-1768 f’Asenby f’North Riding of Yorkshire, fl-Ingilterra. Hi kienet ġejja minn familja tal-bdiewa iżda xorta tgħallmet taqra u tikteb. Meta kellha 13-il sena, hi bdiet taħdem bħala seftura. Seba’ snin wara, Bateman marret f’York u bdiet taħdem bħala ħajjata. Bateman kellha l-vizzju tas-serq u dan wassalha biex taħrab minn York u tmur f’Leeds. Hawnhekk, Bateman kompliet taħdem bħala ħajjata fejn kienet tħit ilbies skont l-ordni u l-qisien tal-persuna. Hi kienet ukoll meqjusa bħala mara mimlija għerf u kienet ukoll taqra x-xorti.
Fl-1792, Bateman iżżewġet lil John Bateman, li kien jaħdem u jsewwi roti tal-injam. Waqt li kienet miżżewġa, Bateman xorta kompliet tisraq u nqabdet kemm-il darba iżda kienet tinħeles billi xxaħħam lil min ikun qabadha. Fl-1796, żewġha ngħaqad fl-armata u kellhom imorru jgħixu ’l barra minn Leeds. F’inqas minn sena, huma rritornaw u Bateman kompliet tisraq.
Kien hemm ukoll każ fejn kien hemm dar li ħadet in-nar u Bateman intefgħet fit-triq tittallab biex tagħti l-għotjiet lill-familja ta’ din id-dar. Sar magħruf iżda li Bateman żammet kollox għaliha. Apparti l-ingann, jingħad li Bateman kienet ukoll twettaq l-abort. Fl-1806, hi ngħaqdet massegwaċi tal-profeta Joanna Southcott u bdiet tattendi għal-laqgħat.
Waqt li kienet parti minn din is-setta, Bateman ivvintat li hi kellha tiġieġa li tbid bajd bil-kliem “Kristu ġej”, messaġġ li n-nies ħasbu li kellu x’jaqsam mal-aħħar tad-dinja. Tlieta minn dawn it-tliet bajdiet bdiet turihom lill-pubbliku u bdiet iżżommilhom ċenteżmu biex jarawhom. Hekk kif ittiġieġa ttieħdet mingħand Bateman, sar magħruf li kienet Bateman stess li kienet qed tikteb fuq il-bajd u mbagħad kienet terġa’ ddaħħalhom fit-tiġieġa.
Fl-istess żmien tal-farsa tat-tiġieġa, Bateman ġiet avviċinata minn William u Rebecca Perigo. Din tal-aħħar kienet qed tbati minn uġigħ f’sidirha u Bateman qaltilha li xi ħadd għamlilha seħer. Bateman bdiet tbigħilhom pendenti għall-fejqan u bdiet tagħtihom trab tal-velenu biex iħalltuh mal-ikel. Saħħet Rebecca kompliet sejra lura u spiċċat biex mietet fl-24 ta’ Mejju tal1807. Wara l-mewt tagħha, żewġha dam kważi sentejn jibqa’ jisma’ minn Bateman sa ma fl-aħħar beda jiddubita minnha. William spiċċa biex beda jakkuża lil Bateman li hi ingannathom, iffrodathom u li provat toqtlu waqt li rnexxielha toqtol lil mar- ċaħdet dan kollu iżda tfittxija fid-dar tagħha wasslet għal sejba ta’ valenu u affarijiet misruqa mingħand in-nies, fosthom tal-koppja Perigo.
Il-ġuri
Il-ġuri ta’ Bateman seħħ f’Marzu tal-1809. Skont il-ktieb The Criminal Chronology of York Castle ta’ William Knipe, il-ġuri dam 11-il siegħa u l-ġurija ma damitx biex sabet lil Bateman ħatja fuq akkużi ta’ frodi u għall-qtil ta’ Rebecca Perigo. Fil-ktieb jingħad li hekk kif ingħatat il-piena kapitali, Bateman qaltilhom li kellha 22 ġimgħa tqala biex tevita l-forka. Kien għalhekk li l-imħallef ordna li ssir analiżi medika u minnha rriżulta li Batemen mhux vera kienet tqila.
Fl-20 ta’ Marzu tal-1809, Bateman ingħatat il-forka flimkien ma’ żewġt irġiel.
Wara l-forka
Wara l-forka, il-katavru ta’ Bateman intbagħat fil-Leeds General Infirmary, fejn deher għall-pubbliku. Kull min ried jara l-katavru kellu jħallas tliet ċenteżmi. Id-dissezzjoni tal-katavru saret minn William Hey, li dam tlett ijiem għaddej bil-proċess. Fl-ewwel jum, studenti tal-mediċina marru jaraw il-katavru, fit-tieni jum irġiel ‘ġentlomi’ u fit-tielet jum marru nisa biex jisimgħuh jispjega fuq il-kat- avru. Dawn kollha kellhom iħallsu prezz differenti biex jattendu.
Partijiet mill-ġilda ta’ Bateman intużaw biex inħolqu pendenti kontra l-ispirti ħżiena filwaqt li l-ponta ta’ lsienha nġabret mill-gvernatur ta’ Ripon Prison. Il-ġilda tagħha ntużat ukoll bħala qoxra ta’ żewġ kotba li kienu jinsabu fil-librerija ta’ Mexborough House – Hurt of Sedition: How Grievious it is to a Common Welth ta’ Sir John Cheeke u Arcadian Princess ta’ Richard Braithwaite. Dawn iżżewġ kotba għosfru lejn nofs is-seklu 19 u ħadd ma jaf x’sar minnhom.
L-iskeletru ta’ Bateman intbagħat fit-Thackray Medical Museum fejn dam jidher għall-pubbliku sal-2015. Illum jinsab fl-Università ta’ Leeds.