Editorjal
L-EBDA TIFLA MHI MHUX MIXTIEQA
Addattament Claudia Cini
Rosi Gollmann twieldet matul it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Ġermanja, fi żmien li l-Ġermanja kienet titmexxa minNażisti. Minħabba f’hekk, Rosi sofriet mhux biss mit-tbatija u d-diskriminazzjoni li ġġib magħha l-gwerra, iżda wkoll mit-terrur tan-Nażisti. Meta kellha biss tmintax-il sena, iddeċidiet li tiddedika ħajjitha biex tgħin lill-foqra u lil dawk kollha li jkollhom bżonn daqqa t’id sabiex jimxu ’l quddiem. Rosi hija l-fundatriċi tal-organizzazzjoni ‘Andheri-Hilfe’. Din l-organizzazzjoni topera kemm fl-Indja kif ukoll fil-Bangladexx. Għal dawn l-aħħar ħamsin sena din l-organizzazzjoni mexxiet ’il fuq minn tlett elef proġett flimkien ma’ entitajiet lokali fil-pajjiż. Permezz ta’ dawn il-proġetti, aktar minn għaxar miljun persuna ngħataw l-opportunità sabiex ikollhom futur aħjar. Fost dawn ilpersuni nsibu ħamsin elf tifel u tifla li ġew meħlusa minn fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, fejn kienu jiġu ttrattati ħażin u sfruttati. Dawn it-tfal ingħataw l-opportunità għal edukazzjoni xierqa bħal tfal oħra. Eluf ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali ngħataw ukoll l-għajnuna u t-taħriġ bżonnjuż sabiex ikollhom futur aħjar. Rosi, flimkien ma’ Andheri-Hilfe, jgħinu wkoll lil dawk li huma morda bl-HIV/AIDS u lill-familji tagħhom, filwaqt li jaħdmu bis-sħiħ kontra tradizzjoni antika fejn il-bniet huma sfurzati jbigħu ġisimhom għassess. Fil-Bangladexx, Rosi, Andheri-Hilfe u ħaddiema
44 GWIDA April 2021
lokali, permezz ta’ bosta ħidmiet u b’dedikazzjoni kbira, irnexxielhom jagħtu lura l-vista ’l fuq minn miljun persuna li kellhom problemi bil-vista t’għajnejhom. Huma jwettqu wkoll xogħol preventiv sabiex inaqqsu r-riskju li aktar tfal jispiċċaw għomja. Barra minn hekk, permezz tal-kampanja ‘No Girl Is Unwanted’, tnax-il elf tifla Indjana ngħataw id-dritt tal-ħajja. Dan għaliex permezz ta’ din il-kampanja, dawn it-trabi bniet ġew salvati minflok maqtula mat-twelid. Ta’ min isemmi wkoll li x-xogħol kontinwu ta’ Rosi wassal sabiex jissaħħu d-drittijiet tat-tfal bniet u sabiex jispiċċa darba għal dejjem iż-żwieġ bejn tfajliet taħt l-età u rġiel adulti. Bħalissa Rosi u l-organizzazzjoni Andheri-Hilfe għandhom għaddejjin ’il fuq minn mija u ħamsin proġett fl-Indja u fil-Bangladexx. Fl-Indja biss, bħalissa qed jiġu megħjuna ’l fuq minn seba’ mitt elf persuna. Flimkien ma’ xi entitajiet lokali huma qed jagħtu s-sapport xieraq lit-tfal, mhux biss sabiex jgħixu ħajja aħjar, imma wkoll sabiex ikollhom l-opportunità għalledukazzjoni. Fl-2017, Gollmann kienet onorata bil-premju ‘World’s Children’s Prize’ għall-ħidma tagħha ta’ ’l fuq minn ħamsin sena favur il-foqra u t-tfal vulnerabbli kemm fl-Indja kif ukoll fil-Bangladexx.