U Mur Oħlom…
https://1.bp.blogspot.com/_ztdLZ7K66F8/Rcd6MhRwmeI/AAAAAAAAAz0/mu6iuz6xnho/s400/jacob'sladder.jpg Il-ħolma ta’ Ġakobb kienet mimlija tifsir, għax giet mingħand Alla.
-------------------------------------------------------------------------------------------------------------
Katya kienet bilqegħda fuq ramla ma tispiċċa qatt. Mill-bogħod, semgħet riesqin ħsejjes ta’ trakk kbir. Inħasdet. Ma setgħax ikun. Iżda tabilħaqq, il-vettura waslet ħdejha u minnha niżel in-Nannu Spir. Kien ġabilha vażett chutney milli kienet għamlet in-nanna, u qalilha li kien mar id-dar u ma sabhiex, u issapona li kien ser isibha hemm. Qamet maħsuda, l-għaraq ixoqq għaliha. Irrakuntat kollox lil ħabibitha, u din ħeggitha biex tmur għand waħda li “taf” kif tfissser il-ħolm. Din, m’għandniex xi ngħidu, żammitilha miżata ‘għax kulħadd irid jiekol’, u mlietilha moħħa b’ħafna ħsibijiet dwar il-passat, il-preżent, u l-futur tagħha, u tat spjega ta’ kull ħaġa li kien hemm fil-ħolma, u wkoll għadd ta’ affarijiet li ma kienux. Katya damet xahrejn tħammem u tinkwieta sew, fuq dak li qaltilha din it-talija. Naf x’ġara għax darba minnhom, rajtha mħassba u staqsejtha jekk kienx kollox sew. Kważi b’kumbinazzjoni, staqsejtha jekk kienetx rat il-film Contact ta’ Jodie Foster. Fetħet għajnejha beraħ, u b’rasha għamlet sinjal ta’ “iva”. F’dan il-film, l-artista kienet sabet ruħa f’bajja li fil-verita hija Huntington Beach, li qegħda f’Orange County, f’California – mili u mili ta’ ramel. Ħaġa ħaġa, sabet tifsira ordinarja flok il-ħmerijiet li kienet fasslet dik li ssejjaħ lilha nnifisha “sensittiva” – kienet insiet tisma’ Quddiesa fl-anniversarju tal-mewt tan-nannu, kienet marret tiekol barra u t-togħma tal-ikel fakkritha fiċ-churney tan-nanna, kienet għadha kif ġbet il-liċenzja tal-karozza, eċċ. Hawn min jiġġustifika it-tifsir tal-ħolm għax jgħidulek li fil-Bibbja dan sar ħafna drabi, u ħadd ma kien iqisu bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Jinsew li fil-Bibbja stess hemm twissijiet serji kontra din il-ħaġa – u pariri dwar min saħansitra jibni u jgħixu ħajtu bażata fuq il-ħolm, ikun qiegħed jitqarraq, u jiftaħ ilbibien ta’ ruħu għall-konfużżjoni, u għall-forzi tal-okkult. Għax il-futur, ħadd ma jafu, u ħadd m’għandu jkun jafu. Dak li noħolmu jiddependi fuq dak li jkun ġara matul il-jum; dak li nkunu għamilna, l-istat tas-saħħa tagħna, u anki ma’ min inkunu tkellimna, u x’kilna… u x- xewqat, il-biżgħat, u l-ħsibijiet. Kultant, il-ħsejjes ta’ madwarna jidħlu fil-ħolma wkoll. Mela kif jista’ xi hadd jażżarda jilgħab mad-dlamijiet u jinterpreta lħolm?
Insibu nixtru dizzjunarji tal-ħolm, li m’humiex għajr il-verżjoni moderna tal-manwâli li stabu fil Assyria u Babylonia - u naraw kemm huma fiergħa, meta nifhmu kif f’pajjiż, oggett jew azzjoni jfisser mod, u f’pajjiż ieħor, ifisser l-oppost (bħal ngħidu aħna, min iqis qattus iswer bħala xorti ħażina, u min iqisu b’xorti tajba). Li temmen fil-ħolm hu dnub ta’ superstizzjoni. Aħna la aħna Ġakobb, li ra l-anġli tielgħin u nieżlin taraġ wieqaf, u anqas aħna l-Farawni, li kellu bżonn lil Ġużeppi biex jispjegalu x’kienu jfissru lgħoġġiela u l-qamħ. Naraw każi fejn il-ħolm ikollu l-għerq sopranaturali, bħal ma naraw fil-Bibbja, fil-ħajjiet tal-qaddisin, meta Alla uża meżżi mhux tas-soltu. Iżda hawn, min ħolom kellu min jgħinu juża d-dixxerniment biex jintebaħ b’dan.