IL-PONT Diċembru 2020

Page 29

IL-MAGNA TAR-RITRATTI - 1955 Rakkont ta’ Carmen Refalo Kif joħroġ temp sabiħ noħorġu kollha għax-xemx biex naħtfu l-mument noqogħdu għar-ritratt. Iz-ziju Ġuż kien joħdilna ħafna ritratti bil-‘kamera’ tiegħu: barra t-triq, fuq il-bejt tagħna jew fil-bitħa. Matul ix-xitwa, mhux dejjem kien ikun hemm dawl qawwi biżżejjed ħdejn il-qsari. “Ejja pa, itla’ ma,” kienet tgħid lin-nanniet iz-zija Ċett, “ħa nibagħtu xi tnejn minnhom l-Amerka, lil Filomen.” U kull meta z-ziju Ġuż kien jiġi bil-magna tar-ritratti u jsemmielna l-bejt, kif tgħajtilhom binthom kienu jitilgħu it-taraġ bil-mod il-mod, wara xulxin. Sadattant waqt li n-nannu kien ipoġġi fuq is-sodda fil-kamra tal-bejt, in-nanna kienet tersaq maġenb ilbieb tistenna b’idejha fuq żaqqha sakemm iz-ziju Ġuż isib l-aħjar post fejn iqegħedna biex ir-ritratti jiġuh ċari u sbieħ. Għandkom il-ħila taqtgħu fejn kienu ħaduli l-ewwel ritratt, fuq l-abjad u l-iswed meta kelli xi tmien xhur, wara li ħarġuni fil-bitħa kif sebaħ jum sabiħ. Fuqu jidhru n-nanna u z-zijiet jitbissmu bil-ferħ, jgħolluni ’l fuq lejn is-sema, iżommuni b’idejhom it-tnejn ma mmurx niżloqilhom. X’aktarx li z-ziju Ġużeppi kien ħadulna għax hu ma jidhirx fir-ritratt. Ikolli ngħid li ġejna tajjeb fih għalkemm jien ma ningħarafx! X’taħsbu li jidher bħala sfond warajna fil-bitħa; ilbank tal-injam mimli qsari, mgħobbijin bil-fjuri, li niftakru minn dejjem fil-bitħa taz-zijiet? Imma mhux bilfors… forsi missieri kien għad irid jaħdemulhom. Tgħid għażlu li joqogħdu ħdejn xi waħda mill-qsari bil-weraq kbar li kellhom imxerrda fuq il-knatan ma’ kull rokna; zijieti kienu ffissati kuljum iduru malweraq u l-fjuri. Imma le… xejn minn dan kollu… warajna jidher il-bieb tal-loki! Forsi ħaduh ’l hemm skont id-dawl tax-xemx; imma ngħid jien... ma setgħux stennew ħin ieħor għallewwel ritratt tiegħi! Meta kbirt u kont ngħidilhom hekk, kienu jgħiduli, “Moħħ dal-ħmerijiet kellna dak iż-żmien… ruħi binti, wara kollox bieb tal-loki u bieb tal-palazz, it-tnejn bibien huma... jekk ikollok bżonn tidħol f’wieħed ma

tidħolx fl-ieħor biex tinqeda!” Kellhom raġun iz-zijiet. F’ritratt ieħor li għadu għandi, qiegħda nippoża waħdi fit-triq, ħdejn il-bieb tagħna; kelli xi tlett snin, liebsa għall-mezzutemp, bi flokk irrigat bil-kmiem sal-minkeb u qalziet twil bis-sider b’kollox bil-qliezi wesgħin imxammrin. Kellu ċ-ċingi meħjutin fuq quddiem li jduru għal wara u jinqaflu mal-qadd. X’aktarx li kienet bagħtithomli z-zija Filomen u kont iwritthom mingħand bintha Emily. Dal-qalziet kellu żewġt ibwiet, wieħed fuq kull naħa, u nidher b’idejja imdaħħlin fihom. Tafu għaliex? Għax kif iz-ziju qalli li kien se joħodli r-ritratt, sabni għal għarrieda fl-intrata, biż-żewġ gażażi f’idi, bilġdida u bil-qadima li kienet irtabet. Dir-ratba ma ridthomx jarmuhieli; kont noqgħod inxommha, inħossha ddellek u nismagħha tfaqqa’ kull darba li ngħaffiġha bejn subgħajja. U qabel ma ħriġt ’il barra u qgħadtlu għar-ritratt, ħbejthom malajr waħda f’kull but u żammajthom sew biex ma joħorġulix. Ma ridtx nuri li kont għadni bil-gażaża... U mhux b’waħda imma saħansitra bi tnejn! Ritratt ieħor kienet ħadituli z-zija Tereż, ħdejn ilbaħar, fir-Ramla ta’ San Tumas; kelli mal-ħames snin. Dar-ritratt fuq l-iswed u l-abjad, kien imkabbar u rtukkjat bir-roża. Johnnie tar-ritratti kellu drawwa jagħżel ritratt minn jeddu, ikabbru u jżidlu ftit kuluri ’l hemm u ’l hawn; kien għad m’għandniex pellikola tal-kulur. Wara li xebgħet tfittex u tiġbor l-imħar, iz-zija Tereż għajtitli ħalli nnewlilha l-magna tar-ritratti; qaltli fejn kelli noqgħod u niżlet għarkupptejha fuq il-ħaxix niedi, safejn l-ilma kien iċċafċaf mal-blat. B’hekk ġabitni nidher twila daqslikieku kelli xi tmien snin.

29


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.