Editorjal
PREPARAT GĦALL-MILIED DAQS DIN IL-QARREJJA?
Irċivejna din l-ittra mingħand qarrej tal-GWIDA. Din il-persuna xtaqet tibqa’ anonima imma qaltilna li nistgħu nippubblikaw l-ittra tagħha. Jekk int tħoss li qed tirrelata ma’ din l-ittra tista’ tgħoddha li qed tibgħatha għalik. Għażiż editur, Ir-raġel dejjem jixtrili affarijiet bla sens għall-Milied. L-aħħar darba xtrali sett xemgħat tal-kannella, ifuħu ma ngħidlekx imma jien tqallagħni l-kannella u lanqas biss inkun irrid inxommha. Ta’ qabel, Sur Editur, tani vażun; vażun kbir aħdar bl-abjad mentri l-kċina tagħna kollha fuq il-kannella u l-ħitan miżbugħin blu. X’ser nagħmel bih? Niftakar fl-ewwel Milied li konna flimkien kien tani papoċċ tas-sodda tal-Juventus. Ħsibtu qed jiċċajta imma rajtu baqa’ serju! Vera ffissata fuq il-Juventus imma mhux ser inwaqqa’ t-tim tiegħi għaż-żufjett billi nilbishom f’saqajja. Ħallejtu hemm mal-kollezzjoni. Din is-sena nagħlqu għaxar snin miżżewġin u dan ilMilied ser ikun speċjali għalina t-tnejn. Kellna sena bħal kulħadd iebsa, kemm minħabba l-pandemija u kemm għax it-tnejn kellna t-tlajja’ u l-inżul, għalhekk nixtieq li r-rigal ta’ din is-sena jkun wieħed speċjali. Qed niktiblek x’nixtieq f’din l-ittra forsi tippubblikaha fil-GWIDA. IlGWIDA jaqraha kull xahar. Ħa ngħidlek ħa qatgħa meta waqfet għal ftit xhur għax ma baqa’ jaqrali xejn imma issa ħa r-ruħ għax qed jaqra xi ħaġa li jħobb! Allura naf li din l-ittra b’xi mod ser tasallu! L-aktar ħaġa li nixtieq: weekend break Għajjejt b’dil-pandemija, nixtieq break. Nixtieq li nqatta’ ftit ħin mar-raġel. Xi mkien hekk sabiħ ġo xi lukanda
lussuża. Inqum filgħodu bil-breakfast in bed; croissants taċ-ċikkulata, te kark bi tnejn zokkor kif inħobbu jien, imbagħad żewġ slices ħobż tal-Franċiż! Diġà qed nimmaġinani rilassata f’banju jaħraq mimli ragħwa u r-raġel maġenbi b’xi tazza xampanja f’idejna. Iva weekend break sabiħ, xi mkien fejn għandu l-jacuzzi ħa jħolli naqra r-rukelli ta’ dahri waqt li ngħidu kelmtejn flimkien. Bilpandemija iktar qed ikunu siguri l-lukandi tafx! L-aħħar darba ħabibti qaltli li għall-kolazzjon jiġu jeħdulek l-ordni u tgħidilhom xi trid. Qisu buffet imma jġibulek huma! Xi trid aktar! Inħossni qisni reġina, għal darba minflok qed insefter jien qed jiġi jaqdini xi ħadd. Imbagħad xi ngħidu għall-ispa. Immur nagħmel xi head massage, kemm għandi bżonn Sur Editur! Rasi daż-żmien ma niflaħhiex bil-ġenn, u għandi daqsxejn ta’ migraine żgħira; head massage jkun perfett! Kemm nirrilassa. Malta, Għawdex kullimkien sabiħ! Għawdex biex ngħidlek jogħġobni aktar għax inkun qisni sifirt. Dik il-ħaġa li taqbad il-vapur inħossni qed naqta’ ta’ veru u nintefa’ fi gżira li kulma taf tlissen hu kwiet. Għawdex, il-gżira li fiha ltqajt mar-raġel; hemm sibtu qiegħed fil-Grotta Sur Editur! Kien ħelu jiżfen u mbagħad ġie u bdejna nitkellmu flimkien. X’ma nħobbux lil Għawdex jien. Hemm ħafna lukandi hemm bil-veduta ta! Mhux li kien xħin niftaħ it-tieqa filgħodu naraw il-veduta taċĊittadella jew ta’ ġnien mimli ħdura. Ħa ngħidlek issa qed nitwebbel! GWIDA Novembru 2020 49