4 minute read

Preparat għall-Milied daqs din il-qarrejja?

Irċivejna din l-ittra mingħand qarrej tal-GWIDA. Din il-persuna xtaqet tibqa’ anonima imma qaltilna li nistgħu nippubblikaw l-ittra tagħha. Jekk int tħoss li qed tirrelata ma’ din l-ittra tista’ tgħoddha li qed tibgħatha għalik.

Għażiż editur,

Advertisement

Ir-raġel dejjem jixtrili affarijiet bla sens għall-Milied. L-aħħar darba xtrali sett xemgħat tal-kannella, ifuħu ma ngħidlekx imma jien tqallagħni l-kannella u lanqas biss inkun irrid inxommha. Ta’ qabel, Sur Editur, tani vażun; vażun kbir aħdar bl-abjad mentri l-kċina tagħna kollha fuq il-kannella u l-ħitan miżbugħin blu. X’ser nagħmel bih? Niftakar fl-ewwel Milied li konna flimkien kien tani papoċċ tas-sodda tal-Juventus. Ħsibtu qed jiċċajta imma rajtu baqa’ serju! Vera ffissata fuq il-Juventus imma mhux ser inwaqqa’ t-tim tiegħi għaż-żufjett billi nilbishom f’saqajja. Ħallejtu hemm mal-kollezzjoni.

Din is-sena nagħlqu għaxar snin miżżewġin u dan ilMilied ser ikun speċjali għalina t-tnejn. Kellna sena bħal għax it-tnejn kellna t-tlajja’ u l-inżul, għalhekk nixtieq li r-rigal ta’ din is-sena jkun wieħed speċjali. Qed niktiblek x’nixtieq f’din l-ittra forsi tippubblikaha fil-GWIDA. IlGWIDA jaqraha kull xahar. Ħa ngħidlek ħa qatgħa meta waqfet għal ftit xhur għax ma baqa’ jaqrali xejn imma issa ħa r-ruħ għax qed jaqra xi ħaġa li jħobb! Allura naf li din l-ittra b’xi mod ser tasallu!

L-aktar ħaġa li nixtieq: weekend break

Għajjejt b’dil-pandemija, nixtieq break. Nixtieq li nqatta’ ftit ħin mar-raġel. Xi mkien hekk sabiħ ġo xi lukanda lussuża. Inqum filgħodu bil-breakfast in bed; croissants taċ-ċikkulata, te kark bi tnejn zokkor kif inħobbu jien, imbagħad żewġ slices ħobż tal-Franċiż! Diġà qed nimmaġinani rilassata f’banju jaħraq mimli ragħwa u r-raġel maġenbi b’xi tazza xampanja f’idejna. Iva weekend break sabiħ, xi mkien fejn għandu l-jacuzzi ħa jħolli naqra r-rukelli ta’ dahri waqt li ngħidu kelmtejn flimkien. Bilpandemija iktar qed ikunu siguri l-lukandi tafx! L-aħħar darba ħabibti qaltli li għall-kolazzjon jiġu jeħdulek l-ordni u tgħidilhom xi trid. Qisu buffet imma jġibulek huma! Xi trid aktar! Inħossni qisni reġina, għal darba minflok qed insefter jien qed jiġi jaqdini xi ħadd. Imbagħad xi ngħidu għall-ispa. Immur nagħmel xi head massage, kemm għandi bżonn Sur Editur! Rasi daż-żmien ma niflaħhiex

kulħadd iebsa, kemm minħabba l-pandemija u kemm bil-ġenn, u għandi daqsxejn ta’ migraine żgħira; head massage jkun perfett! Kemm nirrilassa.

Malta, Għawdex kullimkien sabiħ! Għawdex biex ngħidlek jogħġobni aktar għax inkun qisni sifirt. Dik il-ħaġa li taqbad il-vapur inħossni qed naqta’ ta’ veru u nintefa’ fi gżira li kulma taf tlissen hu kwiet. Għawdex, il-gżira li fiha ltqajt mar-raġel; hemm sibtu qiegħed fil-Grotta Sur Editur! Kien ħelu jiżfen u mbagħad ġie u bdejna nitkellmu flimkien. X’ma nħobbux lil Għawdex jien. Hemm ħafna lukandi hemm bil-veduta ta! Mhux li kien xħin niftaħ it-tieqa filgħodu naraw il-veduta taċĊittadella jew ta’ ġnien mimli ħdura. Ħa ngħidlek issa qed nitwebbel!

Ħaġa oħra li nixtieq

Imbagħad la nkunu fiż-żifna nixtieq immur niekol barra. Taf int niġi servuta ġol-aqwa restoranti li għandna fil-pajjiż. Inħobb l-ikel kollu; Ċiniż, Indjan, Amerikan, Taljan... L-aktar Taljan; dawk il-platti sbieħ bl-għaġin, dik il-pizza Napolitana... kemm jinżlu għasel! Kemm ilna bil-pandemija ħriġna ftit meta tawna l-vawċers, imma issa reġa’ beda jaħdem ħafna r-raġel u bilkemm għandna ċans nitkellmu ftit. Jiġi mix-xogħol, nieklu, naraw x’hemm fuq il-GWIDA ħalli nara filgħaxija, naraw it-televixin u norqdu. Kuljum praċett jiġri hekk! Ġo restorant mhux ser innefqu ħafna; ikla romantika bixxemgħat u b’xi bukkun tajjeb.

Din żgur jirbaħ il-points!

Ħa ngħidlek rajt film, fejn ir-raġel ħa siegħa leave mixxogħol, mar xtara l-ingredjenti u sajjar lill-mara ikla bnina! Mhux li kien jaħasra r-raġel jagħmilli hekk, kemm inwerżaq! Kieku ta’ ħdejna toħroġ tittawwal biex tara x’ġara! Kulma jrid jixtrili ftit petali tar-roses, xemgħa (mhux tal-kannella!!), jagħmilli xi appetiser (imqar bruxketta) u jsajjar l-ikla. Jew minflok isajjar għax ir-raġel tiegħi ma tantx jinqala’ jċempel u jordna tak- away. Imbagħad minn ġol-friġġ joħroġ il-kejk favorit tiegħi; xi cassatella siciliana! Jista’ ma jagħmilhiex hu ta, jordna minn xi confectionery. Hekk serata tal-ħolm.

Inżejnu flimkien!

Aħna Sur Editur, għandna dar kbira. Kienet ħalliethielna ommi, Alla jaħfrilha u fil-Milied inħobb inżejjen kullimkien! Kullimkien fhimt? Anke fit-toilet ikun hemm id-dekorazzjonijiet. Trid tara sħabna meta jiġu d-dar tagħna, x’jagħmlu! Kulħadd jieħu r-ritratti! Darba fuq it-televixin ġabu d-dar tiegħi għax kienu qalu li qatt ma raw bħalha. Nixtieq li r-raġel jgħinni ftit inżejjen.

Din is-sena għall-għaxar snin anniversarju, nixtieq li nixtri siġra tal-Milied ġdida. Minn dawk tal-LEDs li mhux trid tħabbel rasek jekk is-sett tad-dawl hux ser jaħdem jew le! Nixtieq waħda kbira, bajda silġ li nkun nista’ nagħmillha l-baubles jien. Tiżjin mingħajr presepju mhu xejn! Nixtieq li din is-sena nixtri presepju ġdid u nagħmlu fl-intrata; m’għandniex wieħed hemm. Għandi wieħed f’kull kamra ta! Imma hemm nixtieq wieħed ftit kabbari li jdawwalli d-dar u jagħti sens ta’ merħba lill-mistednin. Forsi ma tafx kif nikkonvinċi lir-raġel jixtrihuli u din is-sena nżejnu flimkien!

Ma naħsibx li nixtieq ħafna affarijiet Sur Editur. Tgħid ir-raġel jagħmilli xi waħda minn dawn? Ngħidlek ta jien... Nibgħatlek!

Grazzi.

Awguri Sinjura f’isem GWIDA li dal-Milied ikun kif tixtieq qalbek. Jekk inti r-raġel tagħha qalleb ftit il-GWIDA; sibnielek erba’ kuntatti tajbin għalik!

Jekk għandkom xi ittra għall-editur fuq kwalunkwe suġġett ibagħtuha fl-indirizz tas-soltu.

This article is from: