IL-PONT Diċembru 2020

Page 38

Xi wħud minn dawn il-kompożizzjonijiet bil-bajrow (mogħtija b’daqqiet enerġetiċi tal-id artistika) jagħtuna tpinġijiet bil-linka ta’ ideat astratti u oħrajn jagħtuna tpinġijiet bil-linka ta’ ideat osservazzjonali (i.e. ideat mislutin minn dak li jisma’, jara, jew josserva fil-ħajja ta’ kuljum). Daqqiet kien ipinġi suġġetti inanimati li juru oġġetti komuni sew naturali u sew magħmulin mill-bniedem. U jpinġi wkoll xeni bil-linka, kultant b’riflessjonijiet differenti. Kollox huwa mogħti b’mod interessanti viżwalment.

IT-TPINĠIJA TA’ OLIVER FRIGGIERI Kitba ta’ Charles Briffa Matul is-snin li kont ili nafu Oliver Friggieri tani xi tpinġijiet bil-linka (ink drawings) minn tiegħu – tpinġijiet li jkomplu juru l-moħħ versatili li naraw filkitba kreattiva tiegħu. Dawn it-tpinġijiet bil-linka huma forma ta’ arti li tinvolvi ħidma b’materjal konvenjenti, irħis, u li jista’ jinġarr malajr għax kulma tkun trid hija bajrow jew lapes jew pinna u biċċa karta komuni. Nimmaġinah lil Friggieri jagħmel xi doodles jew taħżiżiet bil-bajrow fil-marġins jew wara xi ċirkulari waqt xi mumenti meta suppost qiegħed attent għal xi ħaġa oħra. Eventwalment din il-ħila żviluppat fih u baqa’ jużaha wkoll f’waqtiet ta’ ħsieb ordnat. Fid-doodles hemm ħjiel ta’ xenqa għas-sempliċità u l-ispontanjetà tat-tfulija – xenqa li tevoka tifkiriet ta’ tħarbix f’dak iż-żmien tal-ħajja qabel tifel jibda jsawwar simboli li jagħmlu sens għall-adulti.

Jidher li Friggieri kien iħaddem it-tpinġija bil-linka mingħajr ma jagħti kas li jkun hemm xi skop ulterjuri, imma hemm waqtiet fihom dawn it-tpinġijiet li juru ħakma mis-surrealiżmu. Donnhom ċerti xbihat jimmanifestaw ruħhom spissi f’dawn ix-xogħlijiet u għall-ewwel wieħed jista’ jaħseb li hemm il-ħtieġa inkonxja biex il-bniedem iċedi ruħu għall-impuls spontanju: fattur li jikkontrastja bil-qawwi mal-ħsieb studjuż fil-kitba kreattiva, kritika, u ġurnalistika tiegħu – qisu hemm grad ta’ awtokontradizzjoni fih, li hu (wara kollox) uman. Imma nħoss li hemm ħsieb meditattiv (anki jekk bosta minnhom ma kinux premeditati imma forsi kienu xi sfog spontanju) li joqrob lejn il-mistiċiżmu tal-Lvant Imbiegħed (bħallBuddiżmu ta’ Żen li jinkoraġġixxi l-prattika talmeditazzjoni). Nosservaw il-moħħ u n-nixxiegħa talħsieb bla indħil u forsi tixref xi verità għolja u l-artist donnu jidher miġnun divin. Jixxukkjana b’għemil razzjonali tal-ħsieb biex forsi niddawlu b’dik il-verità għolja. Dawn it-tpinġijiet bil-bajrow jagħtu, kultant, ħjiel ta’ moħħ primittiv fis-sens Freudjan li juri li meta l-ħsieb imqajjem tagħna jittarrax il-primittiv ta’ ġo fina (fissura ta’ tifel jew ta’ selvaġġ) jassumi kontroll fuqna.

Jien ġibt xi wħud minnhom dawn it-tpinġijiet fil-ktieb tiegħi fuqu Ħsiebu Jsuqu: Oliver Friggieri Jżomm lIdea tal-Umanità (2017), p.82-112.

38


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.