#27
2 ta' Diċembru 2023
“Naħseb li l-miri tal-Budget jidhru li huma realistici” p4 | Niffaċċilitaw it-tranzizzjoni ekologika bit-tisħieħ fil-ħiliet p8
L-EKONOMIJA LI TKOMPLI TIKBER
Nota mill-Edituri
Omar Vella
Nirayl Grech
L
-aġenzija tar-ratings internazzjonali, Moody’s riċentament ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala A2, waqt li sostniet li dan ir-rating għandu outlook stabbli. L-esperti tal-Moody’s sostnew li pajjiżna huwa “an economy that is dynamic, wealthy and diversified”. Fil-fatt pajjiżna dejjem jiġi fuq ta’ quddiem fejn tidħol rata ta’ tkabbir ekonomiku. Ċertifikat importanti u inkoraġġanti li għandna narawh bħala punt ta’ fejn irridu naslu imma bħala punt ta’ tluq għal dak li għandha tkun l-ekonomija ta’ pajjiżna illum u wisq aktar għada. L-ekonomija ta’ pajjiżna, dibattitu li qanqal opinjonijiet differenti fuq il-pass li jmiss. Dibattitu bejn dawk li qed jinsistu fuq il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid u dawk li jħoss li għandna nibnu fuq dak li ksibna. Dak li fforma s-sinsla ekonomika Maltija u fuqu niddiversifikaw, nirrigeneraw. Irrispettivament liema ħsieb ekonomiku wiehed għandu, żgur naqblu li s-sissien ekonomiċi ta’ pajjiżna b’sahhithom. Premessa li fuqha żgur wieħed jifhem x’għandu jkun il-pass li jmiss. Pass li fuqu pajjiżna jisfrutta l-kapaċitajiet tal-kapital uman lokali, li jisfrutta il-vantaġġ ġeostrategiku lokali, li jisfrutta l-vantaġġ ta’ pajjiż żgħir imma dinamiku u progressiv. Pass li jmiss li jisħaq li l-ekonomija Maltija taħseb barra mill-kaxxa u jekk hemm bżonn mingħajr il-kaxxa. Pass li jmiss li ma jitlobx li nirrinventaw ir-rota imma li nadattaw għal dak li qed jiġri madwarna, għal dak li jridu s-swieq ta' madwarna, għal dak li s-suq internazzjonali jrid. Xejn ikkumplikat. Pass li Malta tul l-storja glorjuza tagħha dejjem uriet li kapaċi tadatta, kapaċi tisfrutta, kapaċi teċċella. Imma biex dan jintlaħaq, l-prijoritá għandha tkun il-kapital uman. Sfida li pajjiżna jrid jindirizza b’mod aqli u deċiż. Pass inevitabbli speċjalment meta wieħed jiftakar li l-kapital uman huwa r-riżorsa primarja ta pajjiżna.