1 minute read

Daħla

Din hi ġabra ta’ poeżiji oriġinali marbuta maż-żminijiet tal-Għid. Nibdew mill-Karnival segwit mir-Randan, Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid Imqaddes. Din il-ġabra żviluppat b’mod naturali sabiex issegwi l-ġabra tal-Milied, Doqqu Doqqu Milied Malti. Intlabt li naħdem fuq din l-antoloġija ta’ poeżiji u ridt li dawn il-poeżiji jiġbru l-folklor Malti magħġun f’dawn il-festi sbieħ tal-Għid. Mill-ewwel bdejt bil-ħidma tiegħi, ġbart punti għat-temi u nsiġt din l-antoloġija ta’ poeżiji friski u oriġinali li jirriflettu dawn il-festi kbar kif konna nafu u għadna nagħmluhom aħna l-Maltin.

Dan il-ktieb ma ridtx li jkun biss ġabra ta’ poeżiji, imma ridt noħloq esperjenza sħiħa marbuta malħiliet u kisbiet tal-lingwa permezz ta’ tagħrif storiku, kulturali u folkloristiku. Irbatt qwiel u idjomi, riċetti, logħob, qabbel rima, flimkien ma’ termini letterarji marbuta ma’ kull poeżija. Dawn il-poeżiji mhumiex biss fuq ton serju, li jġib miegħu dan iż-żmien, imma hemm dak it-ton ferrieħi, ċajtier, nebbiexi u glorjuż. Ridt nagħġen il-folklor, id-drawwiet, it-twemmin, b’tali mod li jilħaq lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, kif ukoll nies maturi, fejn ilkoll jistgħu jimirħu f’dinja ta’ tagħrif siewi, didattiku u divertenti. Dan għandu jwassal għal esperjenza sħiħa letterarja, nostalġika, kontemporanja u eżistenzjali.

Advertisement

Dan il-ktieb jgħodd għal tfal u żgħażagħ minn 8 snin sa 13-il sena. Madanakollu għandu jolqot ukoll lill-adulti, billi huma wkoll jistgħu jġarrbu din l-esperjenza letterarja u didattika, fejn jimirħu lkoll, f’temi nostalġiċi u kurrenti li jdaħħluhom fil-burdata sabiħa tal-festi tal-Għid.

Irrid ingħid li xi wħud minn dawn il-poeżiji użajthom waqt kunċert tal-Ġimgħa Mqaddsa li sar is-sena l-oħra, liema kunċert kont mitlub nippreżenta flimkien ma’ reċitar ta’ wħud mill-poeżiji li jinstabu f’dan il-ktieb, liema poeżiji ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-organizzaturi u l-udjenza.

Nittama li bħala qarrej/ja, timraħ f’dawn il-poeżiji u toħloq dinja tiegħek li taf treġġa’ n-nostalġija fik, filwaqt li tgħix l-imgħoddi, il-preżent u tħares lejn il-ġejjieni minn lenti aktar differenti, mogħnija b’dawn in-noti minsuġa f’Doqqu Doqqu Għid Malti

This article is from: