14 minute read
Intervista ma’ Valentina u Carlo – koppja popolari li suppost kellha tiżżewweġ dan ix-xahar iżda għamlu xi ħaġa oħra flok
from GWIDA July 2021
Ritratti: Matthew Cutajar – iCam Photography
VALENTINA U CARLO
Advertisement
Iħassru t-tieġ iżda jħażżu ġennata ikbar!
Lulju kien ser ikun ix-xahar fejn il-koppja popolari Valentina Rossi u Carlo Gerada jingħaqdu flimkien fiż-żwieġ. Valentina u Carlo ilhom flimkien 8 snin, u 3 snin ilu ddeċidew li jagħmlu l-pass li jiżżewġu. Carlo qalilna, “Aħna konna beħsiebna nagħmlu t-tieġ fl-2020 oriġinarjament, iżda rajna li kien hemm wisq tiġien f’dik is-sena u mexxejnieh b’sena!”. Din id-deċiżjoni ma tantx switilhom tajjeb, minħabba l-imbierka pandemija! Ovvjament l-għarajjes li ma żżewġux fis-sena 2020, ċaqilqu t-tieġ tagħhom b’sena, iżda mhux din kienet ir-raġuni għala tħassar it-tieġ ta’ din il-koppja.
“Aħna qatt ma xtaqna li jkollna tieġ fejn kulħadd ikun bilqiegħda, kulħadd imdawwar ma’ mejda. Attendejna ħafna tiġijiet hekk ta’ sħabna u ħadna ħafna pjaċir, imma tagħna nixtiequ li jkun differenti. Mimli ħajja u żfin! Għalhekk din is-sena żgur ma kinitx ser tkun possibbli, kemm minħabba l-miżuri tal-Covid-19 u anke għax għadu kmieni wisq biex isiru attivitajiet ta’ dan it-tip,” tgħidilna Valentina.
Kien għalhekk li fit-18 ta' Novembru tal-2020, Carlo u Valentina ħabbru li t-tieġ tagħhom mexa b'sena oħra! Sintendi ħafna mill-ħbieb tal-koppja fehmu s-sitwazzjoni, u xi ħadd partikolari donnu ħa r-ruħ li għalissa t-tieġ ġie pospost...
“Ommi hi drama queen mill-kbar! Ommi persuna li tħobb tkun organizzata f’kollox, sal-inqas ħaġa jkollha miktub fid-djarju tagħha. Dan it-tieġ kienet iffissat fuqu u kienet qed titfa’ ħafna input, sakemm ġie t-tieġ tagħha u dan warrbitu filġenb. Iżda xħin għadda tagħha malajr reġgħet fetħet il-ktieb u bdiet tara li kulħadd jaf x’ser jagħmel!” tgħid Valentina.
“Sue l-kunjata, mara tal-ġenn! Tqabbad lil kulħadd irwoli differenti biex tara li ma jonqos xejn, avolja għad baqa’, tkun trid l-affarijiet puntwali u lesti!” jistqarr Carlo. Carlo jgħidilna li avolja Sue għandha karattru ftit eċċentriku, iħossu xxurtjat li ltaqa’ magħha u li hi l-kunjata tiegħu. Biss fuq waħda biss jikkritikaha; l-ikel! Apparentament Sue ma tafx issajjar u kull darba li ġġib xi torta biex jikluha, ejja
ngħidu li ma tkunx l-aqwa ikla! Min-naħa l-oħra meta Valentina u Carlo jistidnuha d-dar tagħhom għallikel, din iġġib packed lunch magħha għax ma tantx tħobb affarijiet! “Sopop u affarijiet żgħar tiekol, ħafna mid-drabi ġġib l-ikel tagħha hi u aħna kemm inġibulha platt!” tgħid Valentina.
Imma x’ser jiġri f’dan l-imbierek tieġ? Kemm Valentina u Carlo żammew ħalqhom magħluq u ma riedu jikxfu xejn. “Ser ikun tieġ mhux normali u bombastiku. Ħafna koppji jkun jixirqilhom tieġ tradizzjonali fejn ikun hemm kollox ordnat u allaħares titkellem. Imma lilna ma jixirqilniex hekk. Nixtiequ tieġ fejn toħroġ l-identità tagħna, in-nies li nistiednu jsiru jafuna ħafna,” tiżvela Valentina. Carlo qalilna biss li l-kejk ser ikun xi ħaġa speċjali u li mhux imdorrijin naraw. “Il-kejk jekk isir kif nixtiequ, ser ikun xi ħaġa sabiħa fit-tieġ!” – Carlo
S’issa nafu li fit-tieġ il-page boy ser ikun Julian, it-tifel ta’ JD Patrick u Stephanie, filwaqt li wieħed mill‘bridesmaids’ ser ikun Matt il-Muxu, kantant u awtur ta’ bosta kanzunetti. Għat-tieġ għandhom ħafna millaffarijiet lesti u bbukkjati, u għalhekk għalissa jistgħu jiffukaw fuq ir-relazzjoni tagħhom u x-xogħol! Iżda malajr ivvintaw xi ħaġa ġdida!
Tista’ dduq l-ikel ta’ Valentina u Carlo!
“Peress li fil-Covid spiċċajna d-dar, it-tnejn li aħna flimkien, qattajna ħafna ħin nesperimentaw bl-ikel! Spiċċajt jien nixtri l-laħam u nagħmlu kapuljat għal mal-burgers. Bdejna nagħmlu kull tip ta’ burger tajjeb. Bdejna nistiednu lill-ħbieb tagħna meta l-miżuri kienu jippermettu u dawn il-burgers spiċċaw intgħoġbu ferm,” jgħid Carlo.
“Għamilna riċerka fuq il-buns tal-burgers u komplejna nirfinaw, dak iż-żmien ukoll iltqajna ma’ ħabib tagħna li kellu x-xewqa jiftaħ ħanut. Għall-bidu l-idea kien li nagħmlu l-burgers fil-menù, imbagħad spiċċajna biex xtrajna l-ħanut u ftaħna ristorant!” tgħid Valentina.
Carlo, Valentina u l-ħabib tagħhom qed imexxu ristorant li jispeċjalizza fil-burgers. Valentina tgħidilna li kull burger li għandhom fil-menù, ġiet approvat minnhom wara li t-tnejn li huma daquh. Qattgħu ħafna ħin jaraw u jirriċerkaw fuq burgers biex joħorġu t-togħmiet li jixtiequ huma. Jidher li rnexxielhom għax bosta kienu dawk li pruvaw dawn il-burgers. “Millburgers fil-kċina tagħna għal għand in-nies,” jgħidilna b’daħka Carlo. It-tnejn jistqarru li din kienet waħda mill-iżjed ġennati li għamlu u xħin qalu lil tad-dar, kulħadd baqa’ mistagħġeb għall-fatt li dawn it-tnejn huma impenjati ħafna bix-xogħol tagħhom.
“Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lill-istabbilimenti li għenuna nagħmlu dan il-pass. Tiskanta li minkejja li “kompetizzjoni”, issib ħafna għajnuna. Din li għamlet il-pandemija; li negozji bħal tagħna ngħaqqadna flimkien għax wara kollox kulħadd ġie affettwat,” jgħid Carlo. Staqsejna lil Valentina jekk tiħux pjaċir
tagħmel reklami ta’ stabbilimenti oħrajn, “Għaliex le? Din mhux kompetizzjoni imma daqqa għandek aptit burger mod, u daqqa għandek aptit xi ħaġa oħra. Aħna mmorru nieklu f’ħafna ristoranti u żgur li mhux ser nieqfu nagħmlu dan issa li għandna l-ħanut tagħna. Għalija li tissapportja l-affarijiet lokali hija neċessarja għax din il-pandemija affettwat u kissret lil kulħadd,” tistqarr Valentina.
Din il-koppja hija magħrufa għall-ikel stramb u jaħraq li tipprova. Tgħid ser naraw xi ħaġa ta’ dan it-tip fil-menù? “Min jaf! Li nafu hu li mhux ser inkunu avventurużi bħalma nagħmlu bl-insetti għax żgur ma jiħdux impressjoni tajba tagħna. Imma aktar ’il quddiem forsi nagħmlu ftit affarijiet differenti. Għadna fil-bidu ta’ dan il-proġett u jonqosna ħafna x’nesperimentaw u xi nbiddlu!” qalet Valentina.
B’hekk minflok qagħdu d-dar jaħlu l-ħin, dawn it-tnejn użaw il-ħin tagħhom biex joħolqu xi ħaġa li verament tgħaqqadhom u li jieħdu pjaċir! “Issa ilna madwar sena u nofs noqogħdu fil-post tagħna tal-Mosta; dejjem xtaqna li jkollna post tagħna. L-isbaħ ħaġa kienet li m’għamilniex kollox f’daqqa fil-post, imma ħallejna proġetti żgħar għal matul iż-żmien. Għamilna kollox flimkien u kif xtaqna aħna. Carlo midd idejh fl-affarijiet li qatt ma kont immaġinajtu li ser jagħmel, imma flimkien ħloqna xi ħaġa sabiħa!” tgħid Valentina.
Fid-dar ta’ Valentina u Carlo, x’għandu speċjali t-toilet?
“Qbilna ħafna fid-deċiżjonijiet tad-dar u għamilna kollox għall-gosti tagħna. Il-kċina ddeċidejnieha fi 3 sigħat. Kellna ħafna għajnuna mid-designer imma l-istil hu dak li xtaqna aħna!” tgħid Valentina.
Id-dar ta’ Valentina u Carlo fil-Mosta, kienet fuq fomm kulħadd minħabba l-imbierek toilet! Dan it-toilet hu l-mimmi ta’ Carlo! Tajjeb li tkunu tafu li jeżistu toilets li m’hemmx għalfejn tuża t-toilet paper għax jitfagħlek l-ilma hu, kif ukoll jixxuttalek il-warrani. Dan it-toilet jinsab fid-dar ta’ dawn it-tnejn. “Xħin sirna nafu li tista’ tixtri dan it-toilet minn Malta, għidna żgur ser ikun wieħed mill-għażliet għaddar tagħna,” jgħid Carlo. Valentina tavżana li ma jiħux pjaċir min jużalu din il-kamra speċjali għax dik hi kamra ferm għal qalbu. “Ara kemm frankajna toilet paper!” tgħid bid-daħka Valentina.
Dan it-toilet hu popolari ferm, tant li spiċċa f’filmat tal-programm Gadgets! Martina li hija wkoll ħabiba ta’ Valentina marret fil-post u għamlet prova ta’ dan it-toilet speċjali! Mhux ta’ b’xejn Carlo tant hu kburi bih! Mhux Martina biss xtaqet tidħol tara d-dar ta’ dawn it-tnejn, imma anke l-kopreżentaturi ta’ Rossi! Dawn it-tnejn qabdu
u daħlu fid-dar mingħajr ma kien hemm il-koppja u bdew jispezzjonaw kollox, “Jien kont naf li kienu ser jidħlu u jagħmlu ċajta lil Valentina f’għeluq sninha, imma ma kontx naf li ser jidħlu jinħaslu, iduqu l-kejk u jaraw kollox!” jgħidilna mistħi Carlo. Tal-inqas dan il-filmat tista’ ssibu fuq il-paġna ta’ Traffic Threesome u tidħaq daħka bir-reazzjoni spontanja ta’ Valentina hekk kif saret taf li sħabha daħlulha d-dar mingħajr permess!
X’ġara l-ewwel darba li daħlu fid-dar il-ġdida tagħhom? Peress li ma kinux imdorrijin li jġorru ċavetta magħhom, spiċċaw biex issakkru barra! “Morna mixja żgħira u nsejna nieħdu ċ-ċavetta! Spiċċajna biex kellna mmorru għand l-eqreb persuna li nafu biex twassalna nġibu ċ-ċavetta tad-dar! Ħadna mixja twila, imma issa tgħallimna! Kienet esperjenza ħelwa li żgur m’hu ser ninsew qatt,” jgħid Carlo. Valentina tassigurana li mhux ser terġa’ tiġri għax il-ħbieb tagħhom li joqogħdu l-Mosta għandhom kopja taċ-ċavetta, “apparti minn hekk issa drajna nġorruha magħna.”
Kollox draw, anke min għandu jagħmel xiex! Qabel marru joqogħdu għal rashom, Valentina u Carlo kienu jgħixu mal-familja ta’ Carlo fejn kienu jsibu ħafna affarijiet lesti. Tista’ timmaġina kif ħassewhom meta f’daqqa waħda kellhom jagħmlu l-affarijiet huma. “Ħadna ftit ħin biex ġejna f’postna, imma wara madwar tliet xhur bdejna nadattaw u nqassmu x-xogħol tad-dar!” jgħid Carlo. Iżda tagħtihx jagħmel il-ħwejjeġ għax dawk ma tantx hu ħabib tagħhom; dak ix-xogħol jaqa’ f’idejn Valentina, “sibna l-affarijiet li nħobbu nagħmlu u qassamniehom skont l-abiltajiet u l-gosti tagħna, u b’hekk ilħaqna kompromess u qed ngħinu lil xulxin. It-tnejn naħdmu sigħat twal u nagħtu daqqa t’id lil xulxin. B’hekk inkunu qed ingawdu t-tnejn li aħna!” tgħid Valentina.
Il-kelb ta’ Valentina jidher li qed jieħu pjaċir fid-dar ilġdida wkoll u qed jidra! “Tiċċajta jiħux pjaċir, dak għamel kullimkien tiegħu, kull fejn tara mimli ġugarelli ta’ Bailey. Hemm għandu xalata fejn jilgħab u jieħu pjaċir,” tgħid Valentina. Bailey iżda kellu jagħżel ma’ min ser joqgħod! Dan proprju għax kmieni din is-sena Carlo nstab pożittiv għall-Covid-19. “Tal-inqas qabditni vera mild u ma tantx kont muġugħ!”. Bailey il-kelb, daqqa kien iqatta’ l-ħin ma’ Valentina u daqqa jmur jagħmel kumpanija lil Carlo, li għamel ġimagħtejn imsakkar ġo kamra waħdu.
Il-Covid-19 tifred lil Valentina u Carlo
Dawk kollha li jsegwu lil Valentina Rossi u lil Carlo Gerada żgur li jafu li hekk kif bdiet is-sena l-ġdida, il-koppja kellhom imorru fi kwarantina minħabba li Carlo ttestja pożittiv għall-Covid-19! Fuq il-profil ta’ Instagram, Valentina kienet ta’ spiss turi lis-segwaċi kemm kienet qed tieħu ħsieb lil Carlo f’kollox!
“Ħadet ħsiebi ħafna Valentina u mnalla kienet hi għax kieku kont niġġennen ġo kamra waħdi niċċassa lejn il-ħitan. Rat li ma jonqosni xejn u f’dawk il-jiem indunajt kemm taf issajjar!” jistqarr Carlo.
Valentina ordnat xirja laħam u ħut, u bdiet issajjar ftit riċetti differenti, iżda wara ftit Carlo tilef
it-togħma, u ma setax igawdi iktar it-tjubija tal-platti tal-maħbuba tiegħu! “Imbagħad spiċċajt niekol l-ikel jien u ngawdih waħdi!” tistqarr Valentina. Għal min segwa dak li kien qed jiġrilhom fuq Instagram, il-preżentazzjoni tal-platti ta’ Valentina kienu inkredibbli. Tant hu hekk, li taħseb li qed tara ikel ta' xi risotrant li jservi ikel millaqwa. Kull ikla li tagħmel faċli ssib ruħha fuq xi blogg jew inkella f'xi paġna ta' Instagram fejn itellgħu l-ikel u l-platti sbieħ! Talent moħbi ta’ Valentina li persważ li għad nisimgħu aktar bih!
“Trid tara kif tista’ tgħaddi l-ħin ġewwa mingħajr ma tiddispra. Biddilna dik li kienet problema f’avventura u konna ngħadduha! Jien ma ħassejtx li għandi noqgħod ma’ Carlo għax ma kontx naf kif il-Covid ser taffettwa lili, għalhekk obdejna r-regolamenti u għal dawk il-ġranet konna noqogħdu fi kmamar separati u nikkomunikaw flimkien permezz ta’ Facetime kważi l-ħin kollu,” tgħid Valentina. Iżda kienu jiġġieldu? “Ħeqq mela! Ħafna wkoll, biex turini li kienet miġġielda miegħi kienet taqtagħli!” jistqarr Carlo. Minkejja dan, il-koppja tiddeskrivi dan iż-żmien bħala ħin ta’ kwalità li qattgħu flimkien, għax skoprew lil xulxin iktar u ħadu paċenzja b’xulxin!
Kien żmien fejn Valentina baqgħet taħdem mid-dar u anke tagħmel il-programm tagħha tar-radju b’mod dirett! “Bis-saħħa tat-teknoloġija żammitna għaddejjin ukoll, kieku konna nieqfu! Għandna apparat fid-dar tagħna u kont naqbad ma’ Frank u Nate b’mod dirett, niċċajtaw u nikkomunikaw flimkien. L-unika ħaġa kienet li ġieli l-linja tkun batuta u nkun tlift xi ċajta li jkunu qalu, jew inkella l-interazzjoni ma tkunx daqshekk tajba daqslikieku qiegħda fl-istudjo. Imma kienet importanti għalija li nibqa’ għaddejja bil-ħajja u x-xogħol tiegħi! Jien persuna li nħobb naħdem u bis-saħħa t’hekk lanqas rajt il-ħin itir,” tgħidilna Valentina. Iżda Valentina tħobb taħdem mid-dar jew mill-uffiċċju? Hi tgħidilna, “Komda l-ħaġa, tkun qiegħda d-dar u ma jkollokx aptit tbiddel, tifranka l-ġiri bil-karozza... però bħala reazzjonijiet, peress li tkun qed taħdem bl-internet li minkejja li kien b’saħħtu, ikun hemm mumenti fejn ikun ftit slow, allura mhux dejjem tkun ideali. B’xi mod għamilnieha taħdem, flok waqafna nagħmlu x-xow tal-inqas sibna din issoluzzjoni. Hekk għamilna meta ma stajniex niltaqgħu, meta kont kwarantina u f’xi każijiet oħra.”
Għal min sema’ lil dawn it-tlieta, ma kienx jinduna b’din il-ħidma, sakemm mhux għax il-preżentaturi jkunu qalu li kienu qed jaħdmu mid-dar. It-trażmissjoni kienet tkun tajba u l-komunikazzjoni bejn it-tliet preżentaturi kienet tkun leġġera bħas-soltu. “Naħseb ir-relazzjoni li għandna flimkien aħna t-tlieta għenet mhux ftit! Nafu lil xulxin fejn għandna nitkellmu, il-battuti li ngħaddu, qbilna ħafna u hemm relazzjoni tajba bejnietna!” tgħidilna Rossi.
Ir-radju u l-mumenti imbarazzanti ta’ Rossi
Valentina Rossi bdiet fuq ir-radju fl-2015. Dak iż-żmien kienet qed tagħmel il-parti prinċipali fil-film taċ-ċinema; Il-Klikka. Valentina kienet mistiedna fuq programm biex tagħmel reklam tal-film u l-maniġer tal-istazzjon,
il-mibki Terry, kien staqsa għaliha. Minn hemm bdiet it-triq għall-karriera ġdida! Għamlitha ta’ attriċi, ta’ mudella, iżda qatt ta’ preżentatriċi tar-radju! “L-ewwel bdejna jien u Nate nagħmlu l-programm flimkien, imbagħad tliet snin ilu ngħaqad magħna Frank u sirna t-traffic threesome. Flimkien ngħaddu siegħa żmien! Min jismagħna żgur jaf kemm ngħaddu botti lil xulxin u bil-praspuri li nagħmlu. Emminni lanqas narahom tliet sigħat għaddejjin! Tant nieħu pjaċir li l-ħin itir!” tgħidilna Rossi. Imma fil-programm ikollhom kollox pjanat ta’ x’ħa jiġri?
“Fil-programm ma jkollna xejn li hu skriptjat, kollox spontanju! Tant nafu lil xulxin li aħna nwieġbu lil xulxin bi spirtu pront. Nifthiemu biss fuq is-suġġetti li nkunu ser niddiskutu minn qabel, iżda dak kollu li ngħidu, jiġi f’moħħna dak il-ħin, b’mod onest. Kulħadd jagħmel ir-riċerka tiegħu fuq affarijiet li jkunu tad-daħk u interessanti, u mbagħad jiġri kollox b’mod maġiku meta nkunu f’xandira diretta! Ġieli naraw xi ħaġa interessanti li tkun qed tiġri dak il-ħin u nibdlu l-programm. Mhux l-ewwel darba li nkunu ħa nitkellmu fuq xi pizza u nispiċċaw nitkellmu fuq xi ħaġa kurrenti li tkun marret viral fuq il-mezzi soċjali,” tgħidilna Valentina.
Fil-programm ikun hemm ftit minn kollox, minn praspar ta’ dawn it-tlieta, sa mużika li tkun popolari f’dawk il-ġranet! Iżda Carlo jismagħha lil Valentina meta tkun on air? “Ġieli niftaħ ir-radju u wara li nismagħha titkellem jibda jiddispjaċini li nkun xegħltu! Valentina hija onesta żżejjed u tgħid dak kollu li jiġiha f’rasha mingħajr ma tara x’inhuma l-konsegwenzi!” jgħid Carlo b’nofs daħka. “Jien meta nkun on air inkun qisni qed nitkellem ma’ sħabi, ma nilbisx maskra imma nkun jien u nibqa’ jien il-programm kollu. Naħseb għalhekk ħafna semmiegħa jieħdu pjaċir jisimgħu l-programm għax dejjem tiskopri xi ħaġa ġdida fil-ħajja kemm tiegħi u anke ta’ Frank u Nate!” tgħid Valentina.
Min-naħa l-oħra staqsejna lil Valentina dwar il-mużika ta’ Carlo. Carlo hu DJ tajjeb ħafna li dejjem jara kif joħloq u jipproduċi diski tal-widna. Valentina tistqarr magħna li togħġobha l-mużika li joħloq il-maħbub tagħha, imma tipprova tgħinu biex jindaqqu aktar il-produzzjonijiet tiegħu? “Jien m’għandix x’naqsam mal-mużika li tindaqq fuq l-istazzjon tagħna. Jien fl-istudjo nkun qiegħda fuq in-naħa ta’ fejn m’hemmx buttuni u nisma’ l-mużika u nitkellem fejn ikun imissni. Però nissapportjaw lil Carlo fejn nistgħu, anke bħala stazzjon. Imma jekk tkun tmur mal-linji gwida talistazzjon, għax le? Ngħinu kif nista’!” tgħidilna bi mħabba kbira Valentina.
Nate u Frank fuq il-programm jaqbdu ħafna ma’ Valentina, imma Carlo x’jaħseb fuqha din? “Lil Nate ilni nafu ħafna u ħbieb kbar, anke ma’ Frank. Ġieli jien stess ngħidilhom fuq l-affarijiet ta’ Valentina biex naqbdu ftit magħha, naħseb hu parti mill-programm u li tkun tista’ tagħmlu b’mod aktar umoristiku u leġġer.” Imma għalkemm Valentina tispiċċa kważi dejjem il-vittma, qatt ma tħalliha lixxa lis-subien! Valentina hi ta’ żaqqha f’fommha u ma tħalli xejn jaħrabilha. Kien għalhekk li staqsejnieha fuq il-ħsieb jekk taċċettax tkun parti minn X Factor jew Malta’s Got Talent!
Valentina bħala membru tal-ġurija? Innies iridu, imma Valentina taċċetta?
Min isegwi lil Valentina fuq il-mezzi soċjali tagħha, jaf kemm għandha għal qalbha l-Eurovision! Dejjem taraha tikkummenta u tgħaddi s-suġġerimenti tagħha. Kienu ħafna li qablu li din il-preżentatriċi maħbuba għandha tkun preżenti għal meta jagħżlu l-ġurija ta’ xi programm bħal Malta’s Got Talent jew X Factor. Waqt dawn il-programmi, Valentina tkun għaddejja blistories tagħha fuq Instagram tikkummenta fuq kull kanzunetta jew prestazzjoni. Ġietna l-kurżità ta’ x’taħseb fuq dan l-irwol, u kieku jiġi offrut lilha, taċċettax.
“Naħseb tant jien żbukkata li ma tantx inkun tajba għal dawk it-tip ta’ programmi. Emminni, nixtieq ta, imma ma naħsibx li jien ideali. Wisq probabbli ma jafdawnix blaffarijiet li noħroġ bihom. Jien vera ngħid xi nħoss u naħseb li huma jikkontrollaw naqra l-affarijiet li tista’ tgħid. Jien inħobb inkun onesta u ngħaddi kritika kostruttiva mingħajr ħafna tidwir tal-lewża. Nippreferi nibqa’ nagħmilhom fuq l-istories tiegħi fejn nuri l-vera jiena milli nkun fuq programm televiżiv u ma nkunx nista’ ngħid dak li vera nħoss,” tgħid Valentina.
Jiġifieri ma taċċettax dan l-irwol? Valentina tagħlaq bil-kliem, “Jiddependi jekk iħallunix inkun jien bħala persuna jew inkella jridunix inkun xi ħaddieħor. F’dak il-każ żgur li le, għax naf li n-nies mhux ħa jemmnu li nkun qed ngħid. Għandi relazzjoni tajba mas-segwaċi tiegħi li jafu meta nkun qed nigdeb jew le. Fil-verità ma nkun qed ngħid xejn kbir. Inkun qed ngħid xi ħaġa li wisq probabbli inti li tkun qed tara mid-dar tkun qed taħseb bħali.”
Nawguraw lil din il-koppja aktar snin ta’ mħabba bejniethom, aktar affarijiet kreattivi fejn tidħol il-kċina u jalla nerġgħu niltaqgħu magħhom meta jkunu għamlu s-signor si. Dakinhar inkunu nistgħu naqtgħu l-kurżitajiet dwar dan l-imbierek tieġ!