2 minute read

Tagħrif dwar iż-żodjaku Cancer

IŻ-ŻODJAKU MA’ PAULJON

Tagħrif dwar iż-żodjaku ta’ Cancer

Advertisement

Ix-xahar ta’ Lulju jlaqqagħna ma’ żewġ żodjaki interessanti ħafna, Cancer u Leo, kif ukoll mal-bidu tal-ewwel ġimgħat tas-sajf! Fix-xahar ta’ Lulju nibdew biż-żodjaku ta’ Cancer li għandu bosta aspetti interessanti b’kombinazzjoni maż-żodjaku ta’ warajh, dak ta’ Leo. Mhux ta’ b’xejn is-seba’ xahar joffrilek kontinwazzjoni, iżda jekk sfortunatament għal xi raġuni tkun weħilt jew waqajt lura, żgur b’dawn iż-żewġ żodjaki terġa’ taqbad tkattar dak li jkun hemm meħtieġ kemm għalik kif ukoll għal dak li jkun hemm bżonn madwarek.

Iż-żodjaku ta’ Cancer jibda l-fażi tiegħu t-Tnejn 21 ta’ Ġunju eżattament mal-istaġun tas-sajf! Dan jintemm il-Ħamis 22 ta’ Lulju. Dan iż-żodjaku jifforma parti mill-element tal-ilma u miegħu nsibu ż-żewġ żodjaki ta’ Pisces u dak ta’ Scorpio. Is-simbolu ta’ dan iżżodjaku huwa dak tal-granċ.

Dan iż-żodjaku jgħaqqad l-ewwel kwart tal-kalendarju żodjaku, għax dan hu fil-fatt ir-raba’ żodjaku (Aries, Taurus, Gemini u Cancer). Dan hu magħruf bħala wieħed miż-żodjaki mimli pożittività, joffri tbissima unika, sensittiv, kif ukoll hu żodjaku li jħoss għal dawk ta’ madwaru, ikun ta’ spalla mal-oħrajn anke jekk ma jkunx il-mument ideali għalihom.

Ħaġa kurjuża dwar is-simbolu ta’ dan iż-żodjaku. Din teħodna lura lejn l-era Eġizzjana, is-simbolu kien ta’ beetle. Wara din l-era ġiet dik ta’ Mesopotamja, is-simbolu reġa’ nbidel għal fekruna. Iżda meta bdiet tidħol il-lingwa Latina, is-simbolu ħa l-forma li nafu llum.

Fatti interessanti dwar Cancer; dawn huma nies li jħobbu jbiddlu ħafna... anke l-burdati! Ma tantx tista’ tlaħħaq mal-burdata li jkollhom minn żmien għal żmien. Fatt ieħor hu li dan iż-żodjaku huwa ta’ fortuna mill-aspett finanzjarju. Fil-fatt negozjanti midħla sew fis-swieq tal-kambji jimxu ħafna ma’ dak li dan iż-żodjaku jbassar!

Dawn huma magħrufin ukoll li biex jikkalmaw lilhom infushom, iduru għal xi ikla ħut jew xarba tajba ta’ tazza nbid! Dawn ikunu fis-seba’ sema meta jagħmlu lil ħaddieħor kuntent, jew iwasslu għal xi sitwazzjoni pożittiva, huma żodjaku ta’ għajnuna siewja ħafna. Peress li dan iż-żodjaku hu marbut fl-astroloġija mal-qamar, telfa ta’ persuna intima ddum iż-żmien marbuta magħhom, anke wara li tkun ħalliet din id-dinja! Huma magħrufa wkoll għat-tisjir tajjeb tagħhom u mhux ta’ b’xejn li nsibu l-aqwa chefs taħt dan iż-żodjaku. Dawn huma persuni li jaħdmu tard mal-lejl u l-għażla ideali tagħhom hi li jkollhom dar viċin il-baħar.

Il-qmura għaż-żodjaku ta’ Cancer iwasslu diversi aspetti differenti, utli u meħtieġa. Il-qamar kwinta kien il-Ħamis 24 ta’ Ġunju u wassal il-ħtieġa sabiex ma ngħaġġlux fil-pjanijiet jew deċiżjonijiet tagħna, iżda rridu nirriflettu sew waqt in-new moon li jiġi s-Sibt 10 ta’ Lulju, li ser ikun qed iwassal sabiex kull opportunità li tiġi, hi x’inhi, nagħrfu nieħdu parir sew, nifhmu dak il-parir, imbagħad nimxu bejn dak il-parir u l-fehma tal-individwu.

Fost personaġġi magħrufa maż-żodjaku Cancer insibu lil Sylvester Stallone, Harrison Ford, Nelson Mandela, Meryl Strep, Prince William, Malala Yousafzai, Lionel Messi, Tom Hanks, Angela Merkel, Julius Caesar, Tom Cruise u Lady Diana.

L-aktar jum ideali għaż-żodjaku ta’ Cancer huwa dak tat-Tnejn, waqt il-jum li int għandek tevita huwa dak tal-Erbgħa. L-aktar xahar ideali għalik huwa dak ta’ April waqt li x-xahar li int għandek tevita huwa dak ta’ Frar. Cancer huma magħrufin għall-gwida utli u għall-burdata stabbli tagħhom.

Għaż-żodjaku ta’ Cancer il-kristalli ideali huma Rose Quartz u Moonstone. Id-dati ideali għal waqt dan iż-żodjaku ta’ Cancer huma s-7, 9, 14 u 19 ta’ Lulju. Kun af aktar dwar iż-żodjaku tiegħek fil-ktieb il-ġdid ta’ PaulJon bl-isem L-Oroskopju Għalik, fejn ser issib aktar informazzjoni interessanti u ta’ benefiċċju għalik! Żur is-sit tiegħi www.pauljon13.com biex takkwista informazzjoni li tkun teħtieġ.

Namaste.

This article is from: