4 minute read
X’ser tagħmel bil-vawċers? Ideat ta’ kif u fejn tista’ tuża l-vawċers mogħtija lilek mill-Gvern dan is-Sajf
from GWIDA July 2021
X’SER TAGĦMEL BIL-VAWĊERS?
Ideat ta’ kif u fejn tista’ tuża l-vawċers mogħtija lilek mill-Gvern dan is-sajf
Advertisement
Għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern ta’ Malta u proprju l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ta’ Malta qassam lil dawk l-individwi kollha li għandhom ’il fuq minn sittax il-sena tmien vawċers li jammontaw għal €100 għal kull persuna. L-għan ta’ dan kollu hu li l-ekonomija tal-gżejjer Maltin u Għawdxin tikber u tkompli tiġi ġġenerata, hekk kif pajjiżna, bħall-kumplament tal-pajjiżi l-oħrajn kollha madwarna, għadda minn żminijiet partikolarment diffiċli minħabba l-imxija tal-Covid-19 u l-isfidi li din ġabet magħha. Huwa mifhum li madwar 25,000 stabiliment kellu jagħlaq il-bibien tiegħu b’mod temporanju minħabba l-Covid-19.
Minn meta sa meta wieħed jista’ jagħmel użu millvawċers?
Il-vawċers jistgħu jintużaw bejn is-7 ta’ Ġunju 2021 u l-15 ta’ Settembru 2021. Bejn l-20 ta’ Mejju 2021 u l-4 ta’ Ġunju wieħed seta’ jakkwista dawn il-vawċers b’mod teknoloġiku. Dawk li preferew jirċievu l-vawċers bil-posta, bdew jirċievu l-vawċers fil-kaxxa tal-ittri tagħhom mill-4 ta’ Ġunju 2021 ’il quddiem. Tajjeb tkun taf li jekk jgħaddi ż-żmien u ma tirċivix il-vawċers inti mitlub tagħmel kuntatt ma’ MIMCOL fuq innumru 8007 4904.
Il-vawċers il-ħomor u l-vawċers il-blu
Il-€100 vawċers huma maqsumin f’vawċers bil-kulur aħmar li jammontaw għal €60, u vawċers ta’ lewn blu, li jammontaw għal €40. Il-vawċers bil-kulur aħmar, li huma erba’ vawċers ta’ €15 il-wieħed, jistgħu jintużaw f’ristoranti, bars, lukandi u anka fi skejjel tal-għadis. Is-sajf Malti huwa staġun mill-isbaħ li jippermettilek tgawdija garantita, kemm jekk tixtieq tqatta’ xi ftit ħin ta’rilassament waħdek u kif ukoll ma’ xi ħbieb jew malfamilja tiegħek.
Permezz ta’ dawn il-vawċers wieħed jista’ tassew igawdi dan l-istaġun u anka forsi jitħajjar jagħmel xi attività ngħidu aħna differenti, avventuruża u mhux tas-soltu! Xi ngħidu għal ikla tajba u bnina fir-ristorant favorit tiegħek mal-familja jew mal-maħbub jew mal-maħbuba tiegħek. Wara perjodu twil mhux ħażin ta’ restrizzjonijiet kemm hija xi ħaġa sabiħa li filwaqt li nżommu f’moħħna l-miżuri li għadhom fis-seħħ, niltaqgħu ma’ ħbieb antiki jew familjari li ilna ma niltaqgħu magħhom, nissoċjalizzaw magħhom, nidħku daħka flimkien u nirrakkuntaw xi storja jew xi esperjenza li għaddejna minnha lil xulxin, u li żgur tnissel tbissima fuq fomm kulħadd. Xarba friska fis-sajf ma tonqosx, anzi tinżel għasel. Kollha kemm aħna nafu t-temperaturi għoljin li l-gżejjer Maltin u Għawdxin jesperjenzaw fl-istaġun tassajf, u għalhekk xarba friska u xi ċajta ’l hemm u l hawn ma’ żewġt iħbieb tal-qalb tinżel ferm tajjeb.
Wieħed jista’ jagħżel ukoll li jagħmel użu mill-vawċers il-ħomor f’xi waħda mil-lukandi li għandna kemm fil-gżejjer Maltin u kif ukoll Għawdxin. Għal dawk li jixtiequ jqattgħu xi ftit jiem ta’ rilassament fis-sajf żgur illi se jsibu dak li qegħdin ifittxu f’xi waħda mil-lukandi attrezzati li għandna fil-gżejjer tagħna. Bosta lukandi joffru wkoll servizzi diversi fejn wieħed mhux biss jieħu l-mistrieħ li jkollu bżonn u li jkun qiegħed ifittex, però fejn wieħed jista’ jirrikorri wkoll għal servizzi ta’ trattamenti ta’ sbuħija u anka ta’ saħħa, fejn wieħed isib ikel abbundanti u frisk, u fuq kollox tagħmir sabiex wieħed joħroġ sodisfatt u kuntent. Kif diġà semmejna, persuna waħda ser ikollha €60 f’vawċers ta’ lewn aħmar li jistgħu jintefqu f’lukandi lokali. Dan is-sajf, permezz tal-vawċers il-ħomor, wieħed jista’ jagħżel ukoll li jagħmel xi tip ta’ avventura, jew xi attività mhux tas-soltu, bħall-għadis, hekk kif il-vawċers il-ħomor jistgħu jintefqu wkoll għand skejjel tal-għadis kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex; b’hekk wieħed jista’ verament igawdi l-ġmiel li joffru l-ibħra tagħna. Attività bħal din fl-ibħra li aħna mdawrin bihom tista’ ssir minn familja lkoll flimkien, minn grupp ta’ ħbieb, jew kollegi ta’ fuq il-post tax-xogħol, jew xi koppja li jixtiequ li flimkien jesperjenzaw xi ħaġa ġdida u li forsi qatt ma esperjenzaw flimkien qabel. Attività bħal din żgur li tibqa’ bħala waħda mill-isbaħ memorji tas-sajf u hija wkoll attività fejn persuna verament jirnexxila tosserva s-sigrieti li jġorru l-ibħra tagħna bl-aktar mod kajman u trankwill.
Ngħaddu issa għall-vawċers ta’ lewn blu. Kull persuna ser ikollha erba’ vawċers ta’ €10 l-wieħed, b’total ta’ €40. Dawn il-vawċers jistgħu jintefqu fin-negozji kollha, per eżempju fi ħwienet tal-moda, taż-żraben, talaffarijiet tad-djar u f’ħafna ħwienet lokali oħrajn li ġew milquta b’mod partikolari minħabba l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna. Diversi negozji addattaw tant għal dan iżżmien li għaddejna minnu lkoll flimkien li bdew anka jwasslu l-prodotti lin-nies wara l-bieb tad-dar tagħhom biex b’hekk laqtu wkoll il-gosti ta’ kulħadd.
Permezz ta’ dawn il-vawċers wieħed jista’ jakkwista dak l-oġġett li kien ilu biex jixtri bħal per eżempju xi żarbun komdu għas-sajf, jew xi libsa hekk kif wasal ukoll l-istaġun popolari għat-tiġijiet f’pajjiżna, jew forsi anka wasallu xi rigal partikolari li wieħed irid jixtri. Dawn ilvawċers joffrulek xelta vasta ta’ negozji lokali minn fejn inti tista’ tagħmel l-akkwisti tiegħek. Il-vawċers il-blu jistgħu jintefqu wkoll f’servizzi. Dawn jinkludu stilisti tax-xagħar, artisti tad-dwiefer, u anka stabilimenti li jieħdu ħsieb trattamenti ta’ sbuħija. Permezz ta’ dawn il-vawċers wieħed ukoll jista’ jgawdi ġurnata mal-familja jew mal-ħbieb tiegħu hekk kif flimkien wieħed jista’ jorganizza u jqatta’ ġurnata ta’ trattamenti tas-sbuħija jew inkella ġurnata sabiex wieħed idur fin-negozji lokali u jakkwista dawk l-affarijiet li jixtieq permezz tal-vawċers. Dan mhux biżżejjed hekk kif il-vawċers il-blu jistgħu jintefqu wkoll f’mużewijiet, għall-attivitajiet artistiċi u kulturali, f’każini u anka f’gyms. Wieħed jista’ jissieħeb ma’ gym permezz tal-vawċers il-blu, jorganizza ħarġa ġo wieħed mill-mużewijiet artistiċi u tal-istorja li għandna kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex, jew anka jiltaqa’ ma’ sħabu ġo każin tal-banda tipiku Malti.