5 minute read

Artiklu minn Missio Malta

L-EBDA TIFLA MHI MHUX MIXTIEQA

Addattament Claudia Cini

Advertisement

Rosi Gollmann twieldet matul it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Ġermanja, fi żmien li l-Ġermanja kienet titmexxa minNażisti. Minħabba f’hekk, Rosi sofriet mhux biss mit-tbatija u d-diskriminazzjoni li ġġib magħha l-gwerra, iżda wkoll mit-terrur tan-Nażisti. Meta kellha biss tmintax-il sena, iddeċidiet li tiddedika ħajjitha biex tgħin lill-foqra u lil dawk kollha li jkollhom bżonn daqqa t’id sabiex jimxu ’l quddiem.

Rosi hija l-fundatriċi tal-organizzazzjoni ‘Andheri-Hilfe’. Din l-organizzazzjoni topera kemm fl-Indja kif ukoll fil-Bangladexx. Għal dawn l-aħħar ħamsin sena din l-organizzazzjoni mexxiet ’il fuq minn tlett elef proġett flimkien ma’ entitajiet lokali fil-pajjiż. Permezz ta’ dawn il-proġetti, aktar minn għaxar miljun persuna ngħataw l-opportunità sabiex ikollhom futur aħjar. Fost dawn ilpersuni nsibu ħamsin elf tifel u tifla li ġew meħlusa minn fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, fejn kienu jiġu ttrattati ħażin u sfruttati. Dawn it-tfal ingħataw l-opportunità għal edukazzjoni xierqa bħal tfal oħra. Eluf ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali ngħataw ukoll l-għajnuna u t-taħriġ bżonnjuż sabiex ikollhom futur aħjar. Rosi, flimkien ma’ Andheri-Hilfe, jgħinu wkoll lil dawk li huma morda bl-HIV/AIDS u lill-familji tagħhom, filwaqt li jaħdmu bis-sħiħ kontra tradizzjoni antika fejn il-bniet huma sfurzati jbigħu ġisimhom għassess. Fil-Bangladexx, Rosi, Andheri-Hilfe u ħaddiema lokali, permezz ta’ bosta ħidmiet u b’dedikazzjoni kbira, irnexxielhom jagħtu lura l-vista ’l fuq minn miljun persuna li kellhom problemi bil-vista t’għajnejhom. Huma jwettqu wkoll xogħol preventiv sabiex inaqqsu r-riskju li aktar tfal jispiċċaw għomja.

Barra minn hekk, permezz tal-kampanja ‘No Girl Is Unwanted’, tnax-il elf tifla Indjana ngħataw id-dritt tal-ħajja. Dan għaliex permezz ta’ din il-kampanja, dawn it-trabi bniet ġew salvati minflok maqtula mat-twelid. Ta’ min isemmi wkoll li x-xogħol kontinwu ta’ Rosi wassal sabiex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal bniet u sabiex jispiċċa darba għal dejjem iż-żwieġ bejn tfajliet taħt l-età u rġiel adulti. Bħalissa Rosi u l-organizzazzjoni Andheri-Hilfe għandhom għaddejjin ’il fuq minn mija u ħamsin proġett fl-Indja u fil-Bangladexx. Fl-Indja biss, bħalissa qed jiġu megħjuna ’l fuq minn seba’ mitt elf persuna. Flimkien ma’ xi entitajiet lokali huma qed jagħtu s-sapport xieraq lit-tfal, mhux biss sabiex jgħixu ħajja aħjar, imma wkoll sabiex ikollhom l-opportunità għalledukazzjoni.

Fl-2017, Gollmann kienet onorata bil-premju ‘World’s Children’s Prize’ għall-ħidma tagħha ta’ ’l fuq minn ħamsin sena favur il-foqra u t-tfal vulnerabbli kemm fl-Indja kif ukoll fil-Bangladexx.

JŻUR L-IRAQ F’NOFS PANDEMIJA!

Buckle Up jirritorna kull nhar ta’ Ħadd

Minn nhar il-Ħadd 4 ta’ April se tibda tixxandar it-tieni edizzjoni tal-programm Buckle Up fuq TVM. Dan huwa programm dwar l-ivjaġġar li ser jieħu lit-telespettaturi f’diversi postijiet interessanti madwar id-dinja. II-pandemija tal-Covid 19 ma qatgħetx qalb il-produtturi li komplew bil-ħidma ta’ dan il-programm. Din is-sena l-programm se jkollu format daqsxejn differenti mill-ewwel staġun. Buckle Up se joffri varjetà interessanti fejn ser inżuru destinazzjonijiet magħrufa kif ukoll oħrajn uniċi li forsi għalkemm nafu bihom ma tantx inżuruhom. Waħda minn dawn id-destinazzjonijiet hija l-Iraq; destinazzjoni li se niskopru aktar dwarha fl-ewwel programm ta’ Buckle Up. Iltqajna ma’ Fernando Mercieca wieħed mill-imħuħ kif ukoll il-preżentatur ta’ dan il-programm sabiex niddiskutu dwar din id-destinazzjoni.

Għalfejn għażiltu l-Iraq bħala waħda middestinazzjonijiet?

Ikolli nammetti li ilni għal dawn l-aħħar snin li tfajt għajnejja fuq din id-destinazzjoni. Dan il-pajjiż ta’ spiss nisimgħu dwaru fuq l-aħbarijiet u normalment dak li nisimgħu jkun negattiv. Ovvjament, m’iniex ngħid li r-realtà f’dan il-pajjiż hija għalkollox differenti, iżda wara li qrajt diversi kotba u artikli ddeċidejt li nieħu riskju u nżur dan il-pajjiż. Għalkemm mhux l-Iraq kollu huwa sigur sabiex wieħed iżuru, skoprejt li r-reġjun tal-Kurdi fih ċerta sigurtà u huwa post li wieħed għandu jżur.

Liema parti minn dan il-vjaġġ hija l-aktar għal qalbek?

Żorna post bl-isem ta’ Lalish. Dan huwa post sagru għarreliġjon tal-Yasiti. Din ir-reliġjon smajna biha ftit tas-snin ilu wara li l-grupp terroristiku ISIS kien jippersegwitha. Fil-post tħoss serenità kbira, in-nies jilqgħuk u tħoss ċertu paċi interna li ftit postijiet joffru.

Ħassejt biża’ meta kont l-Iraq?

Ovvjament meta tkun l-Iraq, tkun l-Iraq! Kont inkwetat ħafna l-ġimgħa ta’ qabel li morna f’dan il-pajjiż, għaliex irriżenja l-President tal-Iraq u din is-sitwazzjoni ħolqot

instabbiltà kbira. Però kont sorpriż bis-sistema tassigurtà li hemm fil-post. Fuq l-ajruplan ikun hemm tliet membri tas-sigurtà. Kif wasalna Erbil, l-ajruport kien maqsum f’ żewġ terminals. Fit-terminal li wasalna fih, il-passiġġieri li jkunu se jsiefru jew jaslu biss huma permessi. Ftit wara, qbadna mezz tat-trasport li dam madwar 10 minuti biex ħadna fit-terminal fejn ikunu qed jistennew il-qraba u l-gwidi. Post ’il barra mill-ajruport sew. Infatti minn dan il-post lanqas tara r-runway jew xi ajruplan.

Fejn kont qed tgħix u xi tgħidilna dwar in-nies tal-lokal?

Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà konna qed noqogħdu ġewwa lukandi. Għalkemm ir-reġjun tal-Kurdi huwa wieħed sigur, meta kkumparat mal-kumplament tal-Iraq, f’din il-parti tal-pajjiż importanti ħafna li toqgħod ġo lukanda.

In-nies tal-lokal kienu vera ta’ għajnuna u ħassejtni milqugħ ħafna. Għadni niftakar meta wasalna l-ajruport, kien hemm uffiċjal li kif ra l-passaport tagħna, beda jistaqsi minn fejn ġejjin u beda jistaqsina aktar dwar Malta. Qalilna li qatt ma ra passaport Malti. Imbagħad tana struzzjonijiet f’liema kju għandna mmorru u biex inkun onest, kienet sistema li ma tantx ħadet ħin. Matul iż-żjara tiegħi f’dan il-pajjiż, indunajt li ma tantx imorru turisti f’din il-parti tad-dinja u allura n-nies tal-lokal japprezzaw ħafna meta jaraw turist.

X’tip ta’ preparamenti kellkom bżonn?

Waħda mill-affarijiet diffiċli fil-proċess tkun dejjem il-permessi. Iżda nistqarr li dan il-proċess f’dan il-pajjiż, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fil-Lvant tad-dinja, kien pjuttost faċli. Barra minn hekk, passaporti Ewropej m’għandhomx bżonn visa jekk se jżuru r-reġjun sa 15-il ġurnata.

Minbarra l-Iraq, liema destinazzjonijiet se żżuru matul dan l-istaġun?

Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 kellna nbidlu daqsxejn il-format tal-programm. Fl-ewwel parti se niskopru aktar dwar id-destinazzjonijiet li konna lħaqna żorna; l-Iraq, l-Eġittu, l-Iżvezja u Sqallija, filwaqt li matul it-tieni parti tal-programm se nkunu qed niltaqgħu ma’ diversi nies differenti li siefru f’destinazzjonijiet uniċi u se niskopru aktar dwar l-avventuri u l-esperjenzi millenti tagħhom.

This article is from: